Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0442

    L-ideat tal-UE dwar kif nistgħu nimxu lejn ekonomija ta’ suċċess immexxija mid-dejta

    L-ideat tal-UE dwar kif nistgħu nimxu lejn ekonomija ta’ suċċess immexxija mid-dejta

    Il-komunikazzjoni hija dokument politiku b’ideat dwar kif il-pajjiżi tal-UE jistgħu jisfruttaw id-dejta għall-benefiċċju tal-ekonomiji tagħhom. Il-benefiċċji potenzjali ta’ ekonomija mmexxija mid-dejta dejjem tikber jinkludu t-titjib fil-benesseri taċ-ċittadini, opportunitajiet ġodda ta’ negozju u servizzi pubbliċi aktar innovattivi.

    ATT

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta (COM(2014) 442 final tat-2.7.2014).

    SOMMARJU

    X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

    Il-komunikazzjoni hija dokument politiku b’ideat dwar kif il-pajjiżi tal-UE jistgħu jisfruttaw id-dejta għall-benefiċċju tal-ekonomiji tagħhom. Il-benefiċċji potenzjali ta’ ekonomija mmexxija mid-dejta dejjem tikber jinkludu t-titjib fil-benesseri taċ-ċittadini, opportunitajiet ġodda ta’ negozju u servizzi pubbliċi aktar innovattivi.

    PUNTI EWLENIN

    Il-problemi ewlenin identifikati fil-konsultazzjonijiet pubbliċi fuq dejta kbira huma:

    in-nuqqas ta’ koordinazzjoni transkonfinali,

    infrastruttura u opportunitajiet ta’ finanzjament insuffiċjenti,

    nuqqas ta’ esperti tad-dejta u ħiliet relatati,

    ambjent legali kumpless.

    Il-Kummissjoni tippreżenta l-ideat li ġejjin bil-għan li tindirizza dawn il-problemi:

    Toħloq sħubija pubblika-privata ta’ dejta kbira li tiffinanzja l-ideat ewlenin ta’ “dejta kbira” (eż. f’mediċina personalizzata u loġistika tal-ikel).

    Toħloq inkubatur ta’ dejta miftuħa sabiex tgħin lill-SMEs jistabbilixxu ktajjen tal-provvista bbażati fuq id-dejta u jagħmlu aktar użu minn cloud computing (fejn id-dejta tinħażen u tiġi pproċessata f’ċentri tad-dejta remoti).

    Tipproponi regoli ġodda dwar is-sjieda tad-dejta u r-responsabbiltà tal-provvediment tad-dejta għad-dejta miġbura permezz ta’ komunikazzjoni minn magna għal magna (jiġifieri kwalunkwe teknoloġija li tippermetti lill-mezzi fin-netwerk jiskambjaw informazzjoni u jwettqu azzjonijiet mingħajr l-assistenza manwali tal-bnedmin, pereżempju għall-monitoraġġ mill-bogħod. Fil-qasam tal-istokkjar mill-ġdid tal-prodotti, magna tal-bejgħ tista’ tinforma lid-distributur meta prodott partikolari jkun wasal biex jispiċċa).

    Tidentifika l-istandards tad-dejta rilevanti eżistenti għal għadd ta’ oqsma ta’ dejta kbira (eż. is-saħħa, it-trasport, l-ambjent, il-bejgħ bl-imnut, il-manifattura, is-servizzi finanzjarji, eċċ.) bil-għan li tinħoloq klima ta’ skambju ta’ dejta miftuħ.

    Tistabbilixxi serje ta’ ċentri ta’ supercomputing ta’ eċċellenza bil-għan li jiżdied l-għadd ta’ ħaddiema tad-dejta tas-sengħa fl-Ewropa (superkompjuters huma kompjuters li jipproċessaw id-dejta f’veloċitajiet għoljin ħafna).

    Toħloq netwerk ta’ faċilitajiet li jipproċessaw id-dejta f’pajjiżi differenti tal-UE (dawn huma postijiet fejn tiġi pproċessata d-dejta - eżempju ta’ netwerk huwa n-netwerk tad-dejta Ewropew għall-komunità tar-riċerka u l-edukazzjoni msejjaħ Geant).

    SFOND

    L-attivitajiet umani, il-proċessi industrijali u r-riċerka qegħdin iwasslu għall-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta fuq skala bla preċedenti, filwaqt li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda, kif ukoll proċessi ta’ negozju u metodoloġiji xjentifiċi ġodda. Is-settijiet ta’ dejta li jirriżultaw huma tant kbar u kumplessi li jsir diffiċli li tiġi pproċessata tali “dejta kbira” bl-għodod u l-metodi attwali għall-ġestjoni tad-dejta.

    Il-livelli għoljin ta’ tkabbir fit-teknoloġija tad-dejta u s-servizzi jistgħu jwasslu għal benefiċċji ekonomiċi konsiderevoli f’diversi oqsma, li jvarjaw mis-saħħa, is-sigurtà tal-ikel, il-kwistjonijiet klimatiċi u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi sal-enerġija u sistemi ta’ trasport intelliġenti.

    TERMINI EWLENIN

    Dejta kbira (eż. informazzjoni ġeografika, statistika, informazzjoni dwar it-temp, dejta ta’ riċerka, dejta dwar it-trasport, dejta dwar il-konsum tal-enerġija jew dejta tas-saħħa) tirreferi għal ammonti kbar ta’ dejta prodotti malajr ħafna permezz ta’ għadd kbir ta’ sorsi varji.

    Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

    L-aħħar aġġornament: 09.01.2015

    Fuq