Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0033

    Indirizzar tal-konsegwenzi ta' “disenfranchisement” taċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu

    Indirizzar tal-konsegwenzi ta' “disenfranchisement” taċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu

    F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tindirizza s-sitwazzjoni taċ-ċittadini Ewropej li jitilfu d-dritt għall-vot tagħhom f'elezzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż matern tagħhom minħabba li huma jgħixu fi Stat Membru ieħor għal perjodu ta' żmien partikolari.

    ATT

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Li tindirizza l-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu (COM(2014) 33 finali tal-29 ta' Jannar 2014).

    SOMMARJU

    Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) minn ċerti Stati Membri jitilfu d-dritt tagħhom għall-vot (jiġu 'disenfranchised') fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-pajjiż matern tagħhom ladarba huma jkunu jgħixu barra minn pajjiżhom għal perjodu ta' żmien partikolari, inkluż f'pajjiż tal-UE ieħor. Bħala konsegwenza ta' dan, huma mhumiex kapaċi jipparteċipaw fi kwalunkwe elezzjoni nazzjonali, kemm f'pajjiżhom stess kif ukoll fil-pajjiż ta' residenza tagħhom.

    Ħames Stati Membri huma kkonċernati b'dan (id-Danimarka, l-Irlanda, Ċipru, Malta u r-Renju Unit (1)), li ċ-ċittadini tagħhom jistgħu jitilfu d-dritt li jivvotaw għal raġunijiet li huma jkunu ilhom jgħixu barra minn pajjiżhom għal ċertu perjodu ta' żmien. Żewġ pajjiżi oħrajn (l-Ġermanja u l-Awstrija) jimponu ċerti kundizzjonijiet għaż-żamma tad-dritt li jivvotaw fl-elezzjoni nazzjonali.

    Ċittadini “disenfranchising” jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma limitati mit-tgawdija tad-drittijiet fundamentali mehmużin maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, bħad-dritt li jiċċaqilqu u li jirrisjedu b'mod liberu fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE). Barra minn hekk, dan iwassal għal diskrepanza fid-drittijiet politiċi taċ-ċittadini tal-UE kkonċernati li hija inkonsistenti mal-isforzi għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet għal żmien qasir għal din is-sitwazzjoni. Il-pajjiżi tal-UE għandhom għallinqas jippermettu liċ-ċittadini tagħhom li jirrisjedu f'pajjiż tal-UE ieħor li jżommu d-dritt tagħhom li jivvotaw jekk juru interess kontinwat fil-ħajja politika tal-pajjiż nazzjonali tagħhom. Dan jista' jkun, pereżempju, permezz ta' applikazzjoni sabiex jibqgħu reġistrati fuq ir-reġistru elettorali. Applikazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġġeddu f'intervalli xierqa u l-applikazzjoni għalihom għandha tkun possibbli permezz ta' mezzi elettroniċi.

    Min-naħa l-oħra, tirrakkomanda riflessjoni għal żmien itwal dwar kif għandha tiġi rimedjata d-diskrepanza fil-parteċipazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor, filwaqt li jitqies id-dibattitu attwali dwar l-enfranchisement fil-pajjiż ospitu.

    l-aħħar aġġornament 18.06.2014



    (1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

    Fuq