Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0008

Enerġija Blu — enerġija rinnovabbli mill-oċeani

Enerġija Blu — enerġija rinnovabbli mill-oċeani

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni (COM (2014) 8 final) — Enerġija Blu — Azzjoni meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija mill-oċeani fl-ibħra u l-oċeani Ewropej sal-2020 u lil hinn

X'INHU L-GĦAN TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Tiddeskrivi l-pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) biex jiġi utilizzat il-potenzjal tal-ibħra u tal-oċeani bħala sorsi ta’ enerġija nadifa.
  • Tistabbilixxi kors ta’ azzjoni sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal ekonomiku u ambjentali tal-enerġija rinnovabbli mill-oċeani, u hija mfassla biex tikkontribwixxi għall-miri ta’ tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE u għall-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

PUNTI EWLENIN

Hemm diversi ostakoli, li jeħtieġ li jiġu indirizzati, li qegħdin jostakolaw lis-settur tal-enerġija oċeanika milli jiffjorixxi. Dawn jinkludu:

  • il-kost għoli tat-teknoloġija;
  • il-ħtieġa li tiġi estiża l-grilja elettrika tal-UE;
  • il-proċeduri kumplessi ta’ liċenzjar;
  • il-ħtieġa għal riċerka fit-tul dwar l-impatti ambjentali; u
  • id-diffikultà fl-aċċess għal finanzjament (tnaqqis fl-appoġġ f’għotjiet u fi dħul).

Programmi eżistenti bħall-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija, l-enerġija mill-oċeani ERA-NET u Orizzont 2020 ser ikunu importanti fil-faċilitazzjoni ta’ volumi kbar ta’ elettriku b'livell baxx ta’ karbonju lejn l-Ewropa mill-ibħra u mill-oċeani tagħha.

Il-komunikazzjoni tipproponi żewġ fażijiet ta’ azzjoni biex jiġi utilizzat il-potenzjal tal-enerġija mill-oċeani:

L-ewwel fażi, mill-2014 sal-2016, timmira li tistabbilixxi:

  • forum li jindirizza kwistjonijiet teknoloġiċi, amministrattivi u ambjentali fl-iżvilupp tas-settur tal-enerġija rinnovabbli mill-oċeani; u
  • pjan direzzjonali strateġiku li jistabbilixxi miri ċari għall-iżvilupp industrijali u limitu ta’ żmien biex dawn jintlaħqu.

L-għan tat-tieni fażi, mill-2017 sal-2020, huwa li:

  • jiġu stabbiliti inizjattivi biex jiġi attirat l-investiment fl-enerġija oċeanika rinnovabbli; u
  • jiġu żviluppati linji gwida speċifiċi għas-settur għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti.

It-tkabbir tas-setturi tal-enerġija eolika u solari fis-snin riċenti juri b’mod ċar li t-twaqqif ta’ politika u ta’ finanzjament xierqa jista’ jipprovdi l-inċentivi li l-industrija teħtieġ biex tagħti r-riżultati.

SFOND

L-enerġija oċeanika għandha potenzjal enormi. Hemm diversi teknoloġiji differenti biex jiġi sfruttat dan il-potenzjal bħall-enerġija mill-mewġ, mill-flussi tal-marea, l-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut u l-konverżjoni ta’ differenzi fit-temperatura u fis-salinità f’elettriku.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Enerġija Blu — Azzjoni meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija mill-oċeani fl-ibħra u l-oċeani Ewropej sal-2020 u lil hinn (COM(2014) 8 final, 20 ta’ Jannar 2014)

l-aħħar aġġornament 11.10.2016

Fuq