Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 41996D0409

    Dokument provviżorju tal-ivvjaġġar (ETD)

    Dokument provviżorju tal-ivvjaġġar (ETD)

     

    SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

    Deċiżjoni 96/409/PESK dwar it-tfassil ta' dokument provviżorju tal-ivvjaġġar

    X'INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

    • Din tistabbilixxi mudell standard għal dokument provviżorju tal-ivvjaġġar (ETD) li jista' jinħareġ fil-każ tat-telf, il-qerda, is-serq jew tip ta' nuqqas ta' disponibbiltà ieħor ta' passaport ta' ċittadin tal-UE
    • Hija tippermetti li jinħarġu ETDS lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) għal vjaġġ wieħed lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, lejn il-pajjiżi fejn ikunu residenti permananti, jew, f’każijiet eċċezzjonali, lejn destinazzjoni oħra (ġewwa jew barra mill-UE).

    PUNTI EWLENIN

    Kamp ta' applikazzjoni

    Id-deċizjoni ma tapplikax għal passaporti li jkunu skadew; hija ristretta b’mod speċifiku għal każijiet fejn id-dokumenti tal-ivvjaġġar ikunu ntilfu, insterqu jew tħassru jew ma jkunux disponibbli temporanjament

    Biex takkwista ETD

    L-ambaxxati u l-konsulati tal-pajjiżi tal-UE joħorġu ETDs fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    • l-applikant ikun ċittadin tal-UE li l-passaport tiegħu ikun intilef, insteraq jew tħassar jew ma jkunx disponibbli għal żmien temporanju;
    • l-applikant ikun f’pajjiż li fih il-pajjiż tal-UE li tiegħu huwa ċittadin ma jkollux ambaxxata jew konsulat aċċessibli li jista’ joħroġ dokument tal-ivvjaġġar jew ma jkunx irrappreżentat b'mod ieħor;
    • tkun inkisbet awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant.

    L-applikant għal ETD għandu jibgħat formola ta’ applikazzjoni flimkien ta’ kopji ċċertifikati ta’ kwalunkwe prova tal-identità u n-nazzjonalità lill-awtorità maħtura mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

    Ħlasijiet u spejjeż

    Il-pajjiż tal-UE li joħroġ l-ETD jiġbor mingħand l-applikant l-istess ħlasijiet u spejjeż bħal dawk li normalment jiġbor meta joħoroġ passaport ta’ emerġenza. Applikant li ma jkunx jista' jkopri nfiq lokali ieħor ser jirċievi, fejn applikabbli, il-fondi neċessarji kif istruwit mill-pajjiż ta' oriġini tiegħu/tagħha, skont id-Deċiżjoni 95/553/KE (li se tiġi revokata mid-Direttiva (UE) 205/637 mill-1 ta' Mejju 2018).

    Perjodu ta' validità

    Biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jirritornaw lejn post partikolari, il-perjodu ta' validità ta' ETD għandu jkun validu kemmxjen iktar miż-żmien minimu meħtieġ biex isir il-vjaġġ li għalih tkun inħarġet. Fil-kalkolu ta' dan il-perjodu, għandha tiġi kkunsidrata l-ħtieġa ta' waqfiet matul il-lejl u biex isiru konnessjonijiet ta' vjaġġar.

    Miżuri ta' sigurtà

    L-Anness III tad-deċiżjoni jindirizza l-miżuri ta' sigurtà relatati mal-ETD. Dawn jinkludu aspetti bħat-tip ta' karta u s-sistema ta' numerazzjoni li għandhom jintużaw, kif ukoll kif għandu jitwaħħal is-siġill tal-awtorità tal-ħruġ.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni ara:

    DOKUMENT EWLIENI

    Id-Deċiżjoni 96/409/CSFP tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fil-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar l-istabbiliment ta' dokument proviżorju tal-ivvjaġġar (ĠU L 168, 6.7.1996, p. 4–11).

    L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 96/409/PESK ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija ta' valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Deċiżjoni 95/553/KE tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-istati membri li jiltaqgħu fi ħdan il-kunsill tad-19 ta' Diċembru 1995 rigward il-protezzjoni ta' ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea minn rappreżentazzjonijiet diplomatiċi u konsulari (ĠU L 314, 28.12.1995, p. 73–76)

    Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 tal-20 ta' April 2015 dwar il-miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f'pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE (ĠU L 106, 24.4.2015, p. 1–13)

    l-aħħar aġġornament 23.08.2016

    Fuq