Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1115

    Il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresta

    Il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresta

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (UE) 2023/1115 dwar it-tqegħid fis-suq tal-UE u l-esportazzjoni mill-UE ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati ma’ deforestazzjoni u degradazzjoni tal-foresta

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    Ir-regolament jistabbilixxi regoli vinkolanti għal operaturi u operaturi tas-suq tal-Unjoni Ewropea (UE) li jpoġġu fis-suq tal-UE jew jesportaw mill-UE injam, lastku, baqar, kafè, kawkaw, żejt tal-palm u soja bil-għan li:

    • jimminizza l-kontribuzzjoni tal-UE għad-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-foresta; u
    • jnaqqas il-kontribuzzjoni tal-UE għall-emissjonijiet ta’ gass serra u t-telf globali ta’ bijodiversità

    Ir-regolament hu parti mill-istrateġija dwar il-bijodiversità għall-2030 tal-UE, l-istrateġija dwar il-foresta l-ġdida tal-UE għall-2030 u l-Patt Ekoloġiku Ewropew

    PUNTI EWLENIN

    Deforestazzjoni u degradazzjoni tal-foresta huma r-riżultat tal-espansjoni ta’ art agrikola, li hi marbuta mal-produzzjoni tal-komoditajiet koperti minn dan ir-regolament. Bħala konsumatur maġġur ta’ dawn il-komoditajiet, l-UE tista’ tnaqqas il-kontribuzzjoni tagħha għad-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-foresta billi tassikura li dawn il-prodotti u l-ktajjen tal-provvista tagħhom jkunu ħielsa minn deforestazzjoni.

    Diliġenza dovuta

    • Il-valutazzjoni tal-impatt tar-regolament tikkulkula li, mingħajr dan l-intervent, il-konsum u l-produzzjoni tal-UE tas-sitt komoditajiet biss jistgħu jikkawżaw kważi 250,000 ettari ta’ deforestazzjoni kull sena sal-2030.
    • Ir-regolament jissettja regoli mandatorji ta’ diliġenza għal operaturi u operaturi tas-suq li jpoġġu fis-suq tal-UE jew jesportaw mis-suq tal-UE il-komoditajiet li ġejjin: żejt tal-palma, baqar, injam, kafè, kawkaw, lastku u soja.
    • Ir-regoli japplikaw ukoll għal numru ta’ prodotti derivati, bħal ċikkulata, għamara, karta stampata u firxa wiesgħa ta’ prodotti derivati minn żejt tal-palma (użat fi prodotti tal-kura personali, pereżempju).
    • L-operaturi jridu jittraċċaw il-komoditajiet li jbigħu lura għal roqgħa art fejn kienu magħmula.
    • Ir-regolament jħalli lil operatur żgħar jaħdmu ma’ operaturi akbar biex jippreparaw dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza.
    • Ir-regolament jissettja data limitu tal-31 ta’ Diċembru 2020, li jiġifieri li prodotti biss li jkunu magħmula fuq art li ma kinitx suġġetta għal deforestazzjoni jew degradazzjoni ta’ foresta wara l-31 ta’ Diċembru 2020 ser jitħallew fuq is-suq tal-UE jew li jkunu esportati mill-UE.

    Verifiki tal-prodott

    • Ir-regolament jinkludi l-ħolqien ta’ sistema ta’ parametru ta’ referenza, li tapponta livell ta’ riskju relatat mad-deforestazzjoni u degradazzjoni tal-foresta (baxx, standard jew għoli) lil Stati Membri tal-UE u pajjiżi mhux tal-UE.
    • Il-kategorija ta’ riskju tiddetermina l-livelli ta’ obbligi għad-diliġenza ta’ operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet ta’ Stati Membri biex iwettqu spezzjonijiet u verifiki, biex itejbu l-monitoraġġ għal pajjiżi b’riskju għoli u jissimplifikaw id-diliġenza għal pajjiżi b’riskju baxx.
    • Biex jivverifikaw li jkunu wettqu l-obbligi tagħhom effettivament, kull Stat Membru ser ikollu jagħmel verifiki fuq:
      • 9% tal-operaturi li jittrattaw ma’ prodotti minn pajjiżi b’riskju għoli, flimkien ma’ 9% tal-komoditajiet rilevanti u prodotti, li jkunu saru disponibbli jew esportati mis-suq tagħhom minn pajjiżi b’riskju għoli;
      • 3% tal-operaturi li jittrattaw bi prodotti minn pajjiżi b’riskju standard;
      • 1% tal-operaturi li jittrattaw bi prodotti minn pajjiżi b’riskju baxx.
    • L-UE ser ittejjeb il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi sieħba, b’mod partikolari dawk ikklassifikati bħala ta’ riskju għoli.

    Drittijiet tal-bniedem

    Ir-regoli jqisu wkoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem relatati ma’ deforestazzjoni li jirrispettaw il-prinċipju ta’ kunsens liberu, minn qabel u infurmat ta’ nies indiġeni.

    Pieni

    Ir-regolament jinkludi wkoll regoli fuq pieni, li Stati Membri jridu jassikuraw li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi u jinkludu, fost oħrajn, multi proporzjonati mal-ħsara ambjentali u l-valur ta’ komoditajiet jew prodotti, li jridu jkunu ssettjati għal livell ta’ mill-inqas 4% tal-fatturat annwali tal-operaturi fl-UE u esklużjoni temporanja minn proċessi tal-akkwist pubbliku u/jew minn aċċess għal finanzjament pubbliku.

    MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Ir-regolament ilu japplika mid-29 ta’ Ġunju 2023. Xi dispożizzjonijiet japplikaw mit-30 ta’ Diċembru 2024 (jew mit-30 ta’ Ġunju 2025 għal impriżi mikro, żgħar u medji stabbiliti qabel il-31 ta’ Diċembru 2020

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    DOKUMENT PRINĊIPALI

    Ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (ĠU L 150, 9.6.2023, pp. 206–247).

    DOKUMENTI RELATATI

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parliament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Istrateġija l-Ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030 (COM (2021) 572 final, 16.7.2021).

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE għall-Biodiversità għall-2030 — Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM(2020) 380 final, 20.5.2020).

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final, 11.12.2019).

    l-aħħar aġġornament 08.12.2023

    Fuq