Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0672

    Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 (SURE)

    Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 (SURE)

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (UE) 2020/672 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    • L-istabbiliment ta’ strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE), ir-regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li jippermettu lill-UE tipprovdi assistenza finanzjarja lil Stat Membru li jkun qed jesperjenza tfixkil ekonomiku gravi, jew ikun mhedded serjament minn tali tfixkil, ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.
    • Primarjament għandu l-għan li jiffinanzja skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili bl-għan li jiġu protetti l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom, u b’hekk jitnaqqsu r-riskju tal-qgħad u t-telf tal-introjtu. Jista’ jintuża wkoll biex jiffinanzja bħala anċillari, xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

    PUNTI EWLENIN

    • L-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-Kunsill jagħti għajnuna finanzjarja tal-UE lill-Istati Membri li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet (jew ikunu mhedda serjament minnhom) ikkawżati minn ċirkostanzi eċċezzjonali li fuqhom ma jkollhomx kontroll.
    • Skont ir-regolament SURE, Stat Membru jista’ jitlob assistenza finanzjarja tal-UE b’appoġġ għal miżuri nazzjonali, bħal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, biex jindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19, fejn in-nefqa pubblika attwali (u possibbilment ippjanata wkoll) tiegħu żdiedet f’daqqa u b’mod sever wara l-1 ta’ Frar 2020.
    • L-assistenza finanzjarja tingħata fuq talba, fil-forma ta’ self, imħallas fi ħlasijiet parzjali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istat Membru kkonċernat jikkonkludu ftehim ta’ self skont l-Artikolu 220(5) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 — ara s-sommarju).
    • Biex tipprovdi għall-finanzjament għall-Istrument SURE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissellef mis-swieq kapitali jew mill-istituzzjonijiet finanzjarji f’isem l-UE fl-aktar żmien xieraq sabiex tottimizza l-kost tal-finanzjament u tippreserva r-reputazzjoni tagħha bħala l-emittent tal-UE fis-swieq. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għall-Istrument SURE billi jagħtu kontrogaranzija għar-riskju mġarrab mill-UE. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu pprovduti fil-forma ta’ garanziji irrevokabbli, mingħajr kundizzjonijiet u fuq talba. L-ammont ta’ garanzija kkontribwit minn kull Stat Membru jikkorrispondi għas-sehem relattiv tiegħu fid-dħul nazzjonali gross totali tal-UE tal-ammont totali ta’ EUR 25 biljun. Il-Kummissjoni tikkonkludi ftehim ta’ garanzija mal-Istat Membru kontribwenti, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-ħlas.
    • L-ammont massimu ta’ assistenza finanzjarja disponibbli taħt SURE huwa ta’ EUR 100 biljun għall-Istati Membri kollha.
    • L-Istrument SURE għandu l-għan li jikkomplementa l-miżuri nazzjonali meħuda mill-Istati Membri affettwati biex itaffi l-effetti diretti ekonomiċi, soċjali u relatati mas-saħħa tat-tifqigħa tal-COVID-19.

    Proċedura għat-talba u l-approvazzjoni ta’ assistenza finanzjarja

    • L-assistenza finanzjarja ssir disponibbli permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill adottata abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat.
    • Għal dan il-għan, l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa relatata maż-żieda f’daqqa u severa fin-nefqa pubblika attwali (u possibbilment ippjanata wkoll) direttament relatata ma’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll, fejn xieraq, ma’ miżuri rilevanti relatati mas-saħħa, minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19.

    Regoli prudenzjali

    • Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, hija obbligata timplimenta r-regoli prudenzjali li ġejjin applikabbli għall-portafoll tas-self SURE:
      • is-sehem tas-self mogħti lit-3 Stati Membri li jirrappreżentaw l-akbar sehem tas-self ma jistax jaqbeż is-60 % tal-ammont massimu (jiġifieri 60 % ta’ EUR 100 biljun);
      • l-ammonti dovuti mill-UE f’sena partikolari ma jistgħux jaqbżu l-10 % tal-ammont massimu tal-Istrument SURE (jiġifieri 10 % ta’ EUR 100 biljun);
      • fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tirrifinanzja s-self assoċjat ikkuntrattat f’isem l-UE.
    • Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill se tinkludi:
      • l-ammont tas-self, il-maturità medja massima, il-formula tal-ipprezzar, l-għadd massimu ta’ ħlasijiet parzjali, il-perjodu ta’ disponibbiltà u regoli rilevanti oħra għall-għoti tal-assistenza finanzjarja;
      • valutazzjoni tal-konformità tal-Istat Membru mal-kundizzjonijiet għall-użu tal-Istrument SURE;
      • deskrizzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili u, fejn xieraq, miżuri relatati mas-saħħa, li jistgħu jiġu ffinanzjati wkoll skont ir-regolament SURE.
    • Meta jadotta d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, il-Kunsill iqis il-ħtiġijiet eżistenti u mistennija tal-Istat Membru kif ukoll talbiet għal assistenza finanzjarja ta’ SURE diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza.

    Amministrazzjoni, użu possibbli ta’ garanziji u disponibbiltà tal-Istrument SURE

    • Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tas-self mas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. Il-pajjiżi benefiċjarji jiftħu kontijiet speċjali mal-bank ċentrali nazzjonali tagħhom biex jamministraw l-assistenza finanzjarja li jirċievu.
    • Fil-każ li, minkejja l-applikazzjoni tar-regoli prudenzjali kollha, il-Kummissjoni jkollha bżonn titlob għall-ħlas tal-garanziji mogħtija mill-Istati Membri, hija mistennija, qabel ma titlob għall-ħlas ta’ dawn il-garanziji, teżamina jekk tistax tuża l-marġni disponibbli taħt il-limitu tar-riżorsi proprji għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament, sa fejn dan jitqies sostenibbli mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu, fost affarijiet oħra, l-obbligazzjonijiet kontinġenti totali tal-UE u s-sostenibbiltà tal-baġit ġenerali tal-UE.
    • L-Istrument SURE se jsir disponibbli ladarba l-Istati Membri kollha jkunu kkontribwew is-sehem tagħhom tal-garanziji (ara hawn fuq). Il-perjodu ta’ disponibbiltà tal-Istrument SURE li matulu tista’ tiġi adottata deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li tagħti l-assistenza finanzjarja jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2022. Il-Kunsill, wara proposta mill-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi li jestendi l-perijodu ta’ disponibbiltà tal-Istrument SURE, kull darba għal perjodu addizzjonali ta’ 6 xhur, fejn il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tfixkil ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19 li jaffettwa l-finanzjament tal-miżuri rilevanti għadu jeżisti.
    • Ir-regolament ma japplikax fir-Renju Unit.

    MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Ir-regolament daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 2020.

    SFOND

    Ara wkoll:

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 159, 20.5.2020, pp. 1-7)

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1-222)

    Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VIII — Politika ekonomika u monetarja — Kapitolu 1 — Politika ekonomika — Artikolu 122 (ex Artikolu 100 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 98)

    l-aħħar aġġornament 31.08.2020

    Fuq