Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0796

    Miżuri restrittivi tal-UE kontra l-attakki ċibernetiċi

    Miżuri restrittivi tal-UE kontra l-attakki ċibernetiċi

     

    SOMMARJU TA’:

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-UE jew l-Istati Membri tagħha

    Ir-Regolament (UE) 2019/796 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-UE jew l-Istati Membri tagħha

    X’INHUMA L-GĦANIJIET TAD-DEĊIŻJONI U TAR-REGOLAMENT?

    Dawn jintroduċu qafas li jippermetti lill-UE timponi sanzjonijiet biex tiskoraġġixxi u tirrispondi għall-attakki ċibernetiċi* li jikkostitwixxu theddida esterna għall-UE jew għall-pajjiżi tal-UE. Dawn l-attakki ċibernetiċi jinkludu dawk kontra pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fejn titqies li hemm bżonn ta’ azzjoni biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE.

    PUNTI EWLENIN

    Sanzjonijiet għal persuni u entitajiet elenkati

    • Dan il-qafas jippermetti lill-UE timponi sanzjonijiet fuq persuni jew entitajiet responsabbli għal attakki ċibernetiċi jew tentattivi ta’ attakki ċibernetiċi, li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali għal tali attakki jew li huma involuti b’modi oħra. Jistgħu jkunu imposti wkoll sanzjonijiet fuq persuni jew entitajiet assoċjati magħhom. Miżuri restrittivi jinkludu projbizzjonijiet fuq persuni li jivvjaġġaw lejn l-UE, u l-iffriżar tal-assi.
    • Il-persuni soġġetti għal tali sanzjonijiet se jkunu elenkati fl-Anness I tad-deċiżjoni (PESK) 2019/797, kif identifikat mill-Kunsill; il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I se jiġu ffriżati.
    • Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli biex jistabbilixxu regoli dwar il-penali għall-ksur.

    Attakki ċibernetiċi

    L-attakki ċibernetiċi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-reġim ta’ sanzjonijiet il-ġdid huma dawk li għandhom impatt sinifikanti u li:

    • joriġinaw jew jitwettqu minn barra l-UE; jew
    • jużaw infrastruttura barra mill-UE; jew
    • jitwettqu minn persuni jew entitajiet stabbiliti jew li joperaw barra mill-UE; jew
    • jitwettqu bl-appoġġ ta’ persuna jew entitajiet li joperaw barra mill-UE.

    L-attakki ċibernetiċi li huma ta’ theddida għall-pajjiżi tal-UE jinkludu dawk li jaffettwaw sistemi tal-informazzjoni relatati ma’:

    • infrastruttura kritika li tkun essenzjali għall-funzjonijiet vitali tas-soċjetà, jew is-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, u l-benesseri ekonomiku u soċjali taċ-ċittadini;
    • servizzi meħtieġa għal attivitajiet soċjali u ekonomiċi essenzjali, b’mod partikolari l-enerġija, it-trasport, is-servizzi bankarji, is-servizzi finanzjarji, il-kura tas-saħħa, l-ilma tax-xorb, l-infrastruttura diġitali;
    • funzjonijiet kritiċi tal-Istat, b’mod partikolari d-difiża, il-governanza u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet, l-elezzjonijiet pubbliċi, l-infrastruttura ekonomika u ċivili, is-sigurtà interna u r-relazzjonijiet esterni, inklużi l-missjonijiet diplomatiċi;
    • il-ħżin jew l-ipproċessar ta’ informazzjoni kklassifikata; jew
    • timijiet ta’ rispons f’każ ta’ emerġenza tal-Gvern.

    MINN META BDEW JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U R-REGOLAMENT?

    Dawn ilhom japplikaw mit-18 ta’ Mejju 2019.

    SFOND

    Komunikazzjoni konġunta maħruġa f’Ġunju 2018 indikat li l-attivitajiet mill-atturi Statali jew mhux Statali bħal attakki ċibernetiċi li jfixklu l-ekonomija u s-servizzi pubbliċi, permezz ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni mmirati, għal azzjonijiet militari ostili qed ikomplu joħolqu theddida serja u akuta lill-UE u lill-pajjiżi tal-UE. Din identifikat oqsma fejn l-azzjoni għandha tiġi intensifikata biex jiġi approfondit u msaħħaħ il-kontribut tal-UE għall-indirizzar ta’ dawn it-theddidiet, u stiednet lill-pajjiżi tal-UE u lill-Kummissjoni biex jiżguraw segwitu rapidu.

    F’Ottubru 2018, fid-dawl tal-attakki ċibernetiċi fuq l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet li talbu li jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ aktar id-deterrenza, ir-reżiljenza u r-rispons tal-UE għal theddid ibridu, ċibernetiku, kif ukoll kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari. Il-Kunsill intalab ifassal reġim ta’ sanzjonijiet speċifiku għall-attakki ċibernetiċi.

    Ara wkoll:

    TERMINI EWLENIN

    Attakki ċibernetiċi: azzjonijiet mhux awtorizzati li jinvolvu aċċess għal sistemi ta’ informazzjoni u interferenza magħhom, interferenza ta’ data jew interċettazzjoni ta’ data.

    DOKUMENTI EWLENIN

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (ĠU L 129I, 17.5.2019, pp. 13-19).

    Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/796 tas-17 ta Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (ĠU L 129I, 17.5.2019, pp. 1-12).

    Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 2019/796 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Il-komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Inżidu r-reżiljenza u nsaħħu l-kapaċitajiet biex nindirizzaw it-theddidiet ibridi (JOIN(2018) 16 final, 13.6.2018).

    l-aħħar aġġornament 18.05.2022

    Fuq