Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0128

    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (UE) 2019/128 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    PUNTI EWLENIN

    Objettiv

    Bħala waħda mill-aġenziji deċentralizzatital-UE, l-għan ta’ Cedefop huwa li jappoġġa lill-Kummissjoni, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra tal-UE, il-pajjiżi tal-UE u s-sħab soċjali fil-promozzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll politiki dwar il-ħiliet u l-kwalifiki.

    Dan jipprova jilħaq dan l-għan billi:

    • itejjeb u jxerred l-għarfien;
    • jipprovdi evidenza u servizzi għall-iskop ta’ tfassil ta’ politika, inklużi konklużjonijiet ibbażati fuq ir-riċerka; u
    • jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-għarfien fost il-partijiet interessati u bejniethom fil-livelli tal-UE u nazzjonali.

    Kompiti

    Filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-pajjiżi tal-UE stess, Cedefop:

    • janalizza x-xejriet fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, politiki u sistemi ta’ ħiliet u kwalifiki, u jipprovdi analiżi komparattiva tagħhom fil-pajjiżi kollha;
    • janalizza x-xejriet tas-suq tax-xogħol fir-rigward ta’ ħiliet u kwalifiki, u edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali;
    • janalizza u jikkontribwixxi għall-iżviluppi relatati mat-tfassil u l-għoti tal-kwalifiki;
    • janalizza u jikkontribwixxi għall-iżviluppi fil-qasam tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali;
    • jistudja u jwettaq riċerka dwar żviluppi soċjoekonomiċi rilevanti u kwistjonijiet ta’ politika relatati;
    • jipprovdi forums għall-iskambju ta’ esperjenzi u informazzjoni bejn il-gvernijiet, is-sħab soċjali u partijiet interessati oħra fil-livell nazzjonali;
    • jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ riformi u politiki fil-livell nazzjonali;
    • ixerred informazzjoni bil-ħsieb li jikkontribwixxi għall-politiki u jqajjem sensibilizzazzjoni u fehim tal-potenzjal tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-promozzjoni tal-impjegabilità tan-nies, il-produttività u t-tagħlim tul il-ħajja;
    • jamministra u jagħmel disponibbli għodod, settijiet ta’ data u servizzi għaċ-ċittadini, kumpaniji, dawk li jfasslu l-politika, is-sħab soċjali u partijiet interessati oħra;
    • jistabbilixxi strateġija għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali dwar kwistjonijiet li għalihom huwa kompetenti.

    Organizzazzjoni

    Cedefop, li huwa bbażat f’Berlin, il-Ġermanja, għandu Bord ta’ Tmexxija, Bord Eżekuttiv u Direttur Eżekuttiv.

    Bord ta’ Tmexxija

    Jinkludi:

    • rappreżentant minn kull pajjiż tal-UE;
    • rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi għal kull pajjiż tal-UE;
    • rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tal-impjegati għal kull pajjiż tal-UE;
    • 3 membri li jirrappreżentaw il-Kummissjoni;
    • espert indipendenti maħtur mill-Parlament Ewropew.

    Il-funzjonijiet ewlenin tal-Bord huma li:

    • jipprovdi d-direzzjoni strateġika ta’ Cedefop;
    • jadotta d-dokument ta’ programmar ta’ Cedefop;
    • jadotta l-baġit ta’ Cedefop;
    • jadotta regoli ta’ proċedura (inklużi dawk tal-Bord Eżekuttiv), regoli finanzjarji, regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess u strateġija kontra l-frodi;
    • jaħtar id-Direttur Eżekuttiv.

    Bord Eżekuttiv

    Il-Bord Eżekuttiv jassisti lill-Bord ta’ Tmexxija billi:

    • iħejji d-deċiżjonijiet tiegħu:
    • jimmonitorja kwalunkwe segwitu għal sejbiet u rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn rapporti ta’ verifika interna jew esterna, u investigazzjonijiet tal-OLAF;
    • jagħti pariri lid-Direttur Eżekuttiv fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija, sabiex isaħħaħ is-superviżjoni tal-ġestjoni amministrattiva u tal-baġit.

    Direttur Ezekuttiv

    Id-Direttur Eżekuttiv huwa responsabbli għal:

    • Il-ġestjoni tas-Cedefop u l-implimentazzjoni tal-kompiti u l-baġittas-Cedefop;
    • it-tfassil ta’ abbozz ta’ dokument ta’ programmazzjoni li jinkludi programm ta’ ħidma pluriennali u annwali f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1271/2013 dwar ir-regoli finanzjarji adottati mill-aġenziji u l-korpi tal-UE.

    Programmi ta’ ħidma

    L-abbozz tad-dokument ta’ programmar huwa sottomess lill-Bord ta’ Tmexxija għall-approvazzjoni tiegħu u mbagħad jiġi sottomess lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel il-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.

    Il-programm ta’ ħidma pluriennali jistabbilixxi:

    • il-programmazzjoni strateġika ġenerali, inklużi l-għanijiet;
    • ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni;
    • programmazzjoni ta’ riżorsi inkluż l-baġit u l-persunal pluriennali.

    Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun konsistenti mal-programm ta’ ħidma pluriennali u jinkludi:

    • objettivi dettaljati u riżultati mistennija, inklużi indikaturi tal-prestazzjoni;
    • deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, inklużi miżuri ppjanati biex tiżdied l-effiċjenza;
    • indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni;
    • azzjonijiet possibbli għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali.

    Iż-żewġ programmi għandhom jevitaw li jikkoinċidu max-xogħol li jitwettaq minn aġenziji oħra tal-UE. Is-Cedefop jikkoordina mill-qrib ma’ 2 aġenziji tripartitiċi oħra: l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) u l-Fondazzjoni Ewropea għall-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound). Jaħdem ukoll mill-qrib mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ.

    Baġit

    L-estimi tad-dħul u l-infiq kollu għal Cedefop għandhom jitħejjew kull sena finanzjarja u għandhom jintwerwer fil-baġit tas-Cedefop. Il-baġit għandu jkun ibbilanċjat f’termini ta’ dħul u ta’ nfiq.

    • In-naħa tad-dħul tiegħu tinkludi:
      • kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-UE;
      • kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji minn pajjiżi tal-UE;
      • ħlasijiet għal pubblikazzjonijiet u kwalunkwe servizz provdut minn Cedefop;
      • kwalunkwe kontribuzzjoni minn pajjiżi mhux tal-UE involuti fix-xogħol ta’ Cedefop.
    • In-naħa tal-infiq tiegħu tinkludi:
      • remunerazzjoni tal-persunal;
      • spejjeż amministrattivi u infrastrutturali; u
      • nefqa operattiva.

    Valutazzjoni

    Sal-21 ta’ Frar 2024, u kull ħames snin wara, il-Kummissjoni għandha tiżgura li titwettaq evalwazzjoni biex tivvaluta l-prestazzjoni tas-Cedefop fir-rigward tal-għanijiet, il-mandat u l-kompiti tagħha.

    MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Ilu japplika mill-20 ta’ Frar 2019.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament (UE) 2019/128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 (ĠU L 30, 31.1.2019, pp. 90-105)

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament (UE) 2019/126 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 (ĠU L 30, 31.1.2013, pp. 58-73)

    Ir-Regolament (UE) 2019/127 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 (ĠU L 30, 31.1.2019, pp. 74-89)

    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, pp. 42-68)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1339/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 354, 31.12.2008, pp. 82-93)

    l-aħħar aġġornament 20.05.2019

    Fuq