EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1672

Kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fl-UE jew ħerġin minnha

Kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fl-UE jew ħerġin minnha

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1672 dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fl-UE jew ħerġin minnha

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-regolament jintroduċi kontrolli ta’ flus kontanti* deħlin fl-UE jew ħerġin minnha. Dawn huma mfassla sabiex jappoġġjaw il-miżuri stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849 kontra ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

PUNTI EWLENIN

Kull min jidħol jew joħroġ mill-UE b’EUR 10.000 jew aktar għandu jiddikjara l-flus kontanti lill-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż u jipprovdi l-informazzjoni li ġejja, jew bil-miktub jew b’mod elettroniku:

  • dettalji personali sħaħ, bħal isem, nazzjonalità u data tat-twelid, tat-trasportatur*, is-sid u r-riċevitur maħsub tal-flus kontanti;
  • il-valur u n-natura tal-flus kontanti, l-oriġini tagħhom, l-użu maħsub tagħhom u l-metodu ta’ trasport.

L-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE jistgħu:

  • jitolbu lil min qed jibgħat jew jirċievi dwar kwalunkwe flus kontanti mhux akkumpanjati ta’ EUR 10.000 jew aktar sabiex jiddikjarahom fi żmien 30 jum billi jipprovdi l-istess informazzjoni t’hawn fuq;
  • ifittxu fuq in-nies, fil-bagalji u forma ta’ trasport tagħhom u kwalunkwe kunsinna jew pakkett li fihom jistgħu jintbagħtu l-flus kontanti;
  • jirreġistraw id-dettalji ta’ kwalunkwe ammont ta’ flus kontanti taħt EUR 10.000 jekk jissuspettaw li dawn huma relatati ma’ attività kriminali;
  • iżommu l-flus kontanti li mhumiex iddikjarati jew marbuta ma’ attivitajiet kriminali;
  • jaqsmu informazzjoni ma’ pajjiż mhux tal-UE skont proċeduri speċifiċi.

L-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jibagħtu kwalunkwe informazzjoni rilevanti lill-unità tal-intelligence finanzjarja nazzjonali kkonċernata malajr kemm jista’ jkun u sa mhux aktar tard minn 15-il ġurnata;
  • jibagħtu kwalunkwe informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi tal-UE oħrajn;
  • jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u, jekk meħtieġ, lill-Europol jekk il-flus kontanti huma marbuta ma’ reati li jinvolvu l-baġit tal-UE;
  • jiżguraw li s-sigurtà tad-data kollha li jiksbu u jaħżnuha taħt kundizzjonijiet stretti.

Il-gvernijiet tal-UE għandhom:

  • jiżguraw li l-persuni li jidħlu jew joħorġu mill-UE, jew min jibgħat jew jirċievi l-ammonti involuti, huma informati bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom;
  • jintroduċu penali għal kwalunkwe ksur tal-leġiżlazzjoni;
  • jinformaw lill-Kummissjoni sal-4 ta’ Diċembru 2021 bil-miżuri li ħadu sabiex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni.

Il-Kummissjoni:

  • tadotta miżuri tekniċi addizzjonali bħal mudelli għal formoli ta’ dikjarazzjoni u regoli għal skambju ta’ informazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni;
  • hija assistita minn kumitat tal-kontrolli tal-flus kontanti;
  • għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni.

Revoka

Ir-Regolament (UE) 2018/1672 jirrevoka u jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1889/2005 mit-2 ta’ Ġunju 2021.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mit-3 ta’ Ġunju 2021, apparti r-regoli dwar ix-xogħol tal-Kummissjoni fuq miżuri tekniċi, li ilhom japplikaw mit-2 ta’ Diċembru 2018.

SFOND

Il-leġiżlazzjoni hija parti mill-miżuri tal-UE sabiex tindirizza l-finanzjament tat-terroriżmu, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u attivitajiet kriminali oħrajn.

Din testendi d-definizzjoni legali preċedenti ta’ “flus kontanti” minn karti tal-flus sabiex tinkludi ċekkijiet, ċekkijiet tal-vjaġġaturi, kards imħallsin minn qabel u deheb.

TERMINI EWLENIN

Flus kontanti: karti tal-flus u muniti, ċekkijiet, ċekkijiet tal-vjaġġaturi, kards imħallsin minn qabel, ingotti tad-deheb.
Trasportatur: individwu li jidħol jew joħroġ mill-UE li jġorr flus kontanti fuqu, fil-bagalji tiegħu jew fil-forma ta’ trasport tiegħu.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar kontrolli fir-rigward ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 6-21)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22-30)

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73-117)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2015/849 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 13.02.2019

Fuq