EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1962

Restrizzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data — ir-regoli interni tal-Kummissjoni

Restrizzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data — ir-regoli interni tal-Kummissjoni

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1927 — regoli interni dwar l-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni b’rabta mad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ ċerti drittijiet

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1961 — regoli interni li jikkonċernaw l-għoti ta’ informazzjoni lil suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali għall-fini ta’ attivitajiet tal-awditjar intern

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1962 — regoli interni dwar l-ipproċessar ta’ data personali mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ ċerti drittijiet tagħhom

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1996 — regoli interni dwar il-provvista ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ u l-politika kummerċjali

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/154 — regoli interni dwar ir-restrizzjoni fuq id-dritt ta’ aċċess tas-suġġetti tad-data għall-fajls mediċi tagħhom

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/165 — regoli interni dwar il-provvista ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ ċerti mid-drittijiet tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ inkjesti amministrattivi, u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dixxiplinari u proċeduri ta’ sospensjoni

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/236 — regoli interni li jikkonċernaw l-għoti ta’ informazzjoni lil suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni Ewropea għall-fini ta’ attivitajiet tas-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni

X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN ID-DEĊIŻJONIJIET?

Dawn jistabbilixxu regoli interni, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni Ewropea tista’ tirrestrinġi d-drittijiet ta’ individwi, li huma jeżerċitaw skont ir-Regolament (UE) 2018/1725. Ir-regoli interni japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali f’oqsma speċifiċi u għal skopijiet speċifiċi.

PUNTI EWLENIN

Data personali hija kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”). Persuna fiżika hija identifikabbli, jekk huwa/hija tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal identifikatur (bħall-isem, numru ta’ identifikazzjoni, id-data dwar il-lok, jew identifikatur online) jew għal fattur jew fatturi speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika.

Il-qafas legali l-ġdid tal-UE dwar il-protezzjoni u l-fluss liberu ta’ data personali jikkonsisti, b’mod partikolari, f’dawn li ġejjin:

  • ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), li jistabbilixxi d-drittijiet tal-individwi fir-rigward tad-data personali tagħhom, jipproteġihom fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom fil-pajjiżi tal-UE, u jiżgura l-fluss liberu ta’ tali data;
  • Ir-Regolament (UE) 2018/1725, li jistabbilixxi d-drittijiet tal-individwi fir-rigward tad-data personali tagħhom, jipproteġihom fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-UE, u jiżgura l-fluss liberu ta’ tali data.

Dawn ir-regolamenti huma meqjusa ekwivalenti u għandhom jiġu interpretati bħala li huma l-istess.

L-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprovdi l-possibbiltà li, f’ċerti każijiet, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jistgħu jirrestrinġu d-drittijiet ta’ individwi, sakemm tali restrizzjonijiet jkunu stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni. F’konformità ma’ dan, il-Kummissjoni adottat seba’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, li jipprovdu l-bażijiet għal restrizzjonijiet possibbli sabiex jiġu salvagwardjati objettivi importanti ta’ interess pubbliku ġenerali tal-UE.

Abbażi ta’ dawn id-deċiżjonijiet u wara valutazzjoni każ b’każ tan-neċessità u tal-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi jekk id-drittijiet ta’ individwu għandhomx jiġu ristretti f’każ speċifiku.

Id-drittijiet tal-individwi li ġejjin jistgħu jiġu ristretti:

  • id-dritt tagħhom għal informazzjoni dwar
    • l-ipproċessar tad-data personali tagħhom; u
    • ksur tad-data personali tagħhom li jista’ jwassal għal riskju għoli għad-drittijiet u għal-libertajiet tagħhom;
  • id-dritt tagħhom li jaċċessaw id-data personali tagħhom, li d-data personali tagħhom titħassar, jew li jirrestrinġu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

Is-seba’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kollha jsegwu format simili, u kull waħda tinkludi uħud minn dawn l-elementi jew l-elementi kollha:

  • Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
    • Rekwiżit ta’ valutazzjoni każ b’każ ta’ kull talba minn suġġett tad-data.
  • Eċċezzjonijiet u/jew restrizzjonijiet applikabbli
    • Qabel tapplika restrizzjoni, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tqis jekk tapplikax xi eċċezzjoni għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1725.
  • Għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data
    • Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviżi dwar il-protezzjoni tad-data fuq is-sit web tagħha li jinfurmaw lis-suġġetti tad-data kollha dwar l-attivitajiet ta’ pproċessar tad-data tagħha fil-qasam rilevanti.
    • Il-Kummissjoni għandha tinforma fuq bażi individwali, f’format xieraq, lil kull persuna individwalment milquta minn investigazzjoni jew minn miżura mwettqa f’wieħed mill-oqsma relevanti.
  • Drittijiet tas-suġġetti tad-data biex jaċċessaw id-data personali tagħhom, li din titħassar jew li jirrestrinġu l-ipproċessar tagħha
    • Jekk il-Kummissjoni tirrestrinġi l-aċċess għad-data personali, id-dritt ta’ tħassir u/jew id-dritt għar-restrizzjoni tal-ipproċessar, għandha tgħarraf lis-suġġett tad-data kkonċernat dwar ir-restrizzjoni applikata, dwar ir-raġunijiet ewlenin għall-applikazzjoni tagħha u dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
  • Reġistrazzjoni ta’ restrizzjonijiet
    • Il-Kummissjoni għandha tirreġistra r-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata, inkluża valutazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità.
  • Tul tar-restrizzjonijiet
    • Ir-restrizzjonijiet ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu japplikaw ir-raġunijiet li jiġġustifikawhom.
  • Reviżjoni mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni Ewropea
    • Il-UPD għandu jiġi mgħarraf, mingħajr dewmien żejjed, kull meta jiġu ristretti d-drittijiet tas-suġġetti tad-data.
    • Fuq talba, l-UPD għandu jingħata aċċess għar-rekord u għal kwalunkwe dokument li fih elementi fattwali u legali sottostanti.
    • Il-UPD jista’ jitlob reviżjoni tar-restrizzjoni u għandu jiġi mgħarraf bil-miktub dwar l-eżitu tar-reviżjoni mitluba.

Is-seba’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jkopru r-restrizzjoni tas-suġġetti tad-data fl-oqsma li ġejjin:

  • Sigurtà interna tal-istituzzjonijiet tal-UE
    • Din tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-persuni, tal-assi u tal-informazzjoni fil-Kummissjoni.
    • Il-Kummissjoni għandha tinforma fuq bażi individwali lix-xhieda u lill-persuni affettwati minn inkjesta ta’ sigurtà dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.
    • Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tinforma fuq bażi individwali lis-suġġetti tad-data li d-data tagħhom tkun qed tiġi pproċessata fil-każ ta’ kontrolli tal-kondotta skont l-Artikolu 7(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443.
    • Għandha wkoll tgħarraf individwalment lill-persuni li d-data tagħhom tkun qed tiġi pproċessata fil-kuntest ta’ perkwiżizzjonijiet tal-bini u tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni u tat-tagħmir tal-Kummissjoni.
  • Inkjesti amministrattivi, proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dixxiplinari u proċeduri ta’ sospensjoni
    • Id-drittijiet u l-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 jistgħu jiġu ristretti jekk jipperikolaw l-għan ta’ inkjesti amministrattivi, ta’ proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dixxiplinari u ta’ proċeduri ta’ sospensjoni jew jaffettwaw id-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra.
  • Data medika personali
    • Il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi, fuq bażi ta’ każ b’każ, id-dritt tas-suġġetti tad-data li jaċċessaw direttament data medika personali ta’ natura psikoloġika jew psikjatrika li tikkonċernahom, fejn l-aċċess għal tali data jista’ jirrappreżenta riskju għas-saħħa tas-suġġett tad-data.
    • Din ir-restrizzjoni għandha tkun proporzjonata għal dak li huwa strettament neċessarju biex tipproteġi s-suġġett tad-data.
  • Difiża tal-kummerċ u investigazzjonijiet dwar il-politika kummerċjali
    • Id-drittijiet u l-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 jistgħu jiġu ristretti jekk jipperikolaw l-għan tal-politika kummerċjali tal-Kummissjoni u ta’ attivitajiet ta’ difiża tal-kummerċ, jew jekk jaffettwaw b’mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra.
  • Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
    • Din tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-OLAF (kif ukoll għall-ipproċessar ta’ data personali mis-servizzi u mill-aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni li trid tiġi trażmessa lill-OLAF) sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu;
    • L-investigazzjonijiet mill-OLAF huma kompletament indipendenti mill-Kummissjoni;
    • L-OLAF jiddeċiedi jekk għandhiex tiġi applikata xi eċċezzjoni għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.
    • L-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data li javżaw lis-suġġett tad-data dwar attivitajiet li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-OLAF.
    • Il-UPD tal-OLAF jirrevedi kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.
  • Attivitajiet ta’ awditjar intern
    • Id-drittijiet u l-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 jistgħu jiġu ristretti bħala parti mill-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa mill-Kummissjoni fit-twettiq tal-attivitajiet ta’ awditjar intern tagħha, kull meta l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data jista’ jipperikola t-twettiq tal-attivitajiet ta’ awditjar intern, inkluż permezz tal-kxif tal-għodod u tal-metodi tal-awditjar jew jista’ jaffettwa ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra.
    • Barra minn hekk, il-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data sabiex tipproteġi l-operazzjonijiet ta’ pproċessar tas-servizzi tal-Kummissjoni jew ta’ istituzzjonijiet, ta’ korpi, ta’ uffiċċji u ta’ aġenziji oħra tal-Unjoni jew tal-awtoritajiet tal-Istati Membri awtoritajiet u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll tal-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar.
    • Il-Kummissjoni tgħarraf lill-individwi dwar l-attivitajiet ta’ awditjar intern tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u dwar id-drittijiet tagħhom permezz ta’ avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Fejn ikun rilevanti, il-Kummissjoni tiżgura li s-suġġetti tad-data jiġu mgħarrfa fuq bażi individwali f’format xieraq.
  • Kompetizzjoni
    • Id-drittijiet u l-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 jistgħu jiġu ristretti jekk jipperikolaw l-għan tal-attivitajiet investigattivi jew ta’ infurzar tal-Kummissjoni, inkluż permezz tal-iżvelar tal-għodod u tal-metodi investigattivi tagħha, jew jaffettwaw ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra.

MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONIJIET?

  • Id-Deċiżjonijiet (UE) 2018/1927, (UE) 2018/1961, (UE) 2018/1962, (UE) 2018/1996 u (UE) 2019/154 ilhom japplikaw mill-11 ta’ Diċembru 2018.
  • Id-Deċiżjoni (UE) 2019/165 ilha tapplika mis-7 ta’ Frar 2019.
  • Id-Deċiżjoni (UE) 2019/236 ilha tapplika mill-11 ta’ Frar 2019.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1927 tal-5 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi regoli interni dwar l-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni b’rabta mad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ ċerti drittijiet (ĠU L 313, 10.12.2018, pp. 39-44)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1961 tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi regoli interni li jikkonċernaw l-għoti ta’ informazzjoni lil suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali għall-fini ta’ attivitajiet tal-awditjar intern (ĠU L 315, 12.12.2018, pp. 35-40)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1962 tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi regoli interni dwar l-ipproċessar ta’ data personali mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ ċerti drittijiet tagħhom skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 12.12.2018, pp. 41-46)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1996 tal-14 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi r-regoli interni dwar il-provvista ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ u l-politika kummerċjali (ĠU L 320, 17.12.2018, pp. 40-44)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/154 tat-30 ta’ Jannar 2019 li tistabbilixxi regoli interni dwar ir-restrizzjoni fuq id-dritt ta’ aċċess tas-suġġetti tad-data għall-fajls mediċi tagħhom (ĠU L 27, 31.1.2019, pp. 33-35)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/165 tal-1 ta’ Frar 2019 li tistabbilixxi regoli interni dwar il-provvista ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ ċerti mid-drittijiet tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ inkjesti amministrattivi, u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dixxiplinari u proċeduri ta’ sospensjoni (ĠU L 32, 4.2.2019, pp. 9-13)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/236 tas-7 ta’ Frar 2019 li tistabbilixxi regoli interni li jikkonċernaw l-għoti ta’ informazzjoni lil suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni Ewropea għall-fini ta’ attivitajiet tas-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ĠU L 37, 8.2.2019, pp. 144-149)

DOKUMENTI RELATATI

Applikabbli għall-Kummissjoni Ewropea:

Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 39-98)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 6, 11.1.2017, pp. 40-51)

Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2017/46 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, pp. 41-52)

Applikabbli fil-pajjiżi tal-UE:

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 1-88)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 89-131)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 03.04.2019

Fuq