Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0576

Sistemi għat-traċċabbiltà tat-tabakk u karatteristiċi ta’ sigurtà

Status legali tad-dokument Dan is-sommarju ġie arkivjat u mhux se jiġi aġġornat, għaliex id-dokument imqassar ma għadux fis-seħħ jew ma jirriflettix is-sitwazzjoni attwali.

Sistemi għat-traċċabbiltà tat-tabakk u karatteristiċi ta’ sigurtà

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/574 dwar l-istandards tekniċi għat-twaqqif u għat-tħaddim ta’ sistema ta’ traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/573 dwar l-elementi ewlenin tal-kuntratti tal-ħżin tad-data li għandhom jiġu konklużi bħala parti minn sistema ta’ traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/576 dwar l-istandards tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-prodotti tat-tabakk

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/574 jistabbilixxi l-istandards tekniċi għat-twaqqif u t-tħaddim tas-sistema ta’ traċċabbiltà prevista fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/40/UE.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/573 jistabbilixxi l-elementi ewlenin li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratti tal-ħżin tad-data li għandhom jiġu konklużi bejn il-manifattur/importatur tal-prodotti tat-tabakk u l-fornituri tal-ħżin tar-repożitorju primarju, imsemmija fl-Artikolu 15(8) tad-Direttiva 2014/40/UE.
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/576 tistabbilixxi l-istandards tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà applikati għall-pakketti individwali ta’ prodotti tat-tabakk li jitqiegħdu fis-suq tal-UE, kif previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/40/UE.

Kull wieħed minnhom ġej mid-Direttiva 2014/40/UE, li tistabbilixxi r-regoli tal-UE dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati – ara s-sommarju.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/574

  • Id-Direttiva 2014/40/UE tirrikjedi li l-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk ikunu mmarkati b’identifikatur uniku (UI) sabiex jiġu rreġistrati l-movimenti tagħhom tul il-katina tal-provvista.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relatati mal-UI:
    • kull pajjiż tal-UE għandu jaħtar emittent tal-identifikazzjoni indipendenti li jkun responsabbli għall-ġenerazzjoni u l-ħruġ tal-UIs;
    • l-UIs iġġenerati mill-emittenti tal-identifikazzjoni għandhom jintużaw biex jimmarkaw il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk;
    • l-UIs huma validi għal 6 xhur mid-data li fiha l-kumpanija tal-ordni tirċevihom;
    • il-manifatturi u l-importaturi għandhom jiżguraw li l-UIs applikati jkunu vverifikati f’termini tal-applikazzjoni u l-leġibbiltà b’mod korrett tagħhom.
  • Din tistabbilixxi l-komponenti u l-karatteristiċi ġenerali tas-sistema ta’ repożitorji għall-ħżin tad-data dwar il-movimenti tal-prodotti tat-tabakk u t-tranżazzjonijiet relatati.
  • Din tistabbilixxi wkoll regoli għar-reġistrazzjoni u t-trażmissjoni tal-movimenti tal-prodotti u l-informazzjoni tranżazzjonali.

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/573

  • Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà effettiva u konformi tal-prodotti tat-tabakk, il-kuntratti tal-ħżin tad-data konklużi bejn il-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk u l-fornituri tar-repożitorji primarji għandhom jinkludu s-servizzi ewlenin li ġejjin:
    • it-twaqqif u t-tħaddim ta’ repożitorju primarju (għall-ħżin tad-data) skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/574;
    • il-parteċipazzjoni fit-twaqqif u t-tħaddim tar-repożitorju sekondarju (biex tinħażen kopja tad-data) u r-router tas-sistema;
    • il-forniment, fuq talba, ta’ servizzi tekniċi anċillari oħra marbuta mat-tħaddim tar-repożitorju primarju u li jippermettu lis-sistema taħdem sew.
  • Il-kuntratt għandu jkun fih speċifikazzjonijiet dwar l-operabbiltà, id-disponibbiltà, il-prestazzjoni u l-indipendenza finanzjarja u organizzattiva tas-servizzi li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi kif stabbiliti fir-regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/576

  • Id-Direttiva 2014/40/UE tirrikjedi li l-pakketti individwali kollha tal-prodotti tat-tabakk li jitqiegħdu fis-suq ikollhom karatteristika tas-sigurtà li ma tistax titbagħbas, magħmula minn elementi viżibbli u inviżibbli, biex jiġi vverifikat jekk il-prodotti tat-tabakk humiex awtentiċi.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jirrikjedu li l-karatteristiċi tas-sigurtà jkunu magħmula minn mhux inqas minn 5 tipi ta’ elementi ta’ awtentikazzjoni, li minnhom mill-inqas:
    • wieħed ikun jidher;
    • wieħed ikun nofsu moħbi;
    • wieħed ikun moħbi.
  • Tal-inqas wieħed mill-elementi ta’ awtentikazzjoni għandu jiġi pprovdut minn parti terza indipendenti li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jirrikjedu l-applikazzjoni ta’ karatteristiċi tas-sigurtà fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk bl-użu ta’ kwalunkwe wieħed mill-metodi li ġejjin:
    • twaħħil;
    • stampar;
    • taħlita ta’ twaħħil u stampar.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom ikunu jistgħu janalizzaw il-kombinazzjonijiet kollha ta’ elementi ta’ awtentikazzjoni awtorizzati sabiex jiżguraw li l-prodott huwa awtentiku.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI U D-DEĊIŻJONI?

  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/574 ilu japplika mis-6 ta’ Mejju 2018.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/573 ilu japplika mis-6 ta’ Mejju 2018.
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/576 ilha tapplika mit-18 ta’ Diċembru 2017.

SFOND

Għal aktar informazzjoni ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/574 tal-15 ta’ Diċembru 2017 dwar l-istandards tekniċi għat-twaqqif u għat-tħaddim ta’ sistema ta’ traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk (ĠU L 96, 16.4.2018, pp. 7-55)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 2018/574 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/573 tal-15 ta’ Diċembru 2017 dwar l-elementi ewlenin tal-kuntratti tal-ħżin tad-data li għandhom jiġu konklużi bħala parti minn sistema ta’ traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk (ĠU L 96, 16.4.2018, pp. 1-6)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/576 tal-15 ta’ Diċembru 2017 dwar l-istandards tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-prodotti tat-tabakk (ĠU L 96, 16.4.2018, pp. 57-63)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, pp. 1-38)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 18.08.2020

Fuq