Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0684

    Il-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-qasam tal-enerġija

    Il-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-qasam tal-enerġija

     

    SOMMARJU TA’:

    id-Deċiżjoni (UE) 2017/684 — ll-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u strumenti mhux vinkolanti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija

    X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

    • Din tistabbilixxi sistema għall-qsim tal-informazzjoni bejn pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar ftehimiet fil-qasam tal-enerġija bejn pajjiż tal-UE jew diversi pajjiżi tal-UE minn naħa, u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, min-naħa l-oħra.
    • L-għan huwa li jiġi żgurat li l-ftehimiet intergovernattivi ffirmati mill-pajjiżi tal-UE ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni. Dan għandu jassigura l-funzjonament xieraq tas-suq intern, itejjeb is-sigurtà tal-provvista fl-UE u jwassal għal aktar trasparenza u koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta’ enerġija bejn il-pajjiżi tal-UE u mal-Kummissjoni.
    • Hija tħassar id-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE.

    PUNTI EWLENIN

    • Id-Deċiżjoni tkopri prinċipalment ftehimiet legalment vinkolanti bejn pajjiż tal-UE u pajjiż terz (jew organizzazzjoni internazzjonali) rigward ix-xiri, il-kummerċ, il-bejgħ, it-transitu, il-ħażna jew il-provvista ta’ enerġija f’pajjiż tal-UE jew lilu, jew li jinvolvu kwalunkwe infrastruttura tal-enerġija fl-UE.
    • Meta jibdew dan it-tip ta’ negozjati, il-pajjiżi tal-UE jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun qabel jibdew, u jżommu lill-Kummissjoni infurmata regolarment dwar il-progress permezz ta’ applikazzjoni apposta bbażata fuq il-web.
    • Qabel ma jiffirma ftehim intergovernattiv jew emenda, il-pajjiż tal-UE kkonċernat irid jagħti l-“akbar kunsiderazzjoni” lill-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim mad-dritt tal-Unjoni.
    • Wara r-ratifika ta’ kwalunkwe ftehim dwar l-enerġija, il-pajjiż tal-UE jrid jinnotifika lill-Kummissjoni, u jinkludi r-raġunijiet għal kwalunkwe differenza mill-opinjoni legali tal-Kummissjoni.
    • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħżlu li jinnotifikaw jew ma jinnotifikawx lill-Kummissjoni l-istrumenti mhux vinkolanti. Dawn ikunu arranġamenti mhux legalment vinkolanti bħal, normalment, memoranda ta’ qbil, dikjarazzjonijiet konġunti, jew kodiċijiet ta’ kondotta konġunti, li jistabbilixxu l-prezzijiet, pereżempju, jew l-iżvilupp tal-infrastruttura.

    Żejt u gass

    Meta d-diskussjonijiet ikunu jirrigwardaw iż-żejt u l-gass, kwalunkwe abbozz ta’ ftehim irid ikun innotifikat lill-Kummissjoni għal valutazzjoni (ex-ante). Il-Kummissjoni trid tinforma lill-pajjiż tal-UE kkonċernat fi żmien ħames ġimgħat rigward kwalunkwe dubju li jkollha dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mar-regoli tas-suq intern tal-enerġija u mad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni se tipprovdi opinjoni sħiħa dwar id-dubji tagħha fi żmien 12-il ġimgħa min-notifika inizjali.

    L-elettriku

    • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħmlu l-valutazzjoni tagħhom stess tal-kompatibbiltà legali tal-ftehimiet dwar l-elettriku mad-dritt tal-Unjoni fl-istadju tal-abbozzar tal-ftehim.
    • Jekk il-pajjiż tal-UE ma jkunx irnexxielu jilħaq konklużjoni definittiva dwar din il-kompatibbiltà, irid jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan l-abbozz ta’ ftehim u tiġi segwita l-istess proċedura bħal fil-każ tal-valutazzjoni ex-ante għall-gass u ż-żejt.

    Il-perjodi ta’ żmien

    Il-perjodi ta’ żmien għall-valutazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet imsemmija hawn fuq (żejt u gass, elettriku) jistgħu jkunu estiżi bl-approvazzjoni tal-pajjiż tal-UE jew imqassra bi qbil mal-Kummissjoni sabiex jiġi evitat id-dewmien bla bżonn tan-negozjati.

    Ftehimiet eżistenti

    Sat-3 ta’ Awwissu 2017, il-pajjiżi tal-UE jridu jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni l-ftehimiet intergovernattivi kollha eżistenti dwar l-enerġija, inklużi l-ftehimiet notifikati dwar l-elettriku. Meta, wara l-ewwel valutazzjoni, il-Kummissjoni jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà legali ta’ dawn il-ftehimiet mal-liġijiet tal-UE, il-pajjiżi tal-UE jiġu informati dwar dan mill-Kummissjoni fi żmien disa’ xhur min-notifika.

    Il-qsim tal-informazzjoni

    • Jekk pajjiż tal-UE ma jkunx indika li ċerta informazzjoni hija kunfidenzjali, il-Kummissjoni tagħmel dik l-informazzjoni aċċessibbli f’forma elettronika sikura għall-pajjiżi tal-UE l-oħrajn kollha. Fejn l-informazzjoni tkun kunfidenzjali, il-pajjiż tal-UE se jipprovdi sommarju li jinkludi mill-inqas is-suġġett, l-għan, il-kamp ta’ applikazzjoni, id-durata, il-partijiet involuti u informazzjoni dwar l-elementi ewlenin.
    • It-talbiet għall-kunfidenzjalità ma jillimitawx l-aċċess tal-Kummissjoni nfisha għall-informazzjoni kunfidenzjali.
    • Dan il-qsim għandu l-għan li jinkoraġġixxi l-koordinazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE sabiex:
      • jiġu riveduti l-iżviluppi u tinkiseb konsistenza fir-relazzjonijiet esterni tal-UE fil-qasam tal-enerġija;
      • jiġu identifikati l-problemi komuni u l-azzjoni xierqa sabiex jiġu indirizzati u jiġu proposti gwida u soluzzjonijiet;
      • jingħata appoġġ għall-iżvilupp ta’ ftehimiet intergovernattivi multilaterali li jinvolvu gruppi ta’ pajjiżi tal-UE jew l-UE kollha kemm hi.

    Gwida

    Sat-3 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-pajjiżi tal-UE, se tkun żviluppat klawżoli mudell u gwida sabiex ittejjeb il-konformità ta’ ftehimiet intergovernattivi futuri dwar l-enerġija mad-dritt tal-Unjoni.

    MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

    Din ilha tapplika mit-2 ta’ Mejju 2017.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    DOKUMENT EWLIENI

    Id-Deċiżjoni (UE) 2017/684 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u strumenti mhux vinkolanti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE (ĠU L 99, 12.4.2017, pp. 1-9)

    l-aħħar aġġornament 22.03.2018

    Fuq