Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1624

    Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (sa Diċembru 2020)

    Status legali tad-dokument Din it-taqsira ġiet arkivjata u mhux se tkun aġġornata Ara 'Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta' għall-informazzjoni aġġornata dwar is-suġġett.

    Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (sa Diċembru 2020)

     

    SOMMARJU TA’:

    Regolament (UE) 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    • Dan jistabbilixxi Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tiżgura, għall-ewwel darba, l-implimentazzjoni effettiva tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea (UE) kif ukoll tal-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen (l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera).
    • Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tikkonsisti f’Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”), maħluqa fuq il-bażi tal-aġenzija tal-fruntieri tal-UE eżistenzi (magħrufa b’mod komuni bħala Frontex), u l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE u tal-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri.
    • Din testendi wkoll u ssaħħaħ il-mandat tal-Frontex.

    PUNTI EWLENIN

    Kompiti ewlenin tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

    • Il-kompitu ewlieni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta huwa li taħdem lejn ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri bħala responsabbiltà kondiviża tal-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri.
    • L-azzjonijiet ewlenin tal-Aġenzija huma li:
      • tikkontribwixxi għall-funzjonament effettiv tal-kontroll fil-fruntierifil-fruntieri esterni rilevanti, inklużi azzjonijiet biex jiġu ffaċilitati l-qsim legali tal-fruntieri u d-detezzjoni tal-kriminalità transkonfinali, bħall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali preferred jew it-traffikar ta’ bnedmin;
      • tipprovdi assistenza teknika u operazzjonali lill-pajjiżi parteċipanti permezz ta’ operazzjonijiet konġunti* u interventi rapidi fil-fruntieri;
      • tipprovdi assistenza teknika u operazzjonali fl-appoġġ ta’ operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ għal persuni li jkunu jinsabu f’diffikultajiet fuq il-baħar, li jistgħu jirriżultaw waqt operazzjonijiet ta’ sorveljanza fil-fruntieri fuq il-baħar;
      • tipprovdi analiżi tar-riskji għas-sigurtà interna kif ukoll tat-theddid li jista’ jaffettwa l-funzjonament jew is-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE;
      • tikkoopera mal-pajjiżi mhux tal-UE u pajjiżi mhux assoċjati ma’ Schengen, b’fokus fuq il-pajjiżi ġirien u pajjiżi ta’ oriġini u/jew tranżitu għall-immigrazzjoni illegali;
      • twettaq valutazzjoni tal-vulnerabbiltà inkluża l-valutazzjoni tal-kapaċità u ta’ kemm huma ppreparati l-pajjiżi parteċipanti biex jiffaċċjaw theddid u sfidi fil-fruntieri esterni tagħhom;
      • torganizza, tikkoordina u twettaq operazzjonijiet ta’ ritorn* u interventi.

    Operazzjonijiet ta’ salvataġġ

    Skont il-konvenzjonijiet internazzjonali bħall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, kwalunkwe bastiment li jipparteċipa fl-operazzjonijiet marittimi kkoordinati mill-Aġenzija huwa marbut jipprovdi assistenza lill-persuni li jkunu jinsabu f’diffikultajiet fuq il-baħar. L-Aġenzija tassisti lill-pajjiżi parteċipanti fit-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ sabiex tipproteġi u ssalva l-ħajjiet waqt l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza fil-fruntieri fuq il-baħar.

    Monitoraġġ tal-flussi tal-migrazzjoni u analiżi tar-riskju

    • L-Aġenzija tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat li l-istandards tal-UE għall-protezzjoni u l-infurzar tal-ġestjoni tal-fruntieri jiġu implimentati fil-fruntieri esterni kollha.
    • Il-fruntieri esterni tal-pajjiż tal-UE u tal-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen se jsirilhom monitoraġġ kostanti permezz ta’ analiżi tar-riskju u valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà obbligatorji biex jiġu identifikati u indirizzati aspetti dgħajfa.

    Gwardji tal-fruntiera u tal-kosta tal-UE

    • Riżerva ta’ reazzjoni rapida ta’ mill-inqas 1,500 gwardja tal-fruntiera u tal-kosta u riżerva ta’ tagħmir tekniku għandhom ikunu lesti biex jirreaġixxu għal kwalunkwe tip ta’ pressjoni ta’ migrazzjoni illegali fil-fruntieri esterni.
    • Fejn ikun meħtieġ, l-istazzjonament ta’ timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta mir-riżerva ta’ reazzjoni se jkun supplimentat immedjatament minn gwardji tal-fruntiera addizzjonali mill-pajjiżi tal-UE.

    Ipproċessar ta’ data personali

    • L-Aġenzija hija permessa tipproċessa data personali biss għall-iskop tal-analiżi tar-riskju, biex torganizza attivitajiet operazzjonali inklużi operazzjonijiet konġunti, interventi rapidi fil-fruntieri, operazzjonijiet ta’ ritorn u interventi ta’ ritorn*, u t-trażmissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew lill-aġenziji tal-UE, bħall-EASO, il-Europol u l-Eurojust.
    • L-Aġenzija se timmaniġġja d-data personali ta’ persuni ssuspettati minn involviment f’attivitajiet kriminali, bħall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, it-traffikar ta’ bnedmin u t-terroriżmu.

    Tħassir

    Ir-Regolament (UE) 2016/1624 se jitħassar u jiġi sostitwit fil-31 ta’ Diċembru 2020 bir-Regolament (UE) 2019/1896 li jistabbilixxi Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ġdida u msaħħa — ara s-sommarju.

    MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Ir-Regolament daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Ottubru 2016. Ir-riżervi ta’ reazzjoni rapida u tat-tagħmir tekniku ilhom fis-seħħ minn Diċembru 2016.

    SFOND

    L-istabbiliment tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta huwa waħda mill-miżuri stabbiliti taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni biex jissaħħu l-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE.

    Ara wkoll

    TERMINI EWLENIN

    Operazzjonijiet konġunti: operazzjonijiet ikkoordinati mill-Aġenzija u li jinvolvu riżorsi umani u tagħmir tekniku pprovdut minn pajjiż tal-UE wieħed jew aktar.
    Operazzjonijiet ta’ ritorn: meta l-Aġenzija tikkoordina operazzjoni li tinvolvi tisħiħ tekniku u operazzjonali li jingħata minn pajjiż tal-UE wieħed jew aktar, li taħtha persuni rimpatrijati minn pajjiż wieħed jew aktar jiġu ritornati — fuq bażi furzata jew volontarja.
    Interventi ta’ ritorn: meta l-Aġenzija tipprovdi lill-pajjiżi tal-UE b’assistenza teknika u operazzjonali mtejba, li tikkonsisti mill-istazzjonament ta’ timijiet Ewropej ta’ intervent ta’ ritorn f’pajjiżi tal-UE u tikkoordina l-operazzjonijiett ta’ ritorn.

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, pp. 1-76)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 2016/1624 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, pp. 1-131)

    Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, pp. 1-52)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 27.08.2020

    Fuq