EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0792

Kejl armonizzat tal-inflazzjoni madwar l-UE

Kejl armonizzat tal-inflazzjoni madwar l-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2016/792 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi sett komuni ta’ regoli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-indiċijiet armonizzati nazzjonali u tal-UE tal-prezzijiet għall-konsumatur u tad-djar.

PUNTI EWLENIN

  • Il-leġiżlazzjoni tapplika għal dawn li ġejjin:
    • l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur* (HICP);
    • l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur b’rati tat-taxxa kostanti (HICP-CT);
    • l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar okkupati mis-sidien stess (OOH);
    • l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar (HPI).
  • L-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE:
    • jipprovdu lill-uffiċċju tal-istatistika tal-Kummissjoni Ewropea, l-Eurostat, b’indiċijiet armonizzati;
    • jaġġornaw il-peżar tal-kategorija tal-prodotti għall-indiċijiet kull sena.
  • Kull bidla fil-prezzijiet tad-djar mixtrija minn unitajiet domestiċi jew ta’ prodotti oħra li l-unitajiet domestiċi jixtru bħala residenzi okkupati mill-proprjetarji huma inklużi fl-OOH iżda esklużi mill-HICP u l-HICP-CT.
  • Barra minn hekk, id-data għal dawn li ġejjin mhijiex inkluża fl-HICP u fl-HICP-CT:
    • narkotiċi;
    • logħob tal-azzard;
    • prostituzzjoni;
    • assigurazzjoni fuq il-ħajja;
    • servizzi finanzjarji intermedjarji mkejla b’mod indirett (FISIM) — il-valur tas-servizzi finanzjarji intermedjarji huwa pprovdut, iżda mhux direttament iddebitati, mill-istituzzjonijiet finanzjari.
  • Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ulterjuri, sakemm dawn ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti, biex tiżgura li l-indiċijiet armonizzati komparabbli huma prodotti taħt kundizzjonijiet uniformi. Dawn ikopru:
    • it-teħid ta’ kampjuni u r-rappreżentanza;
    • il-ġbir u t-trattament tal-prezzijiet;
    • is-sostituzzjonijiet u l-aġġustament tal-kwalità;
    • il-kompilazzjoni tal-indiċijiet;
    • ir-reviżjonijiet;
    • l-indiċijiet speċjali;
    • it-trattament tal-prodotti* f’oqsma speċifiċi.
  • L-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu lill-Eurostat bid-data tal-HICP u l-HICP-CT kull xahar u bid-data tal-HPI u tal-OOH kull tliet xhur.
  • L-indiċijiet armonizzati u s-subindiċi jiġu aġġustati għal referenza tal-indiċijiet komuni ġdida meta jkun hemm bidla kbira fil-metodoloġija, jew kull 10 snin sa mill-2015.
  • Il-Kummissjoni kellha tħejji rapport dwar l-integrazzjoni tal-indiċi tal-prezzijiet tal-OOH fil-kopertura tal-HICP sal-31 ta’ Diċembru 2018.
  • Il-Kummissjoni kellha tħejji rapport dwar l-użu tas-setgħat delegati sat-13 ta’ Settembru 2020.

Att ta’ implimentazzjoni

Fl-2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1148, li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet metodoloġiċi u tekniċi f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/792 fir-rigward tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi tal-prezzijiet tad-djar. Ir-regolament:

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) 2016/792 ilu japplika mit-13 ta’ Ġunju 2016. Intuża għall-ewwel darba għad-data ta’ Jannar 2017.

SFOND

  • L-HICP ikejjel ir-rati tal-inflazzjoni fuq livell nazzjonali u tal-UE. Il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew jużaw dan l-indiċi biex jivvalutaw l-istabbiltà tal-prezzijiet fil-pajjiżi tal-UE u fiż-żona tal-euro.
  • L-istatistika tal-prezzijiet ta’ kwalità għolja u komparabbiltà hi essenzjali għal dawk responsabbli għall-politika pubblika fl-UE, ir-riċerkaturi u ċ-ċittadini Ewropej kollha.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Prezz għall-konsumatur: il-prezz tax-xiri li jħallsu l-unitajiet domestiċi, permezz ta’ tranżazzjonijiet monetarji, biex jixtru prodotti individwali.
Prodotti: oġġetti u servizzi.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (ĠU L 135, 24.5.2016, pp. 11-38)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1148 tal-31 ta’ Lulju 2020 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet metodoloġiċi u tekniċi f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi tal-prezzijiet tad-djar (ĠU L 252, 4.8.2020, pp. 12-23)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/792 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar (COM(2020) 354 final, 4.8.2020)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-indiċi tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien stess (OOH) għal integrazzjoni fil-kopertura tal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) (COM(2018) 768 final, 29.11.2018)

l-aħħar aġġornament 21.10.2020

Fuq