EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0478

Regoli komuni tal-UE għall-importazzjoni

Regoli komuni tal-UE għall-importazzjoni

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) 2015/478 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

L-UE topera fuq il-prinċipju li l-prodotti għandhom jiġu importati liberament mingħajr ma jkunu soġġetti għal restrizzjonijiet kwantitattivi (eż. kwoti), għajr jekk ikun hemm miżuri ta’ salvagwardja* fis-seħħ. Għall-finijiet ta’ trasparenza, fl-2015 l-UE ppubblikat verżjoni kodifikata* tar-regoli komuni tagħha għall-importazzjoni sabiex tinkludi l-emendi reċenti varji f’biċċa leġiżlazzjoni waħda.

Hija tistabbilixxi:

  • regoli komuni għall-importazzjoni ta’ prodotti fl-UE minn pajjiżi oħra;
  • il-proċedura għall-investigazzjoni tal-UE qabel jiġu applikati salvagwardji, u għas-sorveljanza ta’ prodotti li jistgħu jikkawżaw dannu lill-produtturi tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament japplika għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw minn pajjiżi barra mill-UE, ħlief għal:

  • prodotti tat-tessuti soġġetti għal regoli speċifiċi ta' importazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2015/936;
  • prodotti li joriġinaw minn ċerti pajjiżi barra mill-UE elenkati fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/755.

Pajjiżi tal-UE għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea jekk ix-xejriet fl-importazzjoni jidhru li jeħtiġilhom miżuri ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja.

Il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-UE

L-investigazzjoni tfittex li tistabbilixxi jekk l-importazzjonijiet ta’ prodott ikunux qed jikkawżaw (jew jheddu li jiġi kkawżat) dannu serju* lill-produtturi interessati tal-UE. Investigazzjoni normalment għandha titlesta f’9 xhur iżda, f’ċerti każi, tista’ tiġi estiża għal 11-il xahar.

Hija teżamina x-xejra fl-importazzjonijiet, il-kundizzjonijiet li fihom isiru u jekk hemmx dannu serju jew theddida ta' dannu serju għall-produtturi tal-UE li jirriżultaw minn dawn l-importazzjonijiet.

Hija tikkunsidra l-fatturi li ġejjin:

  • il-volum tal-importazzjonijiet;
  • il-prezz tal-importazzjonijiet;
  • l-impatt b'konsegwenza ta' dan fuq il-produtturi Ewropej ta’ prodotti simili jew li jkunu f'kompetizzjoni diretta magħhom, kif indikat mix-xejriet fil-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità (jiġiferi kemm qed tintuża l-kapaċità produttiva), il-ħażniet, il-bejgħ, is-sehem mis-suq, il-prezzijiet, il-profitti, id-dħul fuq il-kapital imħaddem, il-likwidità, l-impjiegi.

Jekk l-investigazzjoni turi li l-importazzjonijiet tant żdiedu li jikkawżaw (jew jheddu li jikkawżaw) dannu serju lill-produtturi tal-UE, il-Kummissjoni tista’ timponi miżuri ta’ salvagwardja.

Miżuri ta’ salagwardja

L-investigazzjoni tal-UE tista’ twassal għal restrizzjonijiet kwantitattivi fl-importazzjonijiet tal-prodott minn kwalunkwe pajjiż barra mill-UE. Kwoti għall-importazzjoni m’għandhomx ikunu taħt il-livell medju tal-importazzjonijiet fuq il-medda tal-aħħar tliet snin rappreżentattivi li għalihom tkun disponibbli l-istatistika.

  • Miżuri provviżorji (fuq massimu ta’ 200 ġurnata) jistgħu jiġu imposti f'ċirkostanzi kritiċi u jekk determinazzjoni preliminari tipprovdi evidenza ċara ta’ dannu jew dannu imminenti.
  • Miżuri definittivi ma għandhomx jaqbżu l-erba' snin (inkluż it-tul taż-żmien ta' kwalunkwe miżura provviżorja) — sakemm ma jiġux estiżi, għal massimu ta’ tmien snin.

Japplikaw salvagwardji għall-importazzjonijiet kollha tal-prodott in kwistjoni, mill-pajjiżi kollha.

Miżuri ta’ sorveljanza

L-investigazzjoni tista’ twassal għal sorveljanza minn qabel jew retroattiva tal-UE ta’ prodott. Is-sorveljanza hija sistema ta’ liċenzjar ta' importazzjoni awtomatika fuq perjodu ta’ żmien. Hija ma tirrestrinġix l-importazzjonijiet b’mod retroattiv jew minn qabel. Il-prodotti li kienu taħt sorveljanza preċedenti jistgħu jitpoġġew f'ċirkolazzjoni libera, għalkemm biss mal-preżentazzjoni ta’ dokument tal-importazzjoni approvat mill-awtorità kompetenti nnominata minn pajjiż tal-UE u validu ġewwa l-UE.

Il-proċedura dwar it-tagħrif u l-konsultazzjoni

Qabel u waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv tas-Salvagwardja (rappreżentanti minn kull pajjiż tal-UE). Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiżi tal-UE b'kull deċiżjoni li tieħu dwar miżuri ta’ salvagwardja. Bħala punt tat-tluq, miżuri ta’ salvagwardja jistgħu jiġu imposti jekk il-pajjiżi tal-UE jappoġġjawhom permezz ta’ maġġoranza kwalifikata. Ir-regolament jipprovdi wkoll għal ċirkostanzi ta’ votazzjoni speċifiċi oħra

Pajjiżi li qed jiżviluppaw

Ebda miżura ta’ salvagwardja ma tista' tiġi applikata għal prodott li joriġina fi stat li qiegħed jiżviluppa li jkun Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ sakemm is-sehem ta' dan il-pajjiż fl-importazzjonijiet tal-prodott in kwistjoni fl-UE ma jaqbiżx it-3 % u s-sehem fl-importazzjoni tal-Istati kollha li qed jiżviluppaw ma jammontax għal aktar minn 9 %.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa japplika mis-16 ta' April 2015.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara: “Importazzjoni għal ġewwa l-UE” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINI EWLENIN

* Miżuri ta’ salvagwardja: dawn huma maħsuba għal sitwazzjonijiet fejn industrija tal-UE tiġi affettwata minn żieda f’daqqa u għall-għarrieda reċenti ta’ importazzjonijiet, minħabba żviluppi li ma kinux prevedibbli. Huma ddisinjati biex jagħtu lill-industrija perjodu temporanju biex jirristrutturaw.

* Kodifikazzjoni: il-proċess li jinġiebu flimkien att leġislattiv u l-emendi kollha tiegħu f’att wieħed ġdid.

*Dannu serju: ħsara ġenerali sinifikanti għall-pożizzjoni tal-produtturi tal-UE.

ATT

Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16-33)

ATTI RELATATI

Regolament (UE) 2015/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet tal-prodotti tat-tessuti minn ċerti pajjiżi terzi mhux koperti bi ftehimijiet bilaterali, protokolli jew arranġamenti oħra, jew minn regoli tal-importazzjoni speċifika tal-Komunità (ĠU L 160, 25.6.2015, p. 1-54)

Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33–49)

l-aħħar aġġornament 31.03.2016

Fuq