EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2071

Il-Protokoll dwar ix-Xogħol Furzat tal-ILO: ratifika mill-pajjiżi tal-UE

Il-Protokoll dwar ix-Xogħol Furzat tal-ILO: ratifika mill-pajjiżi tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

SOMMARJU

X’JAGĦMLU DAWN ID-DEĊIŻJONIJIET?

  • Huma jawtorizzaw lill-gvernijiet tal-UE biex jirratifikaw il-Protokoll li ġie adottat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fl-2014 u jitolbuhom jagħmlu dan sal-aħħar tal-2016. Dan jagħti impetus ġdid lill-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat tal-ILO tal-1930 fil-prevenzjoni tal-użu tax-xogħol furzat, b’mod partikolari fil-kuntest tat-traffikar tal-persuni, il-protezzjoni tal-vittmi u l-għoti tal-aċċess għal rimedji.

PUNTI EWLENIN

  • Il-Protokoll dwar ix-Xogħol Furzat tal-ILO jkopri oqsma tal-politika soċjali u tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE.
  • L-UE bħala tali ma tistax tirratifika l-protokoll. Il-pajjiżi individwali tal-UE biss jistgħu jagħmlu dan. Iż-żewġ deċiżjonijiet jawtorizzaw lill-gvernijiet tal-UE sabiex jirratifikaw it-test, “waqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni”.
  • Id-Deċiżjoni 2015/2037 tkopri oqsma tal-politika soċjali fil-Protokoll, bħar-relazzjoni tal-impjieg, il-ħin tax-xogħol, ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li diġà huma s-suġġett tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
  • Id-Deċiżjoni 2015/2071 tkopri kwistjonijiet kriminali fil-Protokoll, bħall-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità. L-UE diġà lleġiżlat f’dan il-qasam b’direttivi dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi.
  • Fuq il-bażi tal-esklużjoni fakultattiva għall-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, id-Danimarka ma hijiex marbuta bid-Deċiżjoni 2015/2071.
  • Il-pajjiżi li jirratifikaw il-Protokoll dwar ix-Xogħol Furzat huma meħtieġa jiżviluppaw politika nazzjonali u pjan ta’ azzjoni biex jimpenjaw ruħhom f’kooperazzjoni internazzjonali għat-trażżin tax-xogħol furzat, f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali. Dawn iridu jieħdu miżuri biex jipprevjenu x-xogħol furzat, itejbu l-protezzjoni tal-vittmi u jipprovdulhom aċċess għal rimedji, inkluż kumpens.

SFOND

Ix-xogħol furzat huwa xogħol imwettaq b’mod involontarju taħt koerċizzjoni u huwa rikonoxxut fuq livell universali bħala reat sa mill-Konvenzjoni memorabbli tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat Nru 29, kif adottata fl-1930.

Madankollu, l-ILO tagħmel stima li 20.9 miljun persuna madwar id-dinja għadhom il-vittmi tax-xogħol furzat. Il-maġġoranza vasta tagħhom issa jinsabu fl-ekonomija privata, b’mod partikolari fil-forma tat-traffikar għall-isfruttament ta’ ħaddiema. Il-Protokoll u r-Rakkomandazzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, adottati mill-ILO fl-2014, għandhom l-għan li jqawwu l-ġlieda globali kontra l-forom kollha ta’ xogħol furzat.

MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONIJIET?

Huma japplikaw mit-12 ta’ Novembru 2015. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2016.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

ATTI

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2037 tal-10 ta’ Novembru 2015 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-politika soċjali (ĠU L 298, 14.11.2015, p. 23-24)

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2071 tal-10 ta’ Novembru 2015 li tawtorizza lill-Istati Membri jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward tal-Artikoli 1 sa 4 tal-Protokoll fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali (ĠU L 301, 18.11.2015, p. 47-48)

ATTI RELATATI

Il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930

l-aħħar aġġornament 17.03.2016

Fuq