EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1339

Negozjati tan-NU dwar il-klima: Il-Protokoll ta’ Kyoto — it-tieni perjodu ta’ impenn

Negozjati tan-NU dwar il-klima: Il-Protokoll ta’ Kyoto — it-tieni perjodu ta’ impenn

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni (UE) 2015/1339 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI?

  • Hija tagħti l-approvazzjoni formali tal-UE għall-ftehim milħuq fil-konferenza ta’ Doha f’Diċembru 2012 biex jiġi stabbilit tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto. It-tieni perjodu ta’ impenn jibda mill-1 ta’ Jannar 2013 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

PUNTI EWLENIN

  • 38 parti, inkluża l-UE, huma involuti fit-tieni fażi, u huma impenjati li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’mill-inqas 18% taħt il-livelli tal-1990 fil-perjodu li jibda mill-2013 u li jintemm fl-2020.
  • L-UE, il-pajjiżi tal-UE u l-Islanda, impenjaw ruħhom biex flimkien jaslu għal tnaqqis ta’ 20% fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra kombinati tagħhom għall-perjodu 2013-2020 meta mqabbel mal-livell fl-1990 jew mas-sena bażi magħżula minnhom. Il-mira tirrifletti l-emissjonijiet totali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra permessi matul il-perjodu 2013-2020 skont il-pakket tal-klima u l-enerġija.
  • L-impenn konġunt ta’ 20% huwa kondiviż bejn l-UE, il-pajjiżi tal-UE u l-Islanda.
  • Il-miżuri meħtieġa għall-UE u għall-pajjiżi tal-UE li jwettqu l-impenn tat-tnaqqis diġà ġew stabbiliti permezz tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija tal-2020.

META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Awwissu 2015. L-Emenda ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kyoto s’issa għadha ma daħlitx fis-seħħ.

SFOND

Il-Protokoll ta’ Kyoto kien, sal-konferenza dwar il-klima f’Pariġi f’Diċembru 2015, l-uniku ftehim li jorbot legalment fid-dinja biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Adottat f’Diċembru 1997, fih wegħdiet minn nazzjonijiet industrijalizzati parteċipanti biex inaqqsu l-emissjonijiet totali tagħhom ta’ 6 gassijiet serra (dijossidu tal-karbonju, metanu, ossidu nitruż, hydrofluorocarbons, perfluorocarbons u hexafluoride tal-kubrit) b’medja ta’ 5 % matul l-ewwel perjodu ta’ impenn (2008-2012) meta mqabbel mal-livelli tal-1990.

Fil-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima f’Doha f’Diċembru 2012, il-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kyoto adottaw l-Emenda ta’ Doha, li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto (2013-2020). It-tieni fażi tal-Protokoll ta’ Kyoto sservi bħala pont lejn ftehim globali fuq it-tibdil fil-klima wara l-2020.

Minħabba li l-Islanda mhuwiex pajjiż tal-UE, it-termini tat-twettiq konġunt dwar il-parteċipazzjoni tagħha kellhom jiġu stabbiliti fi ftehim internazzjonali separat (Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1340).

It-tieni perjodu ta’ impenn ta’ Kyoto (2013-2020) fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea

ATT

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1339 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-impenji taħtha (ĠU L 207, 4.8.2015, p. 1–5)

ATTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt ta’ l-obbligi tiegħu (ĠU L 130 tal-15.5.2002, p. 1–3)

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1340 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Islanda, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda għat-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 207, 4.8.2015, p. 15–16)

l-aħħar aġġornament 08.02.2016

Fuq