EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0911

Tniġġis tal-ibħra minn vapuri u installazzjonijiet tal-gass u ż-żejt

Status legali tad-dokument Dan is-sommarju ġie arkivjat u mhux se jiġi aġġornat, għaliex id-dokument imqassar ma għadux fis-seħħ jew ma jirriflettix is-sitwazzjoni attwali.

Tniġġis tal-ibħra minn vapuri u installazzjonijiet tal-gass u ż-żejt

F’Lulju 2014, l-UE adottat liġi li tiggarantixxi finanzjament għall-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) biex tiġġieled it-tniġġis fil-baħar għall-perjodu 2014-2020.

ATT

Regolament (UE) Nru 911/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass.

SOMMARJU

F’Lulju 2014, l-UE adottat liġi li tiggarantixxi finanzjament għall-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) biex tiġġieled it-tniġġis fil-baħar għall-perjodu 2014-2020.

L-EMSA oriġinarjament twaqqfet biex tiżgura livelli għoljin ta’ sigurtà fil-baħar u tipprevjeni u timmaniġġja t-tniġġis mill-vapuri, bħal tnixxija ta’ żejt jew sustanzi perikolużi. Fl-2013, il-kompitu tal-EMSA kien estiż biex ikopri tniġġis minn installazzjonijiet taż-żejt u l-gass.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Dan jipprovdi finanzjament biex jippermetti lill-EMSA twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha li twieġeb għat-tniġġis marittimu. Dan jgħid espliċitament li l-eżistenza tal-EMSA ma għandhiex terħi lill-pajjiżi mir-responsabbiltà tagħhom li jkollhom il-mekkaniżmi neċessarji f’posthom.

PUNTI EWLENIN

Il-finanzjament jippermetti lill-EMSA biex tinvesti fi:

vapuri u tagħmir speċjalizzati li jkunu disponibbli biex jassistu meta msejħa;

immaġnijiet u tagħmir satellitari li jidentifikaw it-tniġġis u jgħinu biex ikun ippjanat kif dan se jiġi indirizzat.

Ir-responsabbiltajiet ewlenin tal-EMSA huma li:

taħdem fil-qrib u tipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE b’assistenza teknika u xjentifika biex tiġġieled it-tniġġis;

tanalizza u xxerred informazzjoni dwar prattiċi tajba u għarfien;

tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma’ ftehimiet eżistenti ta’ kooperezzjoni reġjonali;

tmantni s-Servizz Ewropew ta' Monitoraġġ taż-Żejt bis-Satellita (Cleanseanet), li jgħin biex jikxef it-tniġġis minn kmieni u jidentifika l-vapuri u l-installazzjonijiet responsabbli.

Il-pajjiżi kollha milqutin jitolbu l-assistenza tal-EMSA permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili tal-UE.

L-EMSA sejra tinkoraġġixxi wkoll lil pajjiżi li mhumiex fl-UE, li jaqsmu baċir tal-baħar reġjonali mal-UE biex jaqsmu l-informazzjoni dwar il-vapuri u tagħmir tagħhom u biex jipprovdu dettalji dwar il-mekkaniżmi u kapaċitajiet ta’ rispons tagħhom.

FINANZJAMENT

€160.5 miljun. L-EMSA tħallas għall-kuntratti għall-vapuri u t-tagħmir disponibbli għall-bżonn. Madankollu, il-pajjiżi milqutin iħallsu għall-ispejjeż tal-operazzjonijiet ta’ tindif fl-ilmijiet tagħhom.

META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

L-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

SFOND

Ara l-websajt tal-EMSA.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 911/2014

29.8.2014

-

ĠU L 257, 28.8.2014, p. 115-120

ATTI RELATATI

Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208 tal-5.8.2002, p. 1-9).

Regolament (KE) Nru 724/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 129 tad-29.4.2004, p. 1-5).

Regolament (KE) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 39 tad-9.2.2013, p. 30-40).

Deċiżjoni Nru 1313/2013/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347 tal-20.12.2013, p. 924-947).

L-aħħar aġġornament: 08.12.2014

Fuq