EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014O0044

Qafas ta’ akkwist tal-Eurosistema

Qafas ta’ akkwist tal-Eurosistema

 

SOMMARJU TA’

Deċiżjoni 2008/893/KE li twaqqaf il-qafas għall-akkwist konġunt tal-Ewrosistema

Linja Gwida (UE) 2015/280 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema ta’ Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-LINJA GWIDA?

  • Id-deċiżjoni tistipula r-regoli u l-prattiċi għall-akkwist konġunt minn banek ċentrali nazzjonali (BĊNs) u mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ prodotti u servizzi neċessarji għat-tħaddim tal-kompiti tal-Eurosistema, u r-rwoli tal-Uffiċċju għall-Koordinament tal-Akkwisti (EPCO) u ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra involuti.
  • Il-linja gwida tistipula regoli biex tiżgura li tipi differenti ta’ kumpaniji ta’ stampar fis-setturi pubbliċi u privati jkunu jistgħu jipparteċipaw fuq termini ugwali fi proċeduri ta’ sottomissjoni ta’ offerti għall-produzzjoni ta’ karti tal-flus ewro li jkunu organizzati u li jsiru fl-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

Meta EPCO tara l-bżonn għal akkwist konġunt ta’ prodotti u servizzi, għal kosteffiċjenza u effettività jew għal rekwiżiti u standards armonizzati, tistieden li-banek ċentrali biex jipparteċipaw fi proċedura konġunta ta’ sottomissjoni ta’ offerti*.

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE japprova l-proċedura u l-bank ċentrali prinċipali ssuġġerit minn EPCO. Il-bank ċentrali prinċipali jwettaq il-proċedura konġunta ta’ sottomissjoni ta’ offerti għall-benefiċċju tal-BĊNs li jkunu qed jipparteċipaw fil-proċedura konġunta ta’ sottomissjoni ta’ offerti, konformi mar-regoli ta’ akkwist applikabbli.

Il-parteċipazzjoni tal-BĊNs fl-attivitajiet ta’ EPCO u fi proċeduri konġunti ta’ sottomissjoni ta’ offerti hi volontarja.

L-EPCO jiġi ospitat minn BĊN maħtur mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE kull 5 snin. Il-BĊN ta’ Lussemburgu bħalissa għndu din il-pożizzjoni (1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2024). Il-BĊNs jiffinanzjaw il-baġit tal-EPCO fuq bażi annwali jew multiannwali.

Għall-produzzjoni u akkwist ta’ karti ta’ flus ewro, twaqqfet is-Sistema ta’ Produzzjoni u Akkwist tal-Eurosistema. Din tkopri l-produzzjoni ta’ karti ta’ flus ewro mill-BĊNs billi jużaw stamperija interna u s-sottomissjoni ta’ offerti għall-produzzjoni ta’ karti ta’ flus ewro mill-BĊNs li jiddependu fuq stamperiji pubbliċi. Arranġamenti interni jiżguraw li l-kontijiet tal-istamperiji pubbliċi u dawk ta’ awtorità pubblika jkunu separati kompletament fil-proċedura.

Il-BĊN huma responsabbli għall-produzzjoni u l-akkwist tal-karti tal-flus tal-euro li ġew allokati lilhom skont l-ishma tagħhom fil-kapital tal-BĊE.

MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-LINJA GWIDA?

  • Id-Deċiżjoni 2008/893/KE ilha tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2008.
  • Il-banek ċentrali tal-Eurosistema kkonformaw mal-linja gwida mill-1 ta’ Jannar 2015

SFOND

  • Il-Kunsill governattiv tal-BĊE għandu s-setgħa taħt l-istatut tal-BĊE (Artikolu 12.1) biex jadotta linji gwida u jieħu deċiżjonijiet biex jiżgura t-tħaddim effettiv tal-Eurosistema. Dan għandu wkoll id-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-UE u li jalloka r-responsabbiltà għall-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro lill-BĊN.
  • F’Lulju 2007, il-Kunsill governattiv tal-BĊE ddeċieda li jwaqqaf l-EPCO sabiex isaħħaħ l-kooperazzjoni fi ħdan l-Eurosistema fil-qasam ta’ akkwist. Hu għamel dan permanenti fl-2020

TERMINI EWLENIN

Proċedura konġunta ta’ sottomissjoni ta’ offerti. Proċedura għall-akkwist konġunt ta’ prodotti u servizzi mwettqa minn bank ċentrali prinċipali għall-benefiċċju ta’ banek ċentrali li jipparteċipaw fil-proċedura konġunta ta’ sottomissjoni ta’ offerti.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni 2008/893/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Novembru 2008 li tistipula l-qafas għall-akkwist konġunt tal-Eurosistema (BĊE/2008/17) (ĠU L 319, 29.11.2008, pp. 76–78).

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2008/893/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Linja gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta’ Novembru 2014 dwar l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Produzzjoni u Akkwist tal-Eurosistema (BĊE/2014/44) (ĠU L 47, 20.2.2015, pp. 29–33).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 21.03.2023

Fuq