EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0490

Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mas-Serbja

Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mas-Serbja

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika tas-Serbja

Id-Deċiżjoni 2013/490/KE, Euratom dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-FTEHIM?

Id-deċiżjoni timmarka l-konklużjoni tal-Unjoni Ewropea (tal-UE) tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) mas-Serbja.

L-għanijiet tal-ftehim huma li:

  • ikunu appoġġjati l-isforzi tas-Serbja biex issaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
  • ikun hemm kontribut għall-istabbiltà politika, ekonomika u istituzzjonali fis-Serbja, kif ukoll għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun;
  • ikun ipprovdut qafas xieraq għad-djalogu politiku, li jħalli l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet politiċi mill-qrib bejn l-UE u s-Serbja;
  • ikunu appoġġjati l-isforzi tas-Serbja sabiex tkun żviluppata l-kooperazzjoni ekonomika u internazzjonali tagħha, inkluż billi l-liġijiet tagħha jiġu allinjati aktar mill-qrib ma’ dawk tal-UE;
  • ikunu appoġġjati l-isforzi tas-Serbja sabiex tkun ikkompletata t-tranżizzjoni għal ekonomija tas-suq li taħdem;
  • ikunu inkoraġġiti relazzjonijiet ekonomiċi armonjużi u tkun żviluppata gradwalment żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u s-Serbja;
  • titrawwem kooperazzjoni reġjonali fl-oqsma kollha li huma koperti minn dan il-ftehim.

PUNTI EWLENIN

L-FSA jinkludi 10 intestaturi.

 

  • 1.
    Prinċipji ġenerali

    L-FSA huwa bbażat fuq numru ta’ prinċipji essenzjali. Is-Serbja taqbel li:

    • tirrispetta l-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji tad-dritt internazzjonali — inkluża kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja — l-istat tad-dritt kif ukoll il-prinċipji ta’ ekonomija tas-suq;
    • tikkoopera u tikkontribwixxi fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva (WMD) u l-mezzi biex dawn jiġu kkonsenjati, inkluż billi:
      • tieħu passi biex tiffirma, tirratifika, taderixxi għal, kif ikun xieraq, u timplimenta b’mod sħiħ l-istrumenti internazzjonali l-oħra kollha li huma rilevanti;
      • twaqqaf sistema effettiva ta’ kontrolli fuq l-esportazzjoni nazzjonali, tikkontrolla l-esportazzjoni kif ukoll it-tranżitu tal-prodotti li huma relatati mal-WMD, fost l-oħrajn il-kontroll tal-użu aħħari mal-WMD fuq it-teknoloġiji b’użu doppju u li jinkludu sanzjonijiet effettivi għall-ksur tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni;
    • tissodisfa l-obbligi internazzjonali;
    • tippromwovi l-paċi u l-istabbiltà internazzjonali u reġjonali u tiżviluppa relazzjonijiet tajba tal-viċinat mal-pajjiżi l-oħrajn tar-reġjun, inkluż l-impenn tas-Serbja li tkompli trawwem il-kooperazzjoni;
    • tiġġieled kontra t-terroriżmu.

     

  • 2.
    Djalogu politiku

    Id-djalogu politiku bejn iż-żewġ partijiet għandu jiġi żviluppat aktar. Dan se jippromwovi, b’mod partikolari:

    • l-integrazzjoni sħiħa tas-Serbja fil-komunità ta’ nazzjonijiet demokratiċi u l-armonizzazzjoni gradwali (tqarrib) lejn l-UE:
    • konverġenza dejjem tikber tal-pożizzjonijiet tal-Partijiet dwar kwistjonijiet internazzjonali, inklużi kwistjonijiet ta’ politika estera u ta’ sigurtà komuni;
    • il-kooperazzjoni reġjonali u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet tajba ta’ viċinat;
    • il-fehmiet komuni dwar is-sigurtà u l-istabbiltà fl-Ewropa, inkluża l-kooperazzjoni f’oqsma koperti mill-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE.

     

  • 3.
    Kooperazzjoni reġjonali

    Is-Serbja għandha:

    • tinkoraġġixxi b’mod attiv il-kooperazzjoni reġjonali;
    • tibda negozjati mal-pajjiżi li diġà ffirmaw FSA mal-UE bil-għan li tikkonkludi ftehimiet bilaterali dwar il-kooperazzjoni reġjonali;
    • tfittex kooperazzjoni reġjonali ma’ pajjiżi oħrajn kkonċernati mill-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (PSA) f’xi qasam, jew fl-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni koperti minn dan il-Ftehim.
    • trawwem kooperazzjoni u tikkkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ kwalunkwe pajjiż kandidat tal-UE mhux involut fil-PSA. Għandha tiftaħ negozjati wkoll mat-Turkija bil-ħsieb li tikkonkludi Ftehim li jistabbilixxi żona ta’ kummerċ ħieles.

    L-UE tista’ tappoġġja proġetti ta’ dimensjoni reġjonali jew tanskonfinali permezz tal-programmi tagħha ta’ assistenza teknika.

     

  • 4.
    Il-moviment ħieles tal-prodotti
    • Iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom biex gradwalment jistabbilixxu żona ta’ kummerċ ħieles bilaterali fuq perjodu massimu ta’ 6 snin.
    • L-FSA jistabbilixxi proċess għat-tnaqqis u t-tneħħija ta’ tariffi u kwoti doganali fuq oġġetti kemm mill-UE kif ukoll mis-Serbja.

     

  • 5.
    Il-moviment tal-ħaddiema, it-twaqqif, il-provvista tas-servizzi u l-moviment tal-kapital
    • Iċ-ċittadini Serbi li jaħdmu legalment f’pajjiż tal-UE għandhom ikunu ħielsa minn kull forma ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla maċ-ċittadini tal-pajjiż ikkonċernat. Is-Serbja għandha tipprovdi l-istess trattament lill-ħaddiema tal-UE.
    • Għandhom jiġu stabbiliti regoli għall-koordinazzjoni tas-sistemti ta’ sigurtà soċjali għal ħaddiema b’ċittadinanza Serba, impjegati legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, u għall-membri tal-familji tagħhom residenti legalment hemmhekk. Is-Serbja għandha tipprovdi trattament simili lill-ħaddiema tal-UE.
    • Il-kumpaniji (kif ukoll is-sussidjarji u l-fergħat) li jistabbilixxu ruħhom fit-territorju tal-Parti l-oħra m’għandhomx jingħataw trattament inqas favorevoli minn kumpaniji bbażati f’dak it-territorju.
    • Iż-żewġ partijiet għandhom jieħdu passi li progressivament jippermettu lill-kumpaniji jew liċ-ċittadini tagħhom jipprovdu servizzi fit-territorju tal-parti l-oħra.
    • Kwalunkwe pagament u trasferiment fuq il-kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti bejn l-UE u s-Serbja għandu jkun permess f’munita li tista’ tissarraf liberament.

     

  • 6.
    Allinjament tal-liġijiet tal-pajjiż ma’ dawk tal-UE
    • Is-Serbja taqbel li tiżgura li l-liġijiet eżistenti tagħha u l-leġiżlazzjoni futura gradwalment għandhom isiru kompatibbli mal-acquis tal-UE u li tali liġijiet se jiġu implimentati u infurzati kif xieraq.
    • Iż-żewġ naħat huma marbuta b’regoli ta’ kompetizzjoni, ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, fir-rigward ta’ azzjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet.

     

  • 7.
    Ġustizzja, libertà u sigurtà

    Il-kooperazzjoni tiffoka fuq numru ta’ oqsma speċifiċi, fosthom:

    • il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet fil-livelli kollha fl-oqsma tal-amministrazzjoni b’mod ġenerali u l-infurzar tal-liġi u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
    • il-viżi, il-ġestjoni tal-fruntieri, l-asil u l-migrazzjoni;
    • il-prevenzjoni u l-kontroll tal-migrazzjoni illegali, ir-riammissjoni;
    • il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;
    • il-kooperazzjoni fil-qasam tad-drogi illegali;
    • il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu u attivitajiet illegali oħra.

     

  • 8.
    Il-politika ta’ kooperazzjoni

    L-UE u s-Serbja jaqblu li jistabbilixxu kooperazzjoni mill-qrib f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, bħall-politika dwar l-ekonomija u l-kummerċ, il-kooperazzjoni industrijali, l-edukazzjoni u t-taħriġ biex isaħħu l-potenzjal ta’ żvilupp u ta’ tkabbir tas-Serbja. Di il-kooperazzjoni se ssaħħaħ ir-rabtiet ekonomiċi eżistenti għall-benefiċċju taż-żewġ Partijiet.

     

  • 9.
    Kooperazzjoni finanzjarja
    • Sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, is-Serbja tista’ tirċievi għajnuna finanzjarja mill-UE fil-forma ta’ għotjiet u self, inkluż self mill-Bank Ewropew tal-Investiment.
    • L-assistenza finanzjarja tal-UE tikkundizzjona l-progress ulterjuri fl-issodisfar tal-kriterji ta’ Copenhagen.

     

  • 10.
    Superviżjoni

    L-FSA jistabbilixxi kunsill ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-FSA.

     

MINN META JIBDEW JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-FTEHIM?

Id-deċiżjoni ilha tapplika mit-22 ta’ Lulju 2013 u l-ftehim mill-1 ta’ Settembru 2013.

SFOND

Għal aktar informazzjoni:

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16-473)

Emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fl-att oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2013/490/KE, Euratom tat-22 ta’ Lulju 2013 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 18.10.2013, p. 14-15)

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Komunikazzjoni tal-2018 dwar il-politika ta’ tkabbir tal-UE (COM(2018) 450 final, 17.4.2018)

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni — Rapport tas-Serbja tal-2018 — Li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Komunikazzjoni tal-2018 dwar il-Politika ta’ Tkabbir tal-UE (SWD(2018) 152 final, 17.4.2018)

Regolament (UE) Nru 332/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2014 dwar xi proċeduri sabiex jiġi applikat il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 103, 5.4.2014, pp. 10-14)

Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ĠU L 77, 15.3.2014, pp. 11-26)

l-aħħar aġġornament 01.03.2019

Fuq