EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1095

Awtorità Ewropea tat-Titoli u tas-Swieq (ESMA)

Awtorità Ewropea tat-Titoli u tas-Swieq (ESMA)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u tas-Swieq

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa joħloq l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u tas-Swieq (ESMA) — waħda minn tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASE) — li ssaħħaħ il-koordinazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali tas-swieq finanzjarji u tassigura l-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea (UE) fl-Istati Membrital-UE.
  • Dan ġie emendat mir-Regolament (UE) 2019/2175 li jagħti iktar responsabblità lit-tliet ASE biex jassiguraw il-konverġenza tas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji fl-oqsma rispettivi tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Applikazzjoni konsistenti tal-liġi

  • L-ESMA tagħmel standards regulatorji u tekniċi bbażati fuq leġiżlazzjoni finanzjarja tal-UE. Hija għandha wkoll is-setgħa li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet fuq l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE.

Protezzjoni tal-konsumatur u attivitajiet finanzjarji

  • L-ESMA tippromwovi t-trasparenza, is-sempliċità u l-ekwità fis-swieq biex tipproteġi l-konsumaturi ta’ prodotti finanzjarji. Hija tissorvelja l-attivitajiet finanzjarji u tanalizza xejriet tal-konsumatur, flimkien ma’ ħidmiet oħra. Taħt ċertu kundizzjonijiet stretti, tista’ tipprojbixxi jew tillimita temporanjament attivitajiet finanzjarji li jkunu ta’ theddida għall-istabbilità tas-swieq.

Ksur tal-liġi

  • L-ESMA tista’ tinvestiga xi ksur tal-liġi minn awtorità nazzjonali. Dan jiġri meta din tal-aħħar ma jirnexxilhiex tassigura li parteċipant fis-suq finanzjarju jikkonforma mal-liġi tal-UE.
  • Fi żmien xahrejn, l-ESMA tista’ toħroġ rakkomandazzjoni li teħtieġ li l-awtorità nazzjonali tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tikkonforma mal-liġi tal-UE. Imbagħad, il-Kummissjoni Ewropea tista’ toħroġ opinjoniformali. Jekk l-awtorità nazzjonali tibqa’ ma tikkonformax, l-ESMA tista’ tindirizza deċiżjoni direttament għal parteċipant fis-suq finanzjarju taħt ċertu kundizzjonijiet stretti. Din id-deċiżjoni ser tkun prevalenti fuq deċiżjonijiet preċedenti li ttieħdu mill-awtorità nazzjonali.

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2019/2175

  • Dan ir-regolament emendatorju jagħti lill-ESMA setgħat ta’ sorveljanza diretti fuq l-amministraturi ta’parametri referenzjali kritiċi* u permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kommunikazzjoni tad-data.
  • Din titrasferixxi s-setgħat tal-awtorizzazzjoni u tas-superviżjoni relatati mal-fornituri ta’ servizzi ta’ rappurtar tad-data* minn awtoritajiet kompetenti sal-ESMA, minbarra dawk li qed jibbenefikaw minn derogazzjoni għax għandhom relevanza limitata fl-UE. Dan inaqqas il-fragmentazzjoni u l-ispejjeż u jassigura l-istess kwalità u affidabbiltà tad-data madwar l-UE.
  • L-ESMA tieħu rwol ta’ koordinazzjoni ikbar f’każijiet ta’ abbuż tas-suq. Fejn ikun hemm ċertu ordnijiet, tranżazzjonijiet jew imġiba li jagħtu lok għal suspetti ta’ abbużi fis-suq u li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali għall-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà finanzjarja fl-UE, l-ESMA tkun tista’ toħroġ opinjoni dwar proċediment ta’ segwitu xieraq.
  • Ir-regolament jagħti lill-ESMA, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti, kompetenzi biex jiġbru data direttament mill-parteċipanti fis-suq b’relazzjoni ma’ rekwiżiti ta’ transparenza qabel u wara l-kummerċ u li jawtorizzaw u jimmonitorjaw l-irrappurtar tad-data minn naħa tal-fornituri tas-servizzi.
  • L-ESMA hija kapaċi tmexxi investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post u tista’ timponi multi jew pagamenti ta’ penali perjodiċi biex iġġiegħel fornituri tas-servizzi tal-irrappurtar tad-data jtemmu infrazzjoni jew jagħtu l-informazzjoni kompluta u korretta li tkun meħtieġa.
  • Bħala l-awtorità kompetenti biex tagħraf amministraturi ta’ parametri referenzjali ta’ pajjiżi mhux tal-UE, l-ESMA hija l-kontroparti tal-UE għas-superviżuri fil-pajjiżi mhux tal-UE, billi tagħmel il-kooperazzjoni transfruntiera iktar effiċjenti u effettiva.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2019/2175 (f’dak li jirrigwarda emendi għar-Regolament (UE) Nru 1095/2010) ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

SFOND

  • Ibbażata f’Pariġi, l-ESMA inħolqot fl-2010 biex tissalvagwardja l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-UE u biex tindirizza nuqqasijiet fis-superviżjoni finanzjarja.
  • L-ESMA tagħmel parti mis-sistema Ewropea ta’ superviżjoni finanzjarja (SESF), li nħolqot fl-2010 flimkiem ma’ żewġ organizzazzjonijiet superviżorji oħra:
    • l-Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, ibbażata fi Frankfurt;
    • l-Awtorità Bankarja Ewropea, ibbażata f’Pariġi.
  • Is-SEFS tikkonsisti wkoll fil-Bord tar-Riskju Sistemiku Ewropew għas-Superviżjoni Finanzjarja u l-Kumitat Konġunt għall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.
  • Għal iktar informazzjoni ara:

TERMINI PRINĊIPALI

Parametri referenzjali kritiċi. Indiċi jew indikaturi użati biex jingħata prezz lill-istrumenti finanzjarji u lill-kuntratti finanzjarji jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta’ fond ta’ investiment.
Fornituri ta’ servizzi ta’ rappurtar tad-data. Kumpaniji li jiffaċilitaw l-irrappurtar ta’ tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjari għal regolaturi u għall-pubbliku.

DOCUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li temenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, pp. 84–119).

Emendi suċċessivi tar-Regolament (UE) 1095/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE and d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, pp. 349–496).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2014/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jemenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 b’rigward is-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (L-Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet għax-Xogħol u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (L-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 153 of 22.5.2014, pp. 1–61).

Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u d-Direttivi Emendatorji 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174 tal-1.7.2011, pp. 1–73).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331,15.12.2010, pp. 162–164).

l-aħħar aġġornament 17.11.2021

Fuq