Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0987

    Sistema tas-sigurtà soċjali — Kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE

    Sistema tas-sigurtà soċjali — Kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE

     

    SOMMARJU TA’:

    ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 — dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali

    X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

    • Dan huwa regolament ta’ implimentazzjoni li jimmodernizza u jissimplifika r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali fl-UE.
    • Bl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, dan ir-Regolament jagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqilqu b’mod ħieles fl-UE għal raġunijiet ta’ studju, divertiment jew għal raġunijiet professjonali u jiggarantixxi li ma jiġux żvantaġġjati f’termini ta’ sigurtà soċjali.
    • Huwa jirrevoka u jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 574/72.

    PUNTI EWLENIN

    Ir-regolament isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali* tal-pajjiżi tal-UE u jtejjeb il-metodi li jużaw biex jaqsmu l-informazzjoni ma’ xulxin.

    Ir-regolament huwa maqsum f’5 titoli li wħud minnhom fihom diversi kapitoli:

    Titolu I — Dispożizzjonijiet ġenerali

    Kapitolu I — definizzjonijiet ta’ diversi termini użati fir-regolament.

    Kapitolu II — regoli dwar il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-pajjiżi tal-UE:

    • kif l-istituzzjonijiet jaqsmu d-data;
    • kif l-atturi jinteraġixxu mal-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;
    • il-valur legali tad-dokumenti u l-evidenza ta’ sostenn maħruġa f’pajjiż ieħor tal-UE;
    • l-applikazzjoni proviżorja tal-leġiżlazzjoni u l-għoti proviżorju ta’ benefiċċji (meta jkun hemm differenza fl-opinjoni bejn l-istituzzjonijiet f’pajjiżi differenti) u
    • il-kalkolu proviżorju tal-benefiċċji u l-kontribuzzjonijiet.

    Kapitolu III — aspetti bħal arranġamenti bejn 2 pajjiżi tal-UE jew aktar:

    • li jipprevjenu t-trikkib tal-benefiċċji;
    • li jiddeterminaw ir-residenza;
    • li jaggregaw perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg indipendenti jew residenza kompluti skont il-liġijiet ta’ pajjiż tal-UE; u
    • kif dawn jenħtieġ li jiġu miżjuda ma’ dawk kompluti skont il-liġijiet ta’ pajjiż ieħor tal-UE (jekk applikabbli).

    Titolu II — Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli

    Taħt it-Titolu II, jiġu stabbiliti regoli dettaljati skont liema artikolu (jiġifieri minn Artikolu 12 sa 16) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 japplika għall-attur (pereżempju, l-Artikolu 13 japplika għal nies impjegati f’2 pajjiżi jew aktar tal-UE).

    Titolu III — Regoli speċjali rigward il-kategoriji varji ta’ benefiċċji

    Kapitolu I — Benefiċċji tal-mard, tal-maternità u ekwivalenti (pereżempju, kundizzjonijiet sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-benefiċċji tal-mard in natura bħala parti mit-trattamenti skedati, jiġifieri trattamenti li għalihom persuna assigurata tmur lejn pajjiż ieħor tal-UE li ma jkunx dak li fih tkun assigurata jew residenti).

    Kapitolu II — Benefiċċji fir-rigward tal-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard okkupazzjonali.

    Kapitolu III — Għotjiet tal-mewt.

    Kapitolu IV — Benefiċċji tal-invalidità u pensjonijiet tax-xjuħija u tas-superstiti.

    Kapitolu V — Benefiċċji tal-qgħad.

    Kapitolu VI — Benefiċċji tal-familja.

    Titolu IV — Aspetti finanzjarji

    Kapitolu I — Rimborż tal-ispejjeż tal-benefiċċji fir-rigward tal-Artikolu 35 u tal-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 li t-tnejn jikkonċernaw ir-rimborżi bejn l-istituzzjonijiet.

    Kapitolu II — Rimborż tal-benefiċċji tal-qgħad skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

    Kapitolu III — Irkupru tal-benefiċċji pprovduti iżda mhux dovuti, irkupru tal-pagamenti u l-kontribuzzjonijiet proviżorji, tpaċija u assistenza bl-irkupru.

    Titolu V — Dispożizzjonijiet mixxellanji, tranżizzjonali u finali

    Titolu V ikopri aspetti li jvarjaw minn eżamijiet mediċi u kontrolli amministrattivi, f’każijiet meta l-attur ikun qed joqgħod f’pajjiż tal-UE li ma jkunx dak li fih tinsab l-istituzzjoni debitriċi, għad-dħul fis-seħħ tar-regolament.

    MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Dan ilu japplika mill-1 ta’ Mejju 2010.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    Wara t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-introduzzjoni ta’ miżuri biex tindirizza l-impatt tal-kriżi, il-Kummissjoni Ewropea adottat:

    TERMINI EWLENIN

    Istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali: dawn jinkludu istituzzjonijiet responsabbli għall-mard, għall-maternità, għall-invalidità, għall-irtirar, għall-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol, għall-qgħad, għall-benefiċċji tal-familja, kif ukoll skemi ta’ qabel l-irtirar.

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, pp. 1-42)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 987/2009 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, pp. 1-123).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 02.06.2020

    Fuq