Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0148

    Espożizzjoni għall-asbestos: il-protezzjoni tal-ħaddiema

    Espożizzjoni għall-asbestos: il-protezzjoni tal-ħaddiema

    SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

    Direttiva 2009/148/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol

    SOMMARJU

    X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

    • L-għan tagħha huwa li tipproteġi lill-ħaddiema kontra r-riskji għas-saħħa tagħhom li jirriżultaw mill-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol.
    • Hija tistabbilixxi limiti fuq l-espożizzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi fir-rigward ta’ prattika ta’ xogħol bla perikolu, inkluż fir-rigward ta’:
      • xogħol ta’ twaqqigħ, tiswija, manutenzjoni u tneħħija
      • informazzjoni, konsultazzjoni u taħriġ tal-ħaddiema u
      • sorveljanza tas-saħħa.

    PUNTI EWLENIN

    L-asbestos huwa minerali li jseħħ b’mod naturali li l-fibri tiegħu jista’ jisseparaw fi ħjut irqaq u jdumu fit-tul. Huwa intuża ħafna f’bosta industriji għax il-fibri huma iżolaturi eċċellenti (reżistenti għas-sħana, in-nar u kimiċi, u ma jgħaddix l-elettriku minnhom).

    Iżda huwa sustanza partikolarment perikoluża (klassifikata bħala karċinoġenu kategorija 1A fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikkettar tal-kimiċi). Jekk prodotti li fihom l-asbestos jiġu distribwiti, fibri żgħar ħafna jistgħu jittieħdu man-nifs, li fuq medda ta’ żmien iwasslu għal mard bħall-asbestożi*, il-mesoteljoma*, u forom oħra ta’ kanċer.

    Projbiti

    Attivitajiet projbiti huma dawk li jesponu lill-ħaddiema għall-fibri tal-asbestos matul:

    • l-estrazzjoni ta’ asbestos; jew
    • il-manifattura u l-ipproċessar ta’ prodotti tal-asbestos; jew
    • il-manifattura u l-ipproċessar ta’ prodotti li jkun fihom asbestos miżjud apposta.

    L-unika eċċezzjoni minn din il-projbizzjoni hija t-trattament u d-disponiment ta’ prodotti li jirriżultaw mit-twaqqigħ u t-tneħħija tal-asbestos.

    Madwar l-UE, hemm projbizzjoni ġenerali fuq kwalunkwe applikazzjoni tal-asbestos permezz ta' proċess ta’ sprejjar u proċeduri ta’ ħidma li jinvolvu l-użu ta’ materjali iżolanti jew li jwaqqfu l-ħoss ta’ densità baxxa li jkun fihom l-asbestos.

    Tneħħija u twaqqigħ

    It-trattament u d-disponiment ta’ prodotti li jirriżultaw mit-tneħħija tal-asbestos u mit-twaqqigħ huma permessi, u mit-twaqqigħ fejn l-asbestos jitneħħa f’operazzjoni ppjanata minn qabel, qabel ikun jista jsir kwalunkwe twaqqigħ ġenerali. L-esponiment għandu jinżamm għall-minimu billi:

    • jillimita n-numru ta’ ħaddiema involuti fil-proċessi;
    • il-proċessi tax-xogħol ikunu ddisinjati biex jevitaw il-ħolqien tat-trab tal-asbestos;
    • is-sit u l-apparat jinżamm nadif u mantnut tajjeb;
    • ssir tneħħija veloċi, f’kontenituri ssiġillati u ttikketjati.

    Stima tar-riskju

    Fejn jista’ jkun hemm riskju ta’ esponiment għal trab tal-asbestos, ir-riskju għandu jiġi stmat biex jistabbilixxi n-natura u l-grad tal-espożizzjoni, ibbażat fuq kampjun rappreżenttattiv tal-esponiment personali tal-ħaddiem. Min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità responsabbli tal-pajjiż tal-UE kkonċernat qabel jibda x-xogħol, inkluż:

    • fejn jinsab is-sit tax-xogħol u n-numru ta’ ħaddiema involuti;
    • it-tip u l-kwantitajiet ta’ asbestos;
    • l-attivitajiet u l-proċessi ppjanati u t-tul tax-xogħol;
    • miżuri meħuda biex jillimitaw l-espożizzjoni.

    Limiti ta’konċentrazzjoni

    Ebda ħaddiem ma jiġi espost għal konċentrazzjoni ta’ asbestos fl-arja li tkun aktar minn 0.1 fibri kull cm3. Jekk dan jinqabeż, ix-xogħol irid jitwaqqaf sakemm ma jkunux ittieħdu miżuri ulterjuri għall-protezzjoni tal-ħaddiema interessati:

    • id-disponibilità ta’ apparat respiratorju adattat u apparat ieħor personali protettiv;
    • sinjali ta’ twissija jekk il-limitu jinqabeż;
    • il-prevenzjoni tat-tifrix ta’ trab barra mis-sit;
    • Il-konsultazzjoni ma’ ħaddiema qabel jibdew l-attivitajiet.

    Taħriġ

    Min iħaddem għandu jipprovdi taħriġ adattat għall-ħaddiema kollha li huma, jew li x’aktarx ikunu, esposti għal trab li joriġina mill-asbestos jew materjali li jkun fihom l-asbestos, f’intervalli regolari u bla ebda spiża għall-ħaddiema. It-taħriġ għandu jinkludi informazzjoni fuq:

    • il-karatteristiċi tal-asbestos u l-effetti tiegħu fuq is-saħħa;
    • Prattiki bla perikolu; u
    • proċeduri ta’ emerġenza u proċeduri ta’ eżami mediku.

    Evalwazzjoni u sorveljanza tas-saħħa

    Għandha ssir stima tas-saħħa ta’ kull ħaddiem qabel l-esponiment, u għandu jiġi stabbilit rekord individwali tas-saħħa b'evalwazzjonijiet ulterjuri mill-inqas kull tliet snin. It-tobba jistgħu jagħtu parir dwar il-miżuri individwali protettivi, li jistgħu jinkludu t-tneħħija tal-ħaddiem ikkonċernat minn kwalunkwe espożizzjoni għal-asbestos.

    Responsabbiltajiet tal-pajjiżi tal-UE

    Pajjiżi tal-UE għandhom jikkomunikaw kwalunkwe liġi nazzjonali li jadottaw f’dan il-qasam lill-Kummissjoni Ewropea, u għandhom jippreżentaw rapport kull ħames snin dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Huma għandhom iżommu reġistru tal-każijiet ta’ asbestożi u tal-mesoteljoma

    Din id-direttiva tirrevoka direttiva preċedenti (Direttiva 83/477/KEE) li kienet emendata sostanzjalment bosta drabi.

    META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

    Hija tapplika mill-5 ta’ Jannar 2010.

    TERMINI EWLENIN

    *Asbestożi: mard kroniku u infjammazzjoni tal-pulmun ikkawżat mit-teħid ta’ nifs ’il ġewwa u ż-żamma ta’ fibri tal-asbestos. Dan jista’ jirriżulta fi qtugħ ta' nifs qawwi u għandu r-riskju ta’ ċertu kanċer.

    *Mesoteljoma: kanċer aggressiv li jaffettwa l-kisja tal-pulmuni u l-addome. L-espożizzjoni għall-asbestos hija l-kawża u l-fattur tar-riskju ewlenija.

    ATT

    Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (verżjoni kodifikata) (ĠU L 330, 16.12.2009, p. 28-36)

    l-aħħar aġġornament 06.06.2016

    Fuq