EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0102

Kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b’membru uniku

Kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b’membru uniku

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2009/102/KE — il-liġi tal-kumpaniji dwar il-kumpaniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbiltà limitata

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din id-direttiva toħloq strument legali li jippermetti l-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-imprenditur individwali fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE).
  • Hija tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b’membru uniku.
  • Hija tikkodifika u tħassar it-Tnax-il Direttiva rigward il-Liġijiet tal-Kumpanniji 89/667/KEE.

PUNTI EWLENIN

  • Kumpanija jista’ jkollha membru wieħed meta tkun magħmula minn persuna waħda (kumpanija b’membru wieħed) jew meta l-ishma kollha jkunu ta’ persuna waħda.
  • Meta kumpanija ssir kumpanija b’membru wieħed peress li l-ishma kollha tagħha jiġu miżmuma minn persuna waħda, dak il-fatt, flimkien mal-identità tal-membru wieħed, għandhom jiddaħħlu f’reġistru miżmum mill-kumpanija u aċċessibbli għall-pubbliku jew jitniżżlu fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru ċentrali jew ir-reġistru tal-kumpaniji.
  • Il-membru wieħed jeżerċità s-setgħat ta’ laqgħa ġenerali tal-kumpanija. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-membru wieħed u l-kuntratti bejn dik il-persuna u l-kumpanija kif irrappreżentati minnu jew minnha għandhom jitniżżlu fil-minuti jew imfassla bil-miktub.
  • Meta pajjiż tal-UE jippermetti lil kumpaniji b’membru wieħed fil-każ ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata wkoll, japplikaw ir-regoli f’din id-direttiva.

Id-Direttiva 2013/24/UE adattat id-direttiva, filwaqt li żiedet il-Kroazja mal-lista ta’ pajjiżi fl-Anness I wara l-adeżjoni ta’ dan il-pajjiż għas-sħubija fl-UE.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ila tapplika mill-21 ta’ Ottubru 2009. Id-Direttiva 2009/102/KE tikkodifika u tissostitwixxi d-Direttiva 89/667/KEE — u l-emendi sussegwenti tagħha. Id-Direttiva 89/667/KEE oriġinali kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1992.

SFOND

Għal aktar informazzjoni dwar il-liġi tal-kumpaniji tal-UE, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2009/102/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbiltà limitata (ĠU L 258, 1.10.2009, pp. 20-25)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/102/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 03.04.2019

Fuq