Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0081

L-akkwist pubbliku fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà

L-akkwist pubbliku fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2009/81/KE dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hija tistabbilixxi regoli dwar l-akkwist pubbliku għas-setturi tad-difiża u tas-sigurtà biex tiftaħ is-suq tad-difiża fl-Unjoni Ewropea (UE) mingħajr ma’ tpoġġi l-interessi leġittimi ta’ sigurtà tal-Istati Membri tal-UE f’riskju.
  • Hija għandha l-għan li żżid il-kompetizzjoni u t-trasparenza f’dawn is-setturi, sabiex b’hekk tagħti ċ-ċans lill-kumpaniji Ewropej minn madwar l-UE kollha jitfgħu offerti għal aktar kuntratti li jirrigwardjaw id-difiża u s-sigurtà.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Id-Direttiva tapplika, fil-prinċipju, għall-kuntratti kollha għall-akkwist pubbliku ta’ tagħmir, xogħlijiet u servizzi militari u għax-xirjiet sensittivi kollha li għandhom skop ta’ sigurtà u li jinvolvu informazzjoni klassifikata.
  • L-Istati Membri tal-UE jżommu d-dritt skont l-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jeżentaw ċerti kuntratti minn din id-Direttiva meta dan ikun strettament meħtieġ sabiex jipproteġu l-interessi essenzjali dwar is-sigurtà.
  • Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, l-eżenzjoni permessa skont l-Artikolu 346 tat-TFUE hija limitata għal każijiet eċċezzjonali u definiti b’mod ċar. Abbażi ta’ assessjar każ b’każ, jeħtieġ li jintwera li l-kundizzjoniijet biex din tiġi applikata qed jiġu ssodisfati.

Proċeduri ta’ rimedji

Id-direttiva tippermetti proċeduri ta’ rimedji (jiġifieri l-possibiltà biex offerent* jisfida l-għoti ta’ kuntratt lil offerent ieħor) bil-għan li jipprovdi protezzjoni legali tal-offerenti involuti. Il-proċeduri jinkoraġġixxu wkoll it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni fl-għoti tal-kuntratti mingħajr ma tiġi kompromessa l-ħtieġa għall-kunfidenzjalità tal-Istati Membri.

Prodotti relatati mad-difiża

Id-Direttiva 2009/81/KE ġiet adottata bħala parti mill-pakkett li jinkludi wkoll id-Direttiva2009/43/KE dwar it-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fi ħdan l-UE (ara s-sommarju). It-trasferimenti ssimplifikati ta’ prodotti relatati mad-difiża bejn l-Istati Membri kif stabbiliti mid-Direttiva 2009/43/KE huma importanti għall-funzjonament xieraq ta’ sejħiet għall-offerti transkonfinali.

Rapport ta’ evalwazzjoni

Ir-rapport tal-Kummissjoni li jevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE ippubblikata fl-2016, ikkonkluda li d-direttiva għenet biex tiftaħ is-suq intern għad-difiża imma li kien għad hemm lok biex isir iktar progress.

Il-pjan ta’ azzjoni għad-difiża Ewropea, il-Fond Ewropew għad-Difiża u l-offerti pubbliċi kollaborattivi

Sabiex tappoġġa l-infiq aktar effiċjenti mill-Istati Membri dwar il-kapaċitajiet konġunti tad-difiża u biex issaħħaħ il-bażi industrijali kompetittiva u innovattiva tas-settur tad-difiża tal-UE, il-Kummissjoni nediet pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża lejn l-aħħar tal-2016. Element ewlieni tal-pjan kien il-ħolqien tal-Fond Ewropew tad-Difiża (FED) biex jgħin l-investiment f’riċerka konġunta u fl-iżvilupp konġunt ta’ tagħmir u teknoloġiji għad-difiża (ara s-sommarju).

Fl-2019, il-Kummissjoni ppubblikat avviż li offra gwida dwar bosta possibilitajiet ta’ offerti kooperattivi pubbliċi fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà. L-avviż ipprovda wkoll informazzjoni utli dwar aspetti rilevanti biex jitwettqu proġetti ffinanzjati taħt il-FED.

Fi Frar tal-2022, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll komunikazzjoni dwar il-kontribut tal-Kummissjoni lejn id-difiża Ewropea, li tinkludi għadd ta’ proposti biex tgħin l-offerti pubbliċi konġunti għall-kapaċitajiet tad-difiża żviluppati b’mod kollaborattiv fi ħdan l-UE.

It-tisħiħ tal-irwol ta’ intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fl-2018 dwar aċċess għas-suq transkonfinali għal subfornituri u SMEs tipproponi miżuri biex ittejjeb il-pożizzjoni ta’ SMEs fil-katina tal-provvista tad-difiża.

Emendi għad-Direttiva 2009/81/KE

Id-direttiva ġiet emendata diversi drabi minħabba l-limiti tal-applikazzjoni (valuri li ma tapplikax taħthom) għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt. L-iktar emenda riċenti kienet ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1950 li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2021.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mill-21 ta’ Awwissu 2009 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sal-21 ta’ Awwissu 2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI PRINĊIPALI

Offerent. Organizzazzjoni jew konsorzju li jissottomettu offerta b’reazzjoni għal sejħa għall-offerti.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76–136).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/81/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – il-Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għad-Difiża Ewropea (COM(2022) 60 final, 15.2.2022).

Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149–177).

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/624 tal-20 ta’ April 2018 dwar l-aċċess għas-suq transfruntier għas-subfornituri u l-SMEs fis-settur tad-difiża (ĠU L 102, 23.4.2018, pp. 87–94).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni tad-Difiża Ewropea (COM(2016) 950 final, 30.11.2016).

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE dwar l-aċċess għas-suq transfruntier fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà – li jakkumpanja d-dokument Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE dwar l-offerti pubbliċi fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà li jikkonforma mal-Artikolu 73(2) ta’ dik id-Direttiva (SWD(2016) 407 final, 30.11.2016).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà iktar kompetittiv u effiċjenti (COM(2013) 542 final, 24.7.2013).

Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1–36).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 03.03.2022

Fuq