Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0090

    Regoli tal-UE għall-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti tal-frott

    Regoli tal-UE għall-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti tal-frott

     

    SOMMARJU TA’:

    Direttiva 2008/90/KE — il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott

    X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

    • Din taġġorna u ttejjeb ir-regoli tal-UE biex tiżgura li x-xerrejja jirċievu materjal ta’ propagazzjoni* u pjanti tal-frott li jkunu b’saħħithom u ta’ kwalità tajba.
    • Din ittejjeb u tissimplifika s-sistema tar-regoli li fiha joperaw in-negozji, li jirrifletti l-progress xjentifiku u tekniku, u tistabbilixxi kundizzjonijiet ċari li jridu jintlaħqu biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ġodda tal-konsumatur u l-industrija.
    • Id-direttiva hija riformulazzjoni u tissostitwixxi d-Direttiva tal-Kunsill 92/34/KEE.

    PUNTI EWLENIN

    Kamp ta’ applikazzjoni

    • Din tapplika għall-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott fi ħdan l-UE.
    • L-anness 1 jipprovdi lista tal-ġeneri u l-ispeċijiet (kif ukoll tal-ibridi* tagħhom) li huma inklużi.
    • Id-direttiva tapplika wkoll għar-riżomi* u partijiet oħra tal-pjanti ta’ ġeneri jew speċijiet oħra (u ibridi) li mhumiex elenkati fl-Anness 1, jekk il-materjal tal-ġeneri jew l-ispeċijiet elenkati fl-Anness I jew l-ibridi tagħhom ikun imlaqqmin* jew għandu jkun imlaqqam fuqhom.
    • Din ma tapplikax għall-materjal tal-propagazzjoni jew il-pjanti tal-frott maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi mhux tal-UE, sakemm dawn ikunu identifikati bħala tali u jinżammu suffiċjentement iżolati.

    Id-direttiva tkopri:

    • rekwiżiti għall-materjal ta’ propagazzjoni u l-pjanti tal-frott — tinkludi rekwiżiti ġenerali għat-tqegħid fis-suq u rekwiżiti speċifiċi għal kull ġeneru u speċi msemmija fl-Anness 1;
    • rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mill-fornituri — inklużi r-regoli għar-reġistrazzjoni tal-fornituri u rekwiżiti speċifiċi relatati mar-responsabbiltà tal-fornituri fil-proċess ta’ produzzjoni u riproduzzjoni ta’ kull materjal ta’ propagazzjoni u pjanta tal-frott;
    • identifikazzjoni u tikkettar tal-varjetajiet — il-materjal ta’ propagazzjoni u l-pjanti tal-frott għandhom jiġu kummerċjalizzati b’referenza għall-varjetà tagħhom. Jekk il-materjal ma jappartjenix għal varjetà, bħalma jista’ jkun il-każ għar-riżomi, għandhom jissemmew l-ispeċi jew l-ibridu interspeċifiku;
    • eżenzjonijiet — il-produtturi ż-żgħar li l-produzzjoni u l-bejgħ tagħhom tal-materjal ta’ propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott ikunu maħsuba għall-użu finali minn persuni fis-suq lokali li ma jkunux involuti professjonalment fil-produzzjoni tal-pjanti, jistgħu ikunu eżentati mir-regoli u l-kontrolli ta’ tikkettar u spezzjonijiet uffiċjali;
      • materjal ta’ propagazzjoni u pjanti tal-frott prodotti f’pajjiżi mhux tal-UE — sal-31 ta’ Diċembru 2022 il-pajjiżi tal-UE jistgħu jivvalutaw jekk il-materjal ta’ propagazzjoni u l-pjanti tal-frott prodotti f’pajjiż mhux tal-UE humiex ekwivalenti fl-aspetti kollha għall-materjal prodott fl-UE;
    • miżuri ta’ kontroll — li jkopru:
      • spezzjonijiet uffiċjali mill-pajjiżi tal-UE — minn korp maħtur uffiċjalment mill-pajjiż tal-UE u nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea;
      • monitoraġġ tal-UE — il-Kummissjoni tista’ tispezzjona provi mwettqa minn pajjiżi tal-UE biex tiċċekkja li l-materjal ikun konformi mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet tad-direttiva;
      • kontrolli — il-Kummissjoni tista’ torganizza kontrolli fuq il-post;
      • azzjoni ta’ segwitu — jekk materjal jinstab li ma jissodisfax ir-rekwiżiti, għandhom jittieħdu miżuri xierqa mill-pajjiż tal-UE inkluża l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-materjali.

    MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

    Id-Direttiva 2008/90/KE rrevediet u ssostitwixxiet id-Direttiva 92/34/KEE (u l-emendi sussegwenti tagħha) u l-pajjiżi tal-UE kellhom japplikaw ir-regoli l-ġodda tad-Direttiva 2008/90/KE sat-30 ta’ Settembru 2012.

    SFOND

    TERMINI EWLENIN

    Materjal tal-propagazzjoni: iż-żerriegħa, il-partijiet minn pjanti u l-materjal kollu tal-pjanti, inklużi r-riżomi, maħsuba għall-propagazzjoni u l-produzzjoni tal-pjanti tal-frott.
    Ibridu: pjanta miksuba bit-tilqim tal-parti ta’ fuq ta’ pjanta waħda fuq ir-riżoma ta’ pjanta oħra biex jingħaqdu flimkien l-aħjar karatteristiċi taż-żewġ pjanti.
    Riżoma: sistema tal-għeruq b’saħħitha u xi porzjon miz-zokk li jintużaw fit-tilqim bħala l-porzjon tal-parti t’isfel tal-pjanta.
    Tilqim: il-proċess fejn il-parti ta’ fuq ta’ pjanta waħda titwaħħal mas-sistema tal-għeruq (riżoma) ta’ pjanta oħra sabiex dawn jidhru li huma pjanta waħda.

    DOKUMENT EWLIENI

    Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (Verżjoni mfassla mill-ġdid) (ĠU L 267, 8.10.2008, pp. 8-22)

    Emendi sussegwenti għad-Direttiva 2008/90/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/925 tad-29 ta’ Mejju 2017 li temporanjament tawtorizza lil ċerti Stati Membri jiċċertifikaw materjal prebażiku ta’ ċerti speċijiet ta’ pjanti tal-frott, prodotti fl-għelieqi f’kundizzjonijiet mingħajr protezzjoni mill-insetti, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/167 (ĠU L 140, 31.5.2017, p. 7-14)

    Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/96/UE tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar ir-rekwiżiti għat-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar ta’ materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u ta’ pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE (ĠU L 298, 16.10.2014, p. 12–15)

    Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/97/UE tal-15 ta’ Ottubru 2014 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ fornituri u ta’ varjetajiet u l-lista komuni ta’ varjetajiet (ĠU L 298, 16.10.2014, p. 16–21)

    Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/98/UE tal-15 ta’ Ottubru 2014 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-ġeneru u l-ispeċi tal-pjanti tal-frott imsemmija fl-Anness I tagħha, rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati mill-fornituri u regoli dettaljati dwar l-ispezzjonijiet uffiċjali (ĠU L 298, 16.10.2014, p. 22–61)

    l-aħħar aġġornament 08.08.2019

    Fuq