Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008F0947

    Rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi

    Rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi

    Id-Deċiżjoni Qafas tfittex li testendi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji għall-implimentazzjoni ta’ sentenzi mhux ta’ kustodja.

    ATT

    Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi

    SOMMARJU

    Id-Deċiżjoni Qafas tfittex li testendi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji għall-implimentazzjoni ta’ sentenzi mhux ta’ kustodja.

    X’TAGĦMEL DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS?

    Id-deċiżjoni qafas tistipula r-regoli li għandhom jiġu segwiti minn kull pajjiż tal-UE biex jirrikonoxxi s-sentenzi u jissorveljaw miżuri ta’ probation (li jippermettu l-ħelsien kmieni) u sanzjonijiet alternattivi (l-impożizzjoni ta’ alternattivi għad-detenzjoni) maħruġa minn pajjiżi oħra tal-UE. Din tfittex li:

    • iżżid l-opportunitajiet għar-riintegrazzjoni soċjali ta’ dawk li ġew ikkundannati billi tiżgura s-segwitu tal-miżuri imposti fil-pajjiż tal-UE fejn ikunu stabbiliti;
    • ittejjeb il-protezzjoni tal-vittmi;
    • tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi fil-każ li l-ħati ma jgħix fil-pajjiż li fih ġie kkundannat.

    PUNTI EWLENIN

    Miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi

    Id-deċiżjoni qafas telenka numru ta’ miżuri li kull pajjiż tal-UE għandu jkun kapaċi jissorvelja (bħall-ħtieġa li l-ħati jirrapporta lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, jirrimedja d-dannu li jkun ikkaġuna, ma jżurux ċerti postijiet, jevita kuntatt ma’ nies jew oġġetti, iwettaq servizz komunitarju, eċċ.).

    Proċeduri, skadenzi u raġunijiet għar-rifjut

    Is-sentenza (jew id-deċiżjoni ta’ probation) akkumpanjata minn ċertifikat tintbagħat direttament mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta’ ħruġ lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta’ eżekuzzjoni.

    60 jum wara li tasal is-sentenza jew il-miżuri ta’ probation u ċ-ċertifikat, il-pajjiż ta’ eżekuzzjoni jrid jiddeċiedi jekk jirrikonoxxix is-sentenza jew il-miżuri ta’ probation jew le u jekk ikunx se jieħu r-responsabbiltà għall-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tagħha jew le; id-deċiżjoni qafas telenka xi raġunijiet għaliex pajjiż jista’ jagħżel li jirrifjuta li jirrikonoxxi sentenza.

    Il-liġi tal-pajjiż ta’ eżekuzzjoni ma tapplikax għas-sorveljanza u l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi.

    L-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta’ eżekuzzjoni:

    • tista’ tadatta l-miżuri meta, minħabba n-natura tagħhom jew it-tul tagħhom, ikunu inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. Trid tinforma lill-awtorità emittenti bi kwalunkwe adattament propost u tiżgura li l-miżuri jkunu konsistenti kemm jista’ jkun ma’ dawk imposti mill-pajjiż emittenti;
    • hija responsabbli biex tieħu kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti b’konnessjoni mas-sorveljanza u l-infurzar tas-sentenza: il-modifika tal-obbligi, kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta’ probation u r-revoka tas-sospensjoni.

    F’rapport ippubblikat fl-2014, il-Kummissjoni talbet lill-pajjiżi tal-UE li kienu għadhom ma implimentawx din id-deċiżjoni qafas sabiex jieħdu fil-pront il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha.

    ID-DEĊIŻJONI QAFAS MINN META SE TAPPLIKA?

    Id-Deċiżjoni Qafas kellha tiġi implimentata sa mhux aktar tard mis-6 ta’ Diċembru 2011.

    SFOND

    Kull sena, għexieren ta’ eluf ta’ ċittadini tal-UE jiġu mħarrka minħabba reati kriminali allegati jew jiġu kkundannati f’pajjiż ieħor tal-UE. Ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi huwa l-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali fl-UE.

    REFERENZI

    Att

    Dħul fis-seħħ

    Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

    Il-Ġurnal Uffiċjali

    Deċiżjoni Qafas 2008/947/ĠAI

    16.12.2008

    6.12.2011

    ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102-122

    Att(i) li jemenda(w)

    Dħul fis-seħħ

    Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

    Il-Ġurnal Uffiċjali

    Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI

    28.3.2009

    28.3.2011

    ĠU L 81, 27.3.2009, p. 24-36

    ATTI RELATATI

    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjonijiet Qafas 2008/909/ĠAI, 2008/947/ĠAI u 2009/829/ĠAI dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi dwar pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà, dwar sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi u dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja (COM (2014) 57 final tal-5 ta’ Frar 2014 - mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

    l-aħħar aġġornament 03.03.2015

    Fuq