Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0414

    Passaġġi fuq l-ilma interni — servizzi ta’ informazzjoni tax-xmajjar (RIS)

    Passaġġi fuq l-ilma interni — servizzi ta’ informazzjoni tax-xmajjar (RIS)

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1744 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għar-rappurtaġġ elettroniku tal-bastimenti fin-navigazzjoni interna

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/838 dwar speċifikazzjonijiet tekniċi għal sistemi ta’ trekkjar u traċċar tal-bastimenti

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 909/2013 li jiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema tad-displej tal-mapep elettroniċi u tal-informazzjoni għan-navigazzjoni interna (ECDIS Interna) kif imsemmija fid-Direttiva 2005/44/KE

    Ir-Regolament (KE) Nru 416/2007 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-avviżi lill-kaptani

    Ir-Regolament (KE) Nru 414/2007 dwar il-linji gwida tekniċi għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-użu operazzjonali tas-servizzi ta’ informazzjoni tax-xmajjar (RIS) imsemmija fid-Direttiva 2005/44/KE

    Id-Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi Armonizzati ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f’passaġġi fuq l-ilma interni fl-UE

    X’INHU L-GĦAN TAL-LEĠIŻLAZZJONI?

    • Id-Direttiva 2005/44/KE tistabbilixxi servizzi ta’ informazzjoni tax-xmajjar (RIS), bil-għan li:
      • tiżdied il-kompetittività fis-settur;
      • jiġi ottimizzat l-użu tal-infrastrutturi eżistenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni;
      • jitjiebu s-sikurezza u s-sigurtà fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli;
      • jitnaqqsu l-impatti ambjentali negattivi tas-settur.
    • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1744 jiddeskrivi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati għar-rappurtaġġ elettroniku tal-bastimenti u jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 164/2010.
    • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/838 jiddeskrivi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati għas-sistemi ta’ trekkjar u traċċar tal-bastimenti u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 415/2007.
    • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 909/2013, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1973, jiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema tad-displej tal-mapep elettroniċi u tal-informazzjoni għan-navigazzjoni interna.
    • Ir-Regolament (KE) Nru 416/2007, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2032, jiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-avviżi lill-kaptani.
    • Ir-Regolament (KE) Nru 414/2007 jiddefinixxi linji gwida għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-operazzjonijiet tal-RIS.

    PUNTI EWLENIN

    Id-Direttiva 2005/44/KE tistabbilixxi s-servizzi ta’ informazzjoni tax-xmajjar (RIS) tal-UE li għandhom l-għan li jtejbu s-sikurezza, l-effiċjenza u l-kompatibbiltà ambjentali u jiffaċilitaw il-kollegament ma’ modi oħra ta’ trasport. Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, inkluż l-istabbiliment ta’ ċentri RIS u l-ħatra ta’ awtoritajiet biex jissorveljaw l-applikazzjoni tagħha u l-iskambju ta’ data internazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli biex tistabbilixxi linji gwida tekniċi għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-operazzjonijiet tal-RIS f’serje ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

    L-RIS huma s-servizzi armonizzati ta’ informazzjoni biex jappoġġaw il-ġestjoni tat-traffiku u tat-trasport fin-navigazzjoni interna, inklużi kollegamenti ma’ modi oħra ta’ trasport. L-RIS jistgħu jkunu marbuta ma’ attivitajiet kummerċjali minbarra dawk li jseħħu internament bejn il-kumpaniji. L-RIS jinkludu servizzi, bħal:

    • informazzjoni ġeografika, idroloġika u amministrattiva dwar il-passaġġi fuq l-ilma (informazzjoni dwar kanali navigabbli);
    • informazzjoni dwar it-traffiku,
    • il-ġestjoni tat-traffiku,
    • għajnuna għat-trattament ta’ diżastri,
    • informazzjoni għall-amministrazzjoni tat-trasport,
    • servizzi statistiċi u doganali,
    • ħlasijiet għall-użu tal-passaġġi fuq l-ilma u tal-portijiet.

    Id-direttiva tiddeskrivi qafas għall-iżvilupp ta’ rekwiżiti u speċifikazzjonijiet tekniċi biex:

    • jinkiseb skambju armonizzat ta’ informazzjoni bejn atturi differenti li jipprovdu l-RIS;
    • titjieb l-interazzjoni ma’ sistemi oħra tal-ġestjoni tat-traffiku ta’ mezzi oħra ta’ trasport, b’mod partikolari l-ġestjoni tat-traffiku tal-bastimenti marittimi u s-servizzi ta’ informazzjoni;
    • jiġu żviluppati sistemi interoperabbli għas-servizzi tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni;
    • jiġi stabbilit qafas għall-iżvilupp ta’ linji gwida u speċifikazzjonijiet.

    L-Annessi jispeċifikaw rekwiżiti minimi ta’ data u prinċipji li jkopru l-linji gwida u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-RIS. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jemendaw l-annessi fid-dawl tal-esperjenza u l-progress tekniku.

    Ir-Regolament (KE) Nru 414/2007 jiddefinixxi linji gwida għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-operazzjonijiet tal-RIS, inklużi:

    • bastimenti parteċipanti;
    • l-arkitettura tal-RIS, inklużi l-partijiet interessati, il-fornituri tas-servizzi, l-utenti, l-għanijiet, il-kompiti u l-applikazzjonijiet;
    • rakkomandazzjonijiet għal servizzi individwali, inklużi:
      • servizz radjutelefoniku,
      • servizz tal-internet,
      • is-sistema elettronika ta’ viżwalizzazzjoni ta’ mapep u ta’ informazzjoni għan-navigazzjoni interna (ECDIS Interna),
      • informazzjoni dwar it-traffiku,
      • il-ġestjoni tat-traffiku,
      • appoġġ għan-navigazzjoni,
      • il-ġestjoni ta’ magħlaq u pontijiet,
      • għajnuna għat-trattament ta’ diżastri,
      • informazzjoni għal-loġistika tat-trasport,
      • informazzjoni għall-infurzar tal-liġi;
    • l-ippjanar tal-RIS, inkluż it-taħriġ;
    • żvilupp gradwali tal-RIS;
    • proċeduri ta’ standardizzazzjoni tal-RIS.

    Ir-Regolament (KE) Nru 416/2007, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2032, jiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-avviżi lill-kaptani. Is-servizzi ta’ informazzjoni dwar kanali navigabbli (FIS) jintużaw mill-kaptani tal-vapuri u mill-maniġers tal-flotot biex jippjanaw, jeżegwixxu u jimmonitorjaw vjaġġ. It-termini “kaptan tal-vapur”, “kaptan” u “kaptan tal-bastiment” jitqiesu ekwivalenti fl-RIS.

    L-FIS jipprovdu informazzjoni dinamika (bħal-livelli tal-ilma u t-tbassir tal-livell tal-ilma) kif ukoll informazzjoni statika (bħall-ħinijiet tal-operat ta’ magħlaq u pontijiet), biex b’hekk jgħinu lill-utenti jieħdu deċiżjonijiet tattiċi u strateġiċi ta’ navigazzjoni.

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 909/2013, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1973, jiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistema tad-displej tal-mapep elettroniċi u tal-informazzjoni għan-navigazzjoni interna (ECDIS Interna). L-anness tiegħu jinkludi speċifikazzjonijiet dettaljati għal:

    • l-istandards ta’ prestazzjoni;
    • l-istandards tad-data,
    • il-kodiċijiet għall-produtturi u l-passaġġi fuq l-ilma,
    • l-istandards ta’ preżentazzjoni,
    • ir-rekwiżiti operattivi u tal-prestazzjoni, il-metodi tal-ittestjar u r-riżultati tat-testijiet meħtieġa,
    • il-miżuri li jiżguraw il-kwalità tas-software,
    • il-konfigurazzjonijiet tas-sistema.

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/838 iħassar ir-Regolament (KE) Nru 415/2007 u jiddeskrivi speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati għal sistemi ta’ trekkjar u traċċar tal-bastimenti fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, inklużi regoli relatati mal-għajnuniet għan-navigazzjoni fin-navigazzjoni interna.

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1744 iħassar ir-Regolament (UE) Nru 164/2010 u jiddeskrivi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati għar-rappurtaġġ elettroniku tal-bastimenti fin-navigazzjoni interna, fosthom:

    • konvenzjoni tal-manwal tal-implimentazzjoni tal-messaġġi għar-rappurtaġġ elettroniku tal-bastimenti fin-navigazzjoni interna, ibbażata fuq ir-regoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iskambju Elettroniku tad-Data għall-Amministrazzjoni, il-Kummerċ u t-Trasport (UN/EDIFACT)*:
      • rappurtaġġ ta’ oġġetti (perikolużi),
      • listi tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ,
      • messaġġ ta’ risposta u wasla (rispons awtomatiku mibgħut bl-użu tal-protokoll EDIFACT li jindika l-wasla ta’ messaġġ),
      • in-notifika fil-port dwar il-ġestjoni tal-irmiġġ (fejn bastiment jeħtieġ li jħott it-tagħbija tiegħu, jinnotifika lill-port rilevanti minn qabel; dan jippermetti lill-port biex jimmaniġġja kif jalloka l-irmiġġi);
    • il-kodiċijiet u r-referenzi użati fir-rappurtaġġ elettroniku tal-bastimenti għan-navigazzjoni interna.

    MINN META TAPPLIKA DIN IL-LEĠIŻLAZZJONI?

    • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1744 japplika mis-26 ta’ April 2022.
    • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/838 japplika mit-13 ta’ Ġunju 2020.
    • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 909/2013 japplika mill-20 ta’ Ġunju 2021.
    • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2032 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 416/2007, japplika mid-29 ta’ Ġunju 2021.
    • Ir-Regolament (KE) Nru 414/2007 ilu japplika mill-24 ta’ April 2007.
    • Id-Direttiva 2005/44/KE ilha tapplika mill-20 ta’ Ottobru 2007. Din kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-20 ta’ Ottobru 2007.

    SFOND

    Ara wkoll:

    TERMINI EWLENIN

    UN/EDIFACT: sett globali ta’ regoli definiti min-Nazzjonijiet Uniti għall-iskambju elettroniku ta’ data bejn 2 sħab jew aktar permezz ta’ skambju elettroniku ta’ data (EDI). L-EDI jottimizza l-fluss tax-xogħol billi jissostitwixxi proċessi ta’ komunikazzjoni preċedenti bħal posta, faks jew posta elettronika u jiskambja elettronikament dokumenti tan-negozju speċifiċi bejn 2 partijiet jew aktar. L-EDI jinkorpora l-proċess kollu tal-iskambju elettroniku ta’ data: it-trażmissjoni tal-messaġġi, il-fluss tal-messaġġi, il-format tad-dokumenti, u s-software użat biex jinterpreta d-dokumenti.

    DOKUMENTI EWLENIN

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1744 tas-17 ta’ Settembru 2019 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għar-rappurtaġġ elettroniku tal-bastimenti fin-navigazzjoni interna u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 164/2010 (ĠU L 273, 25.10.2019, pp. 1-182)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/838 tal-20 ta’ Frar 2019 dwar speċifikazzjonijiet tekniċi għal sistemi ta’ trekkjar u traċċar tal-bastimenti u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 415/2007 (ĠU L 138, 24.5.2019, pp. 31-69)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2032 tal-20 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 416/2007 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-Avviżi lill-Kaptani (ĠU L 332, 28.12.2018, pp. 1-181)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 909/2013 tal-10 ta’ Settembru 2013 li jiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema tad-displej tal-mapep elettroniċi u tal-informazzjoni għan-navigazzjoni interna (ECDIS Interna) kif imsemmija fid-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 258, 28.9.2013, pp. 1-39)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 909/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 416/2007 tat-22 ta’ Marzu 2007 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-Avviżi lill-Kaptani kif imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi Armonizzati ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f’passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 105, 23.4.2007, pp. 88-253)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 414/2007 tat-13 ta’ Marzu 2007 dwar il-linji gwida tekniċi għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-użu operazzjonali tas-servizzi ta’ informazzjoni tax-xmajjar (RIS) imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/44/KE dwar is-servizzi armonizzati ta’ informazzjoni tax-xmajjar (RIS) f’passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 105, 23.4.2007, pp. 1-34)

    Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar is-Servizzi Armonizzati ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f’passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 255, 30.9.2005, pp. 152-159)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 16.10.2020

    Fuq