Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007L0064

Servizzi ta’ Ħlas fl-UE

Status legali tad-dokument Din it-taqsira ġiet arkivjata u mhux se tkun aġġornata Ara 'Regoli riveduti għas-servizzi ta’ pagament fl-UE' għall-informazzjoni aġġornata dwar is-suġġett.

Servizzi ta’ Ħlas fl-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern tal-UE

SOMMARJU

X'TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

  • Hija tistabbilixxi r-regoli għal servizzi ta’ ħlas* bħal trasferimenti ta’ kreditu, debiti diretti u ħlasijiet bil-kards.
  • Dawn ir-regoli jinkludu rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas, kif ukoll drittijiet u obbligi marbuta mal-użu tas-servizzi ta’ ħlas.

PUNTI EWLENIN

Awtorizzazzjoni

Istituzzjoni li toffri servizzi ta’ ħlas għandha tikseb awtorizzazzjoni biex twettaq l-attivitajiet ta’ ħlas tagħha madwar l-UE. Kull pajjiż tal-UE għandu korp nazzjonali responsabbli mill-għoti tal-awtorizzazzjonijiet. L-istituzzjoni tiġi awtorizzata biss jekk ikollha arranġamenti ta’ governanza robusti fis-seħħ għan-negozju tagħha u jekk ikollha ċertu ammont ta’ kapital.

Rekwiżiti ta’ informazzjoni

Il-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas għandhom jipprovdu firxa ta’ informazzjoni ċara lill-utenti tas-servizzi tagħhom.

Qabel jipprovdu servizz ta’ ħlas, huma għandhom jikkomunikaw informazzjoni b’rabta ma':

  • tariffi,
  • il-proċeduri tal-ilmenti u
  • il-ħlasijiet kollha pagabbli b'mod li jinftiehem faċilment.

Wara l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas, huma għandhom jipprovdu tagħrif lill-kontribwent. Dan jinkludi:

  • ir-referenza tat-tranżazzjoni tal-ħlas u tal-prenditur,
  • l-ammont tal-ħlas,
  • it-tariffi u l-kummissjonijiet relatati mat-tranżazzjoni.

Huma għandhom jikkomunikaw it-tagħrif lill-prenditur ladarba sseħħ it-tranżazzjoni.

Il-liġi tistabbilixxi regoli speċifiċi dwar it-tagħrif li għandhom jagħtu l-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas meta t-tranżazzjonijiet ikunu koperti minn kuntratt li jirregola l-eżekuzzjoni futura tat-tranżazzjonijiet tal-ħlas suċċessivi.

Drittijiet u obbligi

Tranżazzjoni ta’ ħlas f’euros jew fil-munita ta’ pajjiż tal-UE barra ż-żona tal-euro tiġi esegwita fi żmien jum tax-xogħol.

Il-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas huma responsabbli b’mod sħiħ lejn il-kontribwenti għall-eżekuzzjoni korretta tat-tranżazzjonijiet tal-ħlas. Meta tranżazzjoni ma tiġix esegwita jew tkun difettuża, il-fornitur tas-servizz ta’ ħlas tal-kontribwent għandu jikkoreġiha jew jirrifondi l-ammont rilevanti lill-kontribwent. F’każ tal-użu ħażin ta’ strument ta’ ħlas minn xi ħadd ieħor minbarra l-kontribwent, bħal kard ta’ kreditu, il-kontribwent iġorr it-telf sa ammont massimu ta’ €150.

Il-liġi tistabbilixxi wkoll regoli għar-rifużjonijiet meta t-tranżazzjonijiet tal-ħlas ikunu ġew awtorizzati b’mod żbaljat minn fornitur tas-servizzi ta' ħlas.

Repeal

Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tirrevoka d-Direttiva 2007/64/KE b'effett mit-13 ta' Jannar 2018.

MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Hija tapplika mill-25 ta’ Diċembru 2007. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta' Novembru 2009.

SFOND

Il-konsumaturi jeħtieġ li jkunu ċerti li l-ħlasijiet li jagħmlu mal-UE jkunu faċli, effiċjenti u sikuri. Sabiex tissodisfa dan l-għan, l-UE stabbiliet qafas komuni għas-servizzi ta' ħlas, li jissostitwixxi r-regoli nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE.

TERMINU EWLIENI

*Servizzi ta’ ħlas : attivitajiet ta’ negozju li:

  • jippermettu lill-persuni jiddepożitaw jew jiġbdu flus kontanti fi jew minn kont tal-pagamenti, kif ukoll it-tħaddim ta’ dak il-kont;
  • jwettqu tranżazzjonijiet ta’ ħlas (eż. ordnijiet permanenti, debiti diretti, eċċ.) kemm fuq il-kontijiet tal-pagamenti kif ukoll b’mezzi elettroniċi;
  • joħorġu u/jew jirċievu struzzjonijiet dwar il-ħlasijiet;
  • iwettqu rimessa ta’ flus (trasferimenti ta' flus minn ħaddiema barranin lil persuni fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom).

ATT

Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1-36)

L-emendi sussegwenti għad-Direttiva 2007.64/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija ta' valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257 28.8.2014, p. 214–246).

Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35-127)

l-aħħar aġġornament 24.05.2016

Fuq