Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1920

    Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga

    Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    Jirrevedi u jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 302/93 li oriġinarjament waqqaf iċ- Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA).

    Jestendi r-rwol taċ-Ċentru għall-monitoraġġ ta’ aspetti bħal xejriet ġodda fl-użu tad-droga, speċjalment fl-użu tal-polidroga (fejn drogi illegali jittieħdu flimkien ma’ drogi legali jew ma’ medikazzjoni).

    Ir-regolament ġie emendat bir-Regolament(UE) 2017/2101 fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar, u sistema ta’ twissija bikrija u proċedura għall-valutazzjoni tar-riskju għal, sustanzi psikoattivi ġodda* (NPSs).

    PUNTI EWLENIN

    Iċ-Ċentru:

    • jipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-pajjiżi tal-UE data oġġettiva, affidabbli u komparabbli dwar id-drogi u d-dipendenza fuq id-droga;
    • joffri lil dawk li jfasslu l-politika d-data li jeħtieġu sabiex ifasslu liġijiet u strateġiji infurmati dwar id-droga;
    • jipprovdi lill-professjonisti u lill-prattikanti:
      • eżempji tal-aħjar prattika,
      • oqsma ġodda ta’ riċerka relatati mad-droga u l-konsegwenzi tad-dipendenza fuq id-droga.

    L-għanijiet prinċipali tiegħu huma li:

    • jiġbor u janalizza d-data eżistenti dwar id-drogi u d-dipendenza fuq id-droga fl-UE u ma’ pajjiżi parteċipanti li mhumiex fl-UE;
    • iqabbel id-data biex jgħin jevalwa l-politiki nazzjonali u tal-UE dwar id-drogi;
    • ixerred data u informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drogi, inkluża data dwar xejriet emerġenti;
    • jikkoopera ma’ aġenziji tal-UE bħall-Europol u l- Eurojust jew aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti bħall-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità u ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE;
    • jaqsam l-informazzjoni dwar, jappoġġja s-sistema ta’ twissija bikrija għal, u jwettaq valutazzjonijiet tar-riskju ta’ sustanzi psikoattivi ġodda.

    Oqsma ta’ prijorità

    Iċ-Ċentru jikkonċentra fuq:

    • il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drogi u x-xejriet emerġenti, b’mod partikolari dawk li jinvolvu l-użu tal-polidroga;
    • il-monitoraġġ tas-soluzzjonijiet applikati għal problemi relatati mad-droga u l-faċilitazzjoni tal-iskambji fuq l-aħjar prattika fost il-pajjiżi tal-UE;
    • iż-żamma ta’ sistema ta’ twissija bikrija u l-valutazzjoni tar-riskji ta’ sustanzi psikoattivi ġodda;
    • l-iżvilupp ta’ għodod sabiex jgħinu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi tal-UE jwettqu monitoraġġ u jevalwaw il-politiki rispettivi tagħhom dwar id-drogi.

    Netwerk Reitox

    Biex iwettaq il-kompitu ewlieni tiegħu li jipprovdi informazzjoni soda u komparabbli dwar id-drogi, l-EMCDDA żviluppa għodda biex jiġbor data nazzjonali b’mod armonizzat permezz tan- netwerk Reitox.

    Reitox jikkollega sistemi ta’ informazzjoni nazzjonali dwar id-droga u huwa l-mezz ewlieni li permezz tiegħu l-EMCDDA jiskambja data u informazzjoni metodoloġika dwar id-drogi u d-dipendenza fuq id-droga fl-UE.

    Id-data miġbura permezz tan-netwerk Reitox tintuża wkoll sabiex:

    • timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tad-drogi tal-UE li jimplimentaw l-istrateġija tal-UE dwar id-drogi;
    • tgħin fl-iżvilupp ta’ rakkomandazzjonijiet għal reazzjonijiet nazzjonali xierqa sabiex jiġu organizzati t-trattament, il-prevenzjoni u attivitajiet ta’ tnaqqis tal-ħsara.

    In-netwerk huwa magħmul minnpunt fokali wieħed għal kull pajjiż tal-UE li jipparteċipa fl-EMCDDA u punt fokali għall-Kummissjoni.

    Sorveljanza msaħħa u proċedura għall-valutazzjoni tar-riskju

    Ir-Regolament (UE) 2017/2101 jeħtieġ li l-pajjiżi tal-UE jiżguraw li l-punti fokali nazzjonali tagħhom u l-unitajiet nazzjonali tal-Europol jipprovdu liċ-ċentru b’informazzjoni li jiġbru dwar l-SPĠ.

    B’ħidma mill-qrib mal-Europol, l-EMCDDA jiġbor, jiċċekkja, janalizza u jivvaluta l-informazzjoni u jibgħatha malajr lill-punti fokali nazzjonali, lill-unitajiet nazzjonali tal-Europol, u lill-Kummissjoni. Dan jiżgura li kollha jirċievu informazzjoni malajr kemm jista’ jkun għall-finijiet ta’ twissija bikrija u jippermetti wkoll li ċ-Ċentru jfassal ir-rapport inizjali dwar SPĠ fejn ikun hemm tħassib li s-sustanza tista’ toħloq riskji għas-saħħa jew soċjali fl-UE kollha.

    Fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi rapport inizjali, il-Kummissjoni tista’ titlob liċ-Ċentru biex jivvaluta r-riskji potenzjali ppreżentati mill-SPĠ u biex iħejji rapport għall-valutazzjoni tar-riskju. Iċ-Ċentru għandu jissottometti r-rapport għall-valutazzjoni tar-riskju fi żmien 6 ġimgħat mit-talba tal-Kummissjoni. Fuq il-bażi tal-proċedura għall-valutazzjoni tar-riskju, il-Kummisssjoni tiddeċiedi jekk l-SPĠ ikkonċernata għandhiex tkun inkluża fid-definizzjoni ta’ “droga” skont il-proċedura msemmija fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAIAtti kriminali u l-penali applikabbli — it-traffikar tad-droga.

    Organizzazzjoni u funzjonament

    Imwaqqaf fl-1993 f’Lisbona (il-Portugall), iċ-ċentru, li huwa wieħed mill- aġenziji deċentralizzatital-UE, jinkludi Bord ta’ Tmexxija, assistit minn:

    • Kumitat tal-Baġit;
    • Kumitat Eżekuttiv; u
    • Kumitat Xjentifiku li jagħti opinjonijiet dwar kwalunkwe aspett xjentifiku tal-attivitajiet taċ-ċentru.

    Iċ-ċentru jżomm rabtiet mill-qrib mal-punti fokali nazzjonali tan-netwerk Reitox u ma’ organizzazzjonijiet sħab oħra. Iwettaq il-kompiti tiegħu b’konformità mal-istrateġija tiegħu li tiddefinixxi l-għanijiet ewlenin tax-xogħol tiegħu għal perjodu speċifiku. L- istrateġija tiegħu li tibqa’ għaddejja sal-2025 u l- programm mill-2018-2020 it-tnejn għandhom l-għan li jikkontribwixxu lejn Ewropa aktar sikura u b’saħħitha. Il-programm jiffoka fuq:

    • ir-reviżjoni u t-titjib tal-għodod eżistenti għall-monitoraġġ tad-drogi (ikkumplimentat bl-użu akbar ta’ approċċi innovattivi biex jiġu identifikati, segwiti u mmonitorjati xejriet ġodda);
    • l-implimentazzjoni kontinwa tar-Regolament (UE) 2017/2101 dwar l-SPĠ;
    • it-titjib tal-format u tal-kontenut tar- Rapport annwali Ewropew dwar id-Droga; u
    • ir-rilaxx tal-edizzjonijiet li jmiss tar- Rapport EMCDDA-Europol tal-UE dwar is-Swieq tad-Droga (2019) u r-reazzjonijiet tas-Saħħa u soċjali għall-użu tad-droga: gwida Ewropea (2020).

    Iċ-Ċentru qed jespandi wkoll l-appoġġ tiegħu għall-proġett Ewropew ta’ stħarriġ skolastiku dwar l-alkoħol u drogi oħrajn u matul il-perjodu ta’ tliet snin qed jippjana li:

    • jimplementa Qafas ta’ Żvilupp ġdid tar-Reitox u Qafas ġdid ta’ Koperazzjoni Internazzjonali tal-EMCDDA;
    • isaħħaħ il-ħidma tiegħu ma’ pajjiżi prijoritarji mhux tal-UE billi jimplimenta proġetti ta’ assistenza teknika ffinanzjati mill-Kummissjoni għal pajjiżi kandidati u pajjiżi potenzjalment kandidati (proġetti IPA 6 u IPA 7) u għal pajjiżi ġirien (proġett ta’ Monitoraġġ tad-Drogi tal-UE4) rispettivament biex jiksbu fehim aħjar tad-dimensjoni globali tal-fenomenu tad-droga.

    MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Sar applikabbli mis-16 ta’ Jannar 2007. Ir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 irreveda u ssostitwixxa r-Regolament (KEE) Nru 302/93 (u l-emendi sussegwenti tiegħu).

    SFOND

    Għal aktar tagħrif, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Sustanzi psikoattivi: sustanza, f’għamla pura jew fi preparazzjoni, li ma taqax taħt il- Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, jew mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi izda tista’ toħloq riskji għas-saħħa jew soċjali simili għal dawk ikkawżati mis-sustanzi koperti minn dawk il-Konvenzjonijiet. Dawn huma sustanzi li meta jinbelgħu jaffettwaw il-moħħ.

    DOKUMENT PRINĊIPALI

    Ir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 376, 27.12.2006, pp. 1-13)

    Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1920/2006 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta; drogi (ĠU L 335, 11.11.2004, pp. 8-11)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 11.01.2019

    Fuq