Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0314

    Miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe

    Miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe

     

    SOMMARJU TA’:

    Id-Deċiżjoni 2011/101/PESK — dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe

    Ir-Regolament (KE) Nru 314/2004 — dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe

    X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAR-REGOLAMENT?

    • Id-deċiżjoni tirrevoka u tibdel il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/161/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe.
    • Ir-regolament jemenda u jestendi s-sanzjonijiet kontra ż-Żimbabwe introdotti mir-Regolament (KE) Nru 310/2002.

    PUNTI EWLENIN

    Sabiex jipprevjenu repressjoni interna fiż-Żimbabwe, id-deċiżjoni u r-regolament jipprojbixxu:

    • il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha għall-użu fiż-Żimbabwe, inklużi
      • armi u munizzjon
      • vetturi u tagħmir militari
      • tagħmir u partijiet tal-bdil paramilitari;
    • il-provvista ta’ assistenza teknika fir-rigward ta’ tali armi;
    • L-għoti ta’ għajnuna ta’ finanzjament jew finanzjarja relatata ma’ attivitajiet militari fiż-Żimbabwe, inklużi b’mod partikolari
      • għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni
      • assigurazzjoni u riassigurazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ armi u ta’ tagħmir militari relatat.

    Miżuri restrittivi

    Id-deċiżjoni u r-regolament jimponu miżuri restrittivi fuq membri individwali tal-gvern taż-Żimbabwe u kwalunkwe assoċjat li l-attivitajiet tiegħu jimminaw serjament id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe.

    • Projbizzjoni fuq vjaġġar:
      • l-anness tad-deċiżjoni jistipula l-lista ta’ individwi li l-Istati Membri għandhom iwaqqfuhom milli jidħlu jew jgħaddu mit-territorji tagħhom;
      • l-anness jista’ jiġi emendat b’deċiżjoni tal-Kunsill.
    • Iffriżar tal-assi:
      • l-anness għad-deċiżjoni jistabbilixxi l-individwi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom se jiġu ffriżati;
      • l-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi mhu se jsiru disponibbli, b’mod dirett jew indirett, lil dawk l-individwi, kumpaniji, entitajiet jew korpi.

    Eżenzjonijiet speċifiċi għal dawn il-miżuri huma stabbiliti fid-deċiżjoni.

    Miżuri xierqa

    Minbarra l-miżuri msemmija hawn fuq, l-UE imponiet ukoll “miżuri xierqa” fuq iż-Żimbabwe bejn l-2002 u l-2014. Dawn il-miżuri kienu jikkonsistu kif ġej:

    • is-sospensjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp diretta kollha mal-gvern; u minflok
    • appoġġ dirett tal-popolazzjoni fis-setturi soċjali, demokratizzazzjoni, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, implimentati permezz ta’ aġenziji internazzjonali jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

    Dawn il-miżuri tneħħew f’Novembru 2014, bl-impenn mill-ġdid tal-UE u l-Istati Membri tagħha fi djalogu politiku mal-gvern taż-Żimbabwe u t-tkomplija tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp bilaterali tal-UE.

    MINN META BDEW JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U R-REGOLAMENT?

    • Id-Deċiżjoni ilha tapplika mill-15 ta’ Frar 2011.
    • Ir-Regolament ilu japplika mill-21 ta’ Frar 2004.

    SFOND

    Il-bażijiet legali għal dawn is-sanzjonijiet tal-UE huma l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għad-deċiżjoni, u l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għar-regolament.

    DOKUMENTI EWLENIN

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK tal-15 ta’ Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe (ĠU L 42, 16.2.2011, pp. 6-23)

    L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe (ĠU L 55, 24.2.2004, pp. 1-13)

    Ara l-verżjoni kkonsolidata.

    DOKUMENTI RELATATI

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu V — Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika esterna u ta’ sigurtà komuni — Kapitolu 2 — Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni — Taqsima 1 — Dispożizzjonijiet komuni — Artikolu 29 (ex Artikolu 15 TEU) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 33)

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Ħamsa — L-azzjoni esterna tal-Unjoni — It-Titolu IV — Il-miżuri restrittivi — L-Artikolu 215 (ex Artikolu 301 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 144)

    l-aħħar aġġornament 05.10.2020

    Fuq