Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0573

    Ir-ritorn tal-immigranti illegali lejn pajjiżhom: titjiriet konġunti

    Ir-ritorn tal-immigranti illegali lejn pajjiżhom: titjiriet konġunti

     

    SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

    Id-Deċiżjoni 2004/573/KE — dwar l-organizzazzjoni ta' titjiriet konġunti għat-tneħħija mit-territorju ta' żewġ Stati Membri jew iktar

    X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DEĊIŻJONI?

    Din tistabbilixxi l-proċeduri ta’ meta żewġ pajjiżi tal-UE jew aktar jikkooperaw sabiex jiddeportaw immigranti illegali bl-ajru mill-UE.

    PUNTI EWLENIN

    • Kull pajjiż tal-UE jaħtar awtorità nazzjonali responsabbli għall-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni f’titjiriet konġunti.
    • L-awtorità li torganizza titjira konġunta għandha:
      • tipprovdi l-informazzjoni rilevanti lil pajjiżi oħrajn tal-UE;
      • tagħżel il-linja tal-ajru involuta u tiżgura li l-arranġamenti kollha kuntrattwali u prattiċi huma stabbiliti;
      • titlob u tirċievi awtorizzazzjonijiet mill-pajjiżi ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni tat-titjira;
      • tagħmel l-arranġamenti xierqa, inklużi dawk finanzjarji, ma’ pajjiżi oħrajn tal-UE li jkunu qegħdin jipparteċipaw fit-titjira;
      • tiddefinixxi d-dettalji u l-proċeduri operattivi, inkluż in-numru ta’ akkumpanjaturi meħtieġa.
    • Pajjiż tal-UE li jkun qed jipparteċipa f’titjira konġunta għandu:
      • jinforma lill-awtorità nazzjonali li torganizza t-titjira dwar l-intenzjoni tiegħu li jipparteċipa;
      • jipprovdi għadd suffiċjenti ta’ akkumpanjaturi;
      • jiżgura l-preżenza ta’ mill-inqas żewġ rappreżentanti tiegħu jekk il-pajjiż organizzatur jipprovdi l-akkumpanjaturi kollha.
    • Il-pajjiżi organizzaturi u parteċipanti għandhom:
      • jiżguraw li l-akkumpanjaturi u dawk li qegħdin jiġu deportati għandhom dokumenti tal-ivvjaġġar validi u dokumenti meħtieġa oħrajn, bħal viżi u ċertifikati;
      • jipprovdu l-arranġamenti tat-titjira lill-ambaxxati u l-konsulati tagħhom fil-pajjiżi ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni involuti sabiex jirċievu kwalunkwe assistenza meħtieġa.
    • Id-deċiżjoni tistabbilixxi proċeduri u rekwiżiti dettaljati għall-ħames fażijiet involuti fit-tneħħija ta’ immigranti illegali:
      • qabel ir-ritorn,
      • qabel it-tluq,
      • matul it-titjira,
      • fi tranżitu,
      • mal-wasla.

    Dawn ikopru kwistjonijiet ta’ check-in, sigurtà u l-użu ta’ miżuri koersivi*.

    • Il-kooperazzjoni operattiva bejn il-pajjiżi tal-UE tkopri wkoll:
      • l-assistenza waqt it-tranżitu għat-titjiriet ta’ tneħħija;
      • l-organizzazzjoni ta’ titjiriet għall-immigranti illegali soġġetti għal ordnijiet ta’ tneħħija individwali;
      • ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ espulsjoni.

    META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

    Din ilha tapplika mis-7 ta’ Awwissu 2004.

    SFOND

    Bejn 400 000 u 500 000 ċittadin barrani jiġu ordnati jitilqu mill-UE kull sena peress li jkunu daħlu, jew ikunu qegħdin joqogħdu, b’mod illegali. 40 % biss jintbagħtu lura lejn darhom jew lejn il-pajjiż li minnu jkunu daħlu fl-UE. L-iżgurar tar-ritorn ta’ immigranti illegali huwa essenzjali biex tiġi garantita l-kredibbiltà tal-migrazzjoni legali.

    Għal aktar tagħrif, ara:

    * TERMINI EWLENIN

    miżuri koersivi: dawn jistgħu jintużaw fuq individwi li jirrifjutaw jew jirreżistu t-tneħħija; il-miżuri kollha ta' koersjoni għandhom ikunu proporzjonali u m'għandhomx jaqbżu forza raġjonevoli jew jikkompromettu l-kapaċità tal-persuna li tieħu n-nifs b'mod normali.

    DOKUMENT EWLIENI

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/573/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-organizzazzjoni ta’ titjiriet konġunti għat-tneħħija mit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti ta’ ordnijiet individwali ta’ tneħħija (ĠU L 261, 6.8.2004, pp. 28-35)

    ATTI RELATATI

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/110/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 fuq l-għajnuna f'każijiet ta’ transitu għal raġunijiet ta’ tneħħija bl-ajru (ĠU L 321, 6.12.2003, pp. 26-31)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (ĠU L 149, 2.6.2001, pp. 34-36)

    l-aħħar aġġornament 29.07.2016

    Fuq