Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002D0348

    Is-sigurtà b'konnessjoni ma' logħbiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali

    Is-sigurtà b'konnessjoni ma' logħbiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali

     

    SOMMARJU TA’:

    Deċiżjoni 2002/348/GAI — is-sigurtà f'logħbiet tal-futbol internazzjonali

    X'INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

    • Hi għandha l-għan li tipprevjeni u tiġġieled kontra l-vjolenza relatata mal-futbol sabiex tiġi żgurata s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, billi tiddeskrivi l-metodi għaż-żamma tal-ordni mill-pulizija f'avvenimenti tal-futbol.
    • Hi tistabbilixxi punti nazzjonali ta' informazzjoni dwar il-futbol sabiex tippermetti l-iskambju ta' informazzjoni, il-kooperazzjoni transkonfinali u ż-żamma tal-ordni mill-pulizija f'avvenimenti tal-futbol internazzjonali.

    PUNTI EWLENIN

    • Il-pajjiżi tal-UE jridu jistabbilixxu punt nazzjonali ta' informazzjoni dwar il-futbol biex jappoġġjaw iż-żamma tal-ordni mill-pulizija f'avvenimenti internazzjonali tal-futbol tal-ogħla livell bejn timijiet minn pajjiżi differenti. Dawn għandhom il-kompitu li:

      • jikkoordinaw u jippermettu l-kooperazzjoni internazzjoni bejn il-pulizija u l-iskambju ta' informazzjoni;
      • jikkondividu informazzjoni dwar sostenituri ta’ riskju għoli;
      • jassistu lill-awtoritajiet nazzjonali fejn ikun meħtieġ;
      • iwettqu valutazzjoni tar-riskju tal-klabbs u tat-tim nazzjonali tal-pajjiż tagħhom stess u jaqsmu din mal-pajjiżi l-oħra tal-UE.
    • L-informazzjoni tiġi kondiviża qabel, matul u wara avveniment tal-futbol kif ġej:

      • informazzjoni strateġika, li tispeċifika l-aspetti kollha tal-avveniment, b'referenza partikolari għal kwalunkwe riskju ta-sigurtà;
      • informazzjoni operazzjonali, li tipprovdi stampa tal-proċeduri fil-kors tal-ġrajja;
      • informazzjoni tattika, li tippermetti li tittieħed azzjoni xierqa biex jinżammu l-ordni u s-sigurtà, u kwalunkwe feedback wara l-avveniment.
    • L-informazzjoni hi kunfidenzjali u għandha tingħata fi żmien xieraq, b'salvagwardji dwar l-iskambju ta' data personali, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali rilevanti.
    • Id-Deċiżjoni 2002/348/GAI ġiet emendata fl-2007 mid-Deċiżjoni 2007/412/GAI dwar is-sigurtà b'konnessjoni ma' logħbiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali.
    • Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-2003 staqsiet lill-pajjiżi tal-UE biex jikkunsidraw jipprojbixxu l-individwi li qabel wettqu atti ta' vjolenza f'avvenimenti tal-futbol milli jidħlu fl-istadiums tal-futbol. Hi inkludiet il-possibbiltà li l-projbizzjonijiet jestendu għall-pajjiżi l-oħra tal-UE, sostnuti minn pieni għal nuqqas ta’ konformità.
    • Il-Ktejjeb għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija, il-“Manwal tal-UE dwar il-Futbol”, li oriġinarjament ġie introdott fl-1999 u li ġie aġġornat mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2006, it-3 ta' Ġunju 2010 u d-29 ta' Novembru 2016, jipprovdi mudell biex tiġi skambjata l-informazzjoni.
    • Il-manwal jiddeskrivi l-arranġamenti għal:

      • il-ġbir tal-intelligence;
      • ir-rikonjizzjoni;
      • ir-rwol ta' spotters jew informaturi tal-pulizija;
      • il-kontroll tal-folla;
      • il-komunikazzjoni mal-partitarji u mal-midja;
      • il-kundizzjonijiet li taħthom l-uffiċjali tal-pulizija jistgħu jgħinu direttament f'pajjiżi oħra.
    • F'deċiżjoni tal-2014, il-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) qablu li jagħtu spinta lill-kooperazzjoni u lid-djalogu, inklużi azzjonijiet biex jiżdiedu l-isforzi kontra l-vjolenza fl-istadiums tal-futbol. Huma jorganizzaw laqgħat ta' livell għoli mill-inqas darba fis-sena sabiex jivvalutaw il-progress.

    META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

    Hi bdiet tapplika mid-9 ta' Mejju 2002.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    DOKUMENT EWLIENI

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/348/GAI tal-25 ta' April 2002 li tikkonċerna s-sigurtà b'konnessjoni ma' logħbiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali (ĠU L 121, 8.5.2002, pp. 1–3)

    L-emendi sussegwenti tad-Deċiżjoni 2002/348/GAI ġew inkorporati fit-test bażiku. Il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-Istati Membri ta’ projbizzjonijiet għall-aċċess għal postijiet fejn isiru logħbiet tal-futbol b’dimensjoni internazzjonali (ĠU C 281, 22.11.2003, p. 1-2)

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar manwal aġġornat b'rakkomandazzjonijiet għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija u miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' vjolenza u inkwiet marbuta ma' partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali, fejn ikun involut tal-anqas Stat Membru wieħed (“Manwal tal-UE dwar il-Futbol”) (ĠU C 444, 29.11.2016. pp. 1-36)

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2014 li tadotta l-Arranġament għall-Kooperazjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) (C(2014) 7378 final tal-14.10.2014)

    l-aħħar aġġornament 14.09.2017

    Fuq