Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998D0508

    Ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku (MRA) bejn l-UE u l-Awstralja

    Ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku (MRA) bejn l-UE u l-Awstralja

     

    SOMMARJU TA’:

    Ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja

    Deċiżjoni 98/508/KE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim dwar rikonoxximent reċiproku bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja

    X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

    Il-Ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku (MRA)* għandu l-għan li jippromwovi l-kummerċ fil-merkanzija bejn l-UE u l-Awstralja billi jneħħi ostakli tekniċi.

    Skont il-ftehim bilaterali li qablu fuqu l-pajjiżi tal-UE fil-11 ta’ Novembru 2005, l-UE u l-Awstralja aċċettaw ir-riżultati tal-valutazzjoni ta’ konformità* li twettaq kull parti għal prodotti industrijali speċifiċi.

    Id-deċiżjoni tadotta l-MRA mal-Awstralja f’isem l-UE.

    PUNTI EWLENIN

    Il-ftehim ikopri s-setturi li ġejjin:

    • il-prassi tajba ta’ manifattura għall-mediċini;
    • apparat mediku;
    • apparat terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u apparat ta’ stazzjonijiet terrestri tas-satellita;
    • tagħmir elettriku b’vultaġġ baxx;
    • il-kompatibbiltà elettromanjetika* tat-tagħmir;
    • makkinarju industrijali, inklużi krejnijiet torri u krejnijiet mobbli;
    • tagħmir ta’ pressjoni;
    • prodotti awtomobilistiċi.

    Il-ftehim:

    • jippermetti li l-prodotti tal-kumpaniji tal-UE — li jridu jikkonformaw ma’ rekwiżiti Awstraljani — jiġu ttestjati u ċċertifikati fl-UE u mbagħad ikunu jistgħu jiġu esportati lejn is-suq Awstraljan u viċi versa;
    • jelenka l-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti u r-regoli amministrattivi li jkopri l-ftehim għal kull settur;
    • jistipula l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni reċiproka tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità;
    • jistipula l-proċeduri għan-nomina tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità* għal kull settur;
    • jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-UE u tal-Awstralja jivverifikaw, jispezzjonaw u jissorveljaw il-korpi nnominati tal-valutazzjoni tal-konformità biex jiżguraw li dawn iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod korrett;
    • jipprovdi għal sospensjoni ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità nnominat;
    • jistabbilixxi kumitat konġunt ta’ rappreżentanti tal-UE u tal-Awstralja biex jindirizza kull kwistjoni li tista’ tinqala’ skont il-ftehim.

    MINN META JAPPLIKA L-FTEHIM?

    Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 1999.

    SFOND

    Fir-Riżoluzzjoni tagħhom tal-21 ta’ Diċembru 1989, il-gvernijiet tal-UE qablu dwar il-prinċipji tal-MRAs. Fil-21 ta’ Settembru 1992, huma awtorizzaw lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinnegozja ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku f’isem l-UE ma’ ċerti pajjiżi li mhumiex fl-UE.

    Għal aktar informazzjoni ara:

    TERMINI EWLENIN

    Ftehim dwar l-għarfien reċiproku: Ftehim internazzjonali fejn żewġ partijiet jew aktar jagħrfu l-konformità tar-riżultati ta’ valutazzjoni ta’ xulxin.
    Il-valutazzjoni tal-konformità: il-proċedura li biha prodott jiġi ttestjat, spezzjonat u ċċertifikat biex jiġi żgurat li huwa konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti qabel ma jiġi kkumerċjalizzat.
    Kompatibbiltà elettromanjetika: l-interazzjoni ta’ tagħmir elettriku u elettroniku mal-ambjent elettromanjetiku tiegħu, u ma’ tagħmir ieħor. L-apparat elettroniku kollu għandu l-potenzjal li jemetti kampi elettromanjetiċi.
    Korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità: dawn jevalwaw jekk prodott jissodisfax ir-rekwiżiti regolatorji jew leġiżlattivi rilevanti.

    DOKUMENTI EWLENIN

    Ftehim dwar l-għarfien reċiproku b’relazzjoni mal-istima ta’ konformità, ċertifikati u mmarkat bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja (ĠU L 229, 17.8.1998, pp. 3-60)

    L-emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

    Deċiżjoni tal-Kunsill 98/508/KE tas-18 ta’ Ġunju 1998 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim dwar rikonoxximent reċiproku rigward assessment ta’ konformità, ċertifikati u marki bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja (ĠU L 229, 17.8.1998, pp. 1-2)

    Ara l-verżjoni kkonsolidata.

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar approċċ globali lejn il-valutazzjoni tal-konformità (ĠU C 10, 16.1.1990, pp. 1-2)

    l-aħħar aġġornament 24.07.2018

    Fuq