Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31991R2568

Analiżi taż-żejt taż-żebbuġa

Status legali tad-dokument Dan is-sommarju ġie arkivjat u mhux se jiġi aġġornat, għaliex id-dokument imqassar ma għadux fis-seħħ jew ma jirriflettix is-sitwazzjoni attwali.

Analiżi taż-żejt taż-żebbuġa

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KEE) Nru 2568/91 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/1096 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għal ċerti indikazzjonijiet dwar it-tikkettar taż-żejt taż-żebbuġa

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament (KEE) Nru 2568/91 tal-Kummissjoni Ewropea jiddefinixxi l-karatterisiċi speċifiċi applikabbli għal kull kategoria taż-żejt taż-żebbuġa u t-tipi ta’ analiżi li jiġu applikati biex jiddeterminaw il-konformità. Huwa jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-kontroll għall-Istati Membri tal-UE.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/1096 (ara l-atti delegati) jirrevedi ċerti indikazzjonijiet għat-tikkettar taż-żejt taż-żebbuġa relatati mal-aċidità u s-sena tal-ħsad.

PUNTI EWLENIN

Kategoriji taż-żejt taż-żebbuġa

Hemm tmien kategoriji ta’ żejt taż-żebbuġa.

  • Żejt taż-żebbuġa extra verġni hija l-kategorija bl-ogħla kwalità. Ma għandu ebda difetti organolettiċi u għandu togħma ta’ frott. Il-livell tal-aċidità tiegħu ma għandux jaqbeż 0.8%.
  • Żejt taż-żebbuġa verġni jista’ jkollu xi difetti sensorji, imma f’livell baxx ħafna. L-aċidità tiegħu ma għandux jaqbeż 2%.
  • Żejt taż-żebbuġa lampante huwa ta’ kwalità aktar baxxa miż-żejt taż-żebbuġa verġni b’aċidità ta’ aktar minn 2%, b’ebda karatteristiċi ta’ togħma ta’ frott u difetti sensorji sostanzjali. Huwa raffinat jew użat għal finijiet industrijali.
  • Żejt taż-żebbuġa raffinat jinkiseb wara r-raffinament l-aktar tal-lampante u xi drabi żejt taż-żebbuġa verġni. Mhuwiex maħsub għas-swieq tal-konsumaturi u għandu grad ta’ aċidità sa 0.3%.
  • Żejt taż-żebbuġa kompost minn żejt taż-żebbuġa raffinat u żjut taż-żebbuġa verġni jirriżulta mit-taħlita ta’ żejt taż-żebbuġa raffinat u żjut taż-żebbuġa extra verġni jew verġni. Huwa għandu grad ta’ aċidità sa 1%.
  • Żejt mir-residwi taż-żebbuġ mhux raffinat jinkiseb mill-pejst residwu miksub wara li ż-żejt jiġi estratt b’mezzi mekkaniċi.
  • Żejt mir-residwi taż-żebbuġ raffinat jinkiseb meta tirraffina żejt tal-fdal taż-żebbuġ mhux raffinat. Jista’ jkollu grad ta’ aċidità sa 0.3%.
  • Żejt mir-residwi taż-żebbuġ jirriżulta mit-taħlit ta’ żejt mir-residwi taż-żebbuġ raffinat ma’ żejt taż-żebbuġa extra verġni jew verġni u għandu grad ta’ aċidità sa 1%.

Metodi ta’ analiżi biex jiddeterminaw il-kategorizzazzjoni taż-żejt

Il-kategoriji differenti ta’ żjut taż-żebbuġa huma ggradati skont il-parametri tal-kwalità, relatati ma’:

  • karatteristiċi psikokimiċi, bħal-livell tal-aċidità, l-indiċi tal-perossidu, il-kontenut tal-aċidi grassi u l-kompożizzjoni tal-isterols;
  • karatteristiċi organolettiċi (sensorji), bħat-togħma tal-frott u n-nuqqas ta’ difetti organolettiċi.

Ir-regolament jiddeskrivi l-metodi differenti tal-analiżi biex jiddeterminaw l-aspetti tal-kompożizzjoni li ġejjin:

  • aċidi grassi ħielsa, espressi bħala perċentwal tal-aċidu oleiku
  • indiċi tal-perossidu
  • kontenut tax-xemgħa
  • kompożizzjoni u kontenut ta’ sterols u dijalcoħols tat-triterpeni
  • perċentwal ta’ 2-glyceryl monopalmitate
  • kompożizzjoni ta’ aċidi grassi
  • karatteristiċi organolettiċi ta’ żejt taż-żebbuġa verġni
  • stigmastadienes
  • triglycerides
  • xemgħat, esteri metiliċi tal-aċidi grassi u etil esteri tal-aċidi grassi.

Il-konformità

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitwettqu kontrolli xierqa ta’ konfromità, bbażati fuq l-analiżi tar-riskji, biex jiżguraw li ż-żejt taż-żebbuġa kkumerċjalizzat huwa konsistenti mal-kategorija dikjarata. Il-kriterji tal-evalwazzjoni tar-riskji jistgħu jinkludu:

  • il-kategorija taż-żejt, il-perjodu tal-produzzjoni, il-prezz taż-żjut f’relazzjoni ma’ żjut veġetali oħrajn, l-operazzjonijiet ta’ taħlit u ppakkjar, il-faċilitajiet u l-kundizzjonijiet tal-ħażna, il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-mezzi tat-trasport jew il-volum tal-lott;
  • il-pożizzjoni tal-operaturi fil-katina tal-kummerċjalizzazzjoni, il-volum u l-valur ikkummerċjalizzat, il-firxa tal-kategoriji taż-żejt, it-tip ta’ negozju li jitwettaq bħal tħin, ħżin, raffinar, taħlit, ippakjar jew bejgħ bl-imnut;
  • is-sejbiet li saru matul l-aħħar kontrolli, inluż l-għadd u t-tip ta’ difetti misjuba, il-kwalità normali taż-żjut ikkummerċjalizzati, il-prestazzjoni tat-tagħmir tekniku użat;
  • l-affidabilità tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-operaturi jew is-sistemi ta’ awtoverifika relatati mal-konformità tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni;
  • il-post fejn jitwettaq il-kontroll, b’mod partikolari jekk ikun l-ewwel punt tad-dħul jew l-aħħar punt tal-ħruġ mill-UE jew il-post fejn iż-żjut huma prodotti, ippakkjati, mgħobbija jew mibjugħa lill-konsumatur finali.

L-Istati Membri għandhom jindikaw bil-quddiem il-kriterji għall-evalwazzjoni tar-riskji ta’ nonkonformità u l-għadd minimu ta’ operaturi, lottijiet u kwantitajiet suġġetti għal kontroll ta’ konformità. Mill-inqas kontroll ta’ konformità wieħed għal kull 1,000 tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa kkummerċjalizzata fl-Istat Membru għandu jitwettaq kull sena.

Jekk iż-żejt ma jikkorrispondix mad-deskrizzjoni tal-kategorija tiegħu, l-Istat Membru għandu japplika penali effettivi, proporzjonati u diżważivi skont is-serjetà tal-irregolarità u jżid il-frekwenza tal-kontrolli jekk l-irregolaritajiet ikunu sinifikanti.

Karatteristiċi organolettiċi (sensorji)

L-Istati Membri jistgħu japprovaw panels ta’ valutazzjoni biex jevalwaw u jivverifikaw il-karatteristiċi organolettiċi. Meta l-Istati Membri jiffaċċjaw diffikultajiet fit-twaqqif ta’ panels tad-dewqan fit-territorju tagħhom, huma jistgħu jsejħu lil panel tad-dewqan approvat fi Stat Membru ieħor.

Tikkettar

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/1096 jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġ fir-rigward ta’ xi termini fakultattivi li jistgħu jitqiegħdu fuq it-tikketta:

  • indikazzjoni tal-aċidità massima mistennija mid-data ta’ durabilità minima;
  • is-sena tal-ħsad.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament (KEE) Nru 2568/91 ilu japplika mis-6 ta’ Settembru 1991.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/1096 ilu japplika mis-6 ta’ Awwissu 2018.

SFOND

Ara wkoll:

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta’ Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u żejt tar-residwu taż-żebbuġa u dwar il-metodi rilevanti tal-analiżi (ĠU L 248, 5.9.1991, pp. 1–83).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KEE) Nru 2568/91 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1096 tat-22 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għal ċerti indikazzjonijiet dwar it-tikkettar taż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 197, 3.8.2018, pp. 3–4).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 671–854).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru29/2012 tat-13 ta’ Jannar 2012 dwar standars ta’ kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa (kodifikazzjoni) (ĠU L 12, 14.1.2012, pp. 14–21).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, pp. 18-63).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 14.10.2021

Fuq