Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31984D0358

    Il-Ftehim ta’ Bonn — jittratta t-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana miż-żejt u sustanzi oħra perikolużi, inkluż i-tniġġis tal-arja kkawżata mit-tbaħħir

    Il-Ftehim ta’ Bonn — jittratta t-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana miż-żejt u sustanzi oħra perikolużi, inkluż i-tniġġis tal-arja kkawżata mit-tbaħħir

     

    SOMMARJU TA’:

    Il-Ftehim għall-kooperazzjoni fit-trattament tat-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana miż-żejt u sustanzi oħra perikolużi (il-Ftehim ta’ Bonn)

    Id-Deċiżjoni 84/358/KEE — konklużjoni tal-Ftehim ta’ Bonn

    Id-Deċiżjoni (UE) 2021/176 — konklużjoni tal-emendi tal-Ftehim ta’ Bonn fir-rigward tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u dwar l-adeżjoni ta’ Spanja għall-ftehim

    X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONIJIET?

    • Dan il-ftehim jistabbilixxi sistema ta’ kooperazzjoni fost il-partijiet kontraenti biex jittratta t-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana miż-żejt u sustanzi oħra perikolużi.
    • Id-Deċiżjoni 84/358/KE tikkonkludi l-ftehim f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea (issa l-UE).
    • Fl-2019 il-partijiet kontraenti qablu mal-adeżjoni ta’ Spanja u li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim għat-tniġġis mill-vapuri kif regolat taħt l-Anness VI għall-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (il-Konvenzjoni MARPOL). Id-Deċiżjoni (UE) 2021/176 timmarka l-konklużjoni mil-UE dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim u l-adeżjoni ta’ Spanja.

    PUNTI EWLENIN

    Partijiet kontraenti

    Il-partijiet kontraenti tal-Ftehim ta’ Bonn, kif emendata reċentement fl-2021, huma l-gvernijiet tal-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, in-Netherlands, in-Norveġja, Spanja, l-Iżvezja u Renju Unit, kif ukoll l-Unjoni Ewropea.

    Żoni tal-baħar koperti mill-ftehim

    Il-ftehim jikkonċerna l-Baħar tat-Tramuntana l-kbir u l-firxa usa’ tiegħu – wieħed mill-aktar żoni tal-baħar passaġġużi fid-dinja. Mill-adeżjoni ta’ Spanja fil-ftehim, dan ikopri:

    • il-Baħar tat-Tramuntana kollu kemm hu, fin-Nofsinhar tal-latitudni 61° 0'00.00" N;
    • Skagerrak, li l-limitu tan-Nofsinhar tiegħu huwa ddeterminat fil-Lvant ta’ Skaw bil-latitudini 57° 44'43.00" N;
    • il-Golf tal-Biskalja, delineat fin-naħa tan-Nofsinhar u tal-Punent mil-linja definita fil-Parti I tal-anness għal dan il-ftehim;
    • l-ilmijiet l-oħra, li jinkludu l-Baħar Irlandiż, il-Baħar Ċeltiku, il-Baħar Malin, il-Minch il-Kbir, il-Minch iż-Żgħir, parti mill-Baħar Norveġiż, u partijiet mill-Atlantiku tal-Grigal, delineati fuq in-naħa tal-Punent u tat-Tramuntana mil-linja definita fil-Parti II tal-anness għal dan il-ftehim.

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Fuq riżultati ta’ ftehim preċedenti ffirmat fl-1969 li kopra t-tniġġis minn tixtrid ta’ żejt mhux maħdum, il-Ftehim ta’ Bonn tal-1984 ikopri wkoll tixrid ta’ sustanza niġġiesa perikolużi oħra jew li qed jheddu li jniġġsu l-baħar fiż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana.

    Fl-2019, il-partijiet kontraenti ddeċidew li jemendaw il-ftehim biex ikopru l-kooperazzjoni fuq is-sorveljanza fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Anness VI għall-Konvenzjoni MARPOL. L-Anness VI jintroduċi limiti aktar stretti tal-kubrit għall-fjuwil tal-baħar f’żoni ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-ossidu tal-kubrit (li jinkludi l-Baħar tat-Tramuntana). Direttiva (UE) 2016/802 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi tinkorpora l-bidliet ewlenin fil-liġi internazzjonali dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri fil-liġi tal-UE (ara s-sommarju).

    Oqsma ta’ ħidma

    Il-partijiet kontraenti jaqblu:

    • li jikkooperaw b’mod attiv bejniethom;
    • li jiżviluppaw sett ta’ linji gwida b’mod konġunt għall-aspetti prattiċi, operazzjonali u tekniċi ta’ azzjoni konġunta;
    • li jaqsmu informazzjoni dwar
      • l-organizzazzjoni nazzjonali li tittratta t-tip ta’ tniġġis kopert mill-ftehim;
      • l-awtorità kompetenti responsabbli biex tirċievi u tibgħat ir-rapporti ta’ tali tniġġis u li tittratta l-mistoqsijiet rigward miżuri ta’ għajnuna reċiproka;
      • il-mezzi nazzjonali tagħhom għall-evitar jew it-trattar ta’ tali tniġġis, li jistgħu jagħmlu disponibbli għall-għajnuna internazzjonali;
      • modi ġodda li bihom tali tniġġis jista’ jiġi evitat u dwar miżuri effettivi ġodda biex jittrattawh;
      • inċidenti ewlenin ta’ tniġġis ta’ dan it-tip li ġew ittrattati.

    Ir-rappurtar ta’ inċidenti u assistenza reċiproka

    • Il-partijiet kontraenti jaqblu li jinnotifikaw lil xulxin dwar kwalunkwe diżgrazzja jew tal-preżenza ta’ żejt jew sustanzi oħra perikolużi fil-Baħar tat-Tramuntana li x’aktarx jikkonstitwixxu theddida serja lill-kosta jew interess ieħor relatat ta’ kwalunkwe parti kontraenti oħra. Flimkien, żviluppaw format standard ta’ notifika għar-rappurtar ta’ inċidenti ta’ tniġġis.
    • Parti li tkun qed tiffaċċa inċident ta’ tniġġis tista’ titlob l-għajnuna mill-partijiet l-oħra. Bħala regola ġenerali, il-parti kontraenti li tippreżenta t-talba tħallas lura l-partijiet li jagħtuha l-għajnuna għall-ispejjeż ta’ kwalunkwe azzjoni li tittieħed.

    Implimentazzjoni

    Il-partijiet kontraenti jimplimentaw il-ftehim billi:

    • jżommu ż-żoni ta’ responsabbiltà tagħhom taħt sorveljanza minn theddid ta’ tniġġis tal-baħar, inkluż il-koordinazzjoni mill-ajru u sorveljanza bis-satellita;
    • jwissu lil xulxin dwar kwalunkwe theddid;
    • jadottaw approċċi operattivi komuni biex ikunu jistgħu jiddependu fuq xulxin sabiex jiksbu l-istandards ta’ prevenzjoni u tindif meħtieġa;
    • jappoġġaw lil xulxin (meta mitlub) f’operazzjonijiet ta’ reazzjoni;
    • il-qsim ta’ riċerka u żvilupp;
    • it-twettiq ta’ eżerċizzji konġunti.

    Baġit u segratarjat

    Kull parti kontraenti tikkontribwixxi 2.5 % lejn l-infiq annwali tal-ftehim u l-bilanċ tal-infiq jinqasam fost il-partijiet kontraenti (għajr l-UE) fi proporzjon mas-sehem tagħhom fid-dħul nazzjonali gross totali.

    Is-segratarjat tal-ftehim huwa bbażat f’Londra.

    DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

    Il-ftehim ta’ Bonn tal-1984 daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 1984.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    DOKUMENTI EWLENIN

    Il-Ftehim għall-kooperazzjoni fit-trattament tat-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana miż-żejt u sustanzi oħra perikolużi (il-Ftehim ta’ Bonn) (ĠU L 188, 16.7.1984, pp. 9-16)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 84/358/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1984 dwar l-Ilħuq tal-Ftehim għall-koperazzjoni dwar kif jiġi trattat it-tniġġiż tal-Baħar tat-Tramuntana bħala riżultat taż-żejt u ta’ sustanzi oħra perikolużi (ĠU L 188, 16.7.1984, pp. 7-8)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/176 tal-5 ta’ Frar 2021 dwar il-konklużjoni tal-emendi tal-Ftehim għall-kooperazzjoni fit-trattament tat-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana miż-żejt u sustanzi oħra perikolużi (Il-Ftehim ta’ Bonn) fir-rigward tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim u dwar l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja għal dak il-Ftehim (ĠU L 54, 16.2.2021, pp. 1-2)

    DOKUMENTI RELATATI

    Id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, pp. 58-78)

    l-aħħar aġġornament 26.04.2021

    Fuq