Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22014A0120(01)

    Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar il-programmi tas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni bis-Satellita

    Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar il-programmi tas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni bis-Satellita

     

    SOMMARJU TA’:

    Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Iżvizzera dwar il-programmi tas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni bis-Satellita

    Id-Deċiżjoni 2014/20/UE dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Iżvizzera dwar il-programmi tas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni bis-Satellita

    X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

    • Il-ftehim għandu l-għan li jħeġġeġ, jiffaċilita u jsaħħaħ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Iżvizzera fin-navigazzjoni satellitari taħt kontroll ċivili, u partikolarment billi l-Iżvizzera tieħu sehem f’programmi tas-sistema ċivili globali ta’ navigazzjoni bis-satellita(GNSS).
    • Deċiżjoni 2014/20/UE tapprova l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim f’isem l-UE.

    PUNTI EWLENIN

    Prinċipji ta’ kooperazzjoni

    L-UE u l-Iżvizzera jaqblu li japplikaw l-prinċipji li ġejjin għall-kooperazzjoni GNSS tagħhom:

    • li jakkwistaw benefiċċju reċiproku abbażi ta’ bilanċ ta’ drittijiet u obbligi inklużi l-kontribuzzjonijiet reċiproki flimkien ma’ aċċess għas-servizzi GNSS Ewropej kollha koperti bil-ftehim u għall-programm Galileo servizz pubbliku regolat (PRS) suġġett għal ftehim separat
    • opportunitajiet reċiproki għal kooperazzjoni fuq proġetti tal-UE u Żvizzeri GNSS;
    • qsim ta’ informazzjoni fil-ħin li tista’ taffettwa l-kooperazzjoni;
    • protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
    • libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ navigazzjoni satellitari fit-territorji taż-żewġ partijiet;
    • negozjar fil-prodotti GNSS mingħajr restrizzjoni fit-territorji taż-żewġ partijiet.

    L-ambitu tal-kooperazzjoni

    Il-partijiet jaqblu li jikkooperaw fis-setturi li ġejjin:

    • spettru tar-radju, protezzjoni tal-ispettru tan-navigazzjoni bir-radju minn tfixkil u interferenza, u kooperazzjoni kontinwa u appoġġ reċiproku bħala parti mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU);
    • riċerka xjentifika u taħriġ, il-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka konġunta u ta’ taħriġ, u l-kontribuzzjoni għal ippjanar futur ta’ żviluppi GNSS;
    • akkwist, li jsegwi impenji eżistenti bejn l-UE u l-Iżvizzera, u taħt il-Ftehim dwar l-Akkwist tal-Gvern tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);
    • kooperazzjoni industrijali inklużi impriżi konġunti, parteċipazzjoni trasversali u promozzjoni ta’ applikazzjonijiet u servizzi Galileo;
    • drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, biex tiffaċilita l-kooperazzjoni industrijali u tiżgura li d-drittijiet huma protetti fl-oqsma rilevanti, konformi mal-Ftehim dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati man-Kummerċ (TRIPS);
    • kontroll tal-esportazzjoni u non-proliferazzjoni ta’ teknoloġiji, data u punti maħsuba b’mod speċjali għal programmi GNSS Ewropej, ekwivalenti għal dawk fis-seħħ fl-UE;
    • żvilupp ta’ kummerċ u suq, inkluż il-promozzjoni ta’ kummerċ u investiment fl-infrastruttura tan-navigazzjoni satellitari tal-UE u tal-Iżvizzera, pożizzjonament u tagħmir tas-sinkronizzazzjoni, u l-użu tal-forum futur tal-utent GNSS biex tidentifika u tirrispondi b’mod effettiv għal ħtiġijiet tal-utent;
    • standards, ċertifikazzjoni u regolament li jenfasizzaw l-interoperabbiltà ta’ Galileo ma’ sistemi oħra GNSS u li jippromwovu l-użu innovattiv tiegħu għal skopijiet miftuħa, kummerċjali u siguri għal ħajja bħala standard dinji ta’ navigazzjoni u ta’ sinkronizzazzjoni;
    • sigurtà,, inklużi sistemi ta’ protezzjoni kontra użu ħażin, interferenza, tfixkil u atti ostili biex tassikura l-kontinwità, is-sigurtà u s-sikurezza ta’ servizzi ta’ navigazzjoni satellitari, infrastruttura relatata u assi kritiċi fit-territorji tal-partijiet;
    • qsim ta’ informazzjoni kkllassifikata, li tippermetti lill-Iżvizzera biex taqsam informazzjoni dwar il-programmi Ewropej GNSS ma’ dawk l-Istati Membri tal-UE li magħhom għandha ftehimiet bilaterali rilevanti, u biex tistabbilixxi qafas legali li jippermetti skambji ta’ informazzjoni kklassifikata fuq il-professjoni fit-teknoloġija tal-informazzjoni Galileo;
    • aċċess għal servizzi li jagħti lill-Iżvizzera aċċess għas-servizzi kollha GNSS Ewropej koperti mill-ftehim u għas-servizz pubbliku regolat Galileo (PRS) suġġett għal ftehim separat.

    Parteċipazzjoni tal-Iżvizzera

    • L-Iżvizzera għandha d-dritt li tipparteċipa fl-Aġenzija Ewropea GNSS, li mill-2021, bdiet tissejjaħ l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (EUSPA).
    • Rappreżentanti Żvizzeri jistgħu jipparteċipaw bħala osservaturi f’kumitajiet imwaqqfa biex jiġġestjonaw il-programmi Ewropej GNSS, inkluż il-Kumitat tal-Programm GNSS u l-Bord tas-Sigurtà GNSS u l-gruppi ta’ ħidma u t-task forces tagħhom.

    Kumitat konġunt u finanzjament

    • Il-Kumitat GNSS tal-UE/Żvizzera jikkonsisti f’rappreżentanti tal-partijiet. Dan hu responsabbli għal ġestjoni tal-ftehim, biex jagħmel rakkomandazzjonijiet u jilħaq deċiżjonijiet bi ftehim komuni.
    • L-Iżvizzera tikkontribwixxi għall-programm Ewropew GNSS ibbażat proporzjonalment fuq il-prodott domestiku gross tal-pajjiż relattiv għal dawk tal-Istati Membri.

    DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

    Il-ftehim applika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2014.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    DOKUMENTI PRINĊIPALI

    Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa waħda, u l-Kondeferazzjoni Żvizzera, fuq in-naħa l-oħra, fuq il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni Satellitari (ĠU L 15, 20.1.2014, pp. 3–17).

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/20/UE tat-23 Settembru 2013 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita (ĠU L 15, 20.1.2014, pp. 1–2).

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, pp. 69–148).

    Informazzjoni dwar id-data tal-iffirmar tal-Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, fuq in-naħa l-oħra, dwar il-prgrammi Ewropej ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (ĠU L 101, 4.4.2014, p. 1).

    l-aħħar aġġornament 02.06.2023

    Fuq