Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12012E309

    Il-prijoritajiet operattivi tal-Bank Ewropew tal-Investiment

    Status legali tad-dokument Dan is-sommarju ġie arkivjat u mhux se jiġi aġġornat, għaliex id-dokument imqassar ma għadux fis-seħħ jew ma jirriflettix is-sitwazzjoni attwali.

    Il-prijoritajiet operattivi tal-Bank Ewropew tal-Investiment

     

    SOMMARJU

    Bħala l-bank tal-UE, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jipprovdi finanzi u għarfien espert għal proġetti ta’ investiment sodi u sostenibbli fl-Ewropa u lil hinn. Proprjetà ta’ 28 pajjiż tal-UE, il-proġetti li jappoġġa jikkontribwixxu sabiex jitwettqu l-għanijiet ta’ politika tal-UE. Il-prijoritajiet tal-Bank biex javvanza huma riflessi fil-Pjan Korporattiv tal-Operat 2015–2017.

    X’JAGĦMEL IL-PJAN TAL-OPERAT 2015-2017?

    Approvat f’April 2015, dan jagħti dettalji dwar kif il-BEI qed jippjana li juża r-riżorsi tiegħu bl-aħjar mod biex jiffinanzja proġetti, inkluż l-appoġġ provdut taħt il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, mistenni li jiġi assigurat minn garanzija addizzjonali mill-baġit tal-UE.

    PUNTI EWLENIN

    Investiment sabiex tiġi rkuprata l-kompetittività tal-UE

    Il-BEI jibqa’ f’pożizzjoni tajba biex jappoġġa t-tkabbir tal-investiment, isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali, jappoġġa l-impjiegi u jaqdi rwol essenzjali fl-irkupru tal-kompetittività tal-UE.

    Dan ikompli jirrispondi ħafna għall-ambjent ekonomiku u jagħti prova tar-rwol tiegħu bħala l-“Bank tal-UE”. Dan ġie enfasizzat b’żieda fil-kapital ta’ EUR 10 biljun approvata fl-2012. Dan jippermetti l-finanzjament addizzjonali ta’ proġetti ta’ investiment vijabbli fil-firxa ta’ EUR 180 biljun bejn l-2013 u l-2015 fl-UE kollha, b’enfasi fuq proġetti bl-għan li jkun hemm tkabbir u impjiegi fuq perjodu twil. Il-BEI jinsab fi triqtu biex iwettaq dawn l-għanijiet, u anki jmur lil hinn minnhom, u beħsiebu jkompli bir-rwol katalitiku importanti tiegħu sabiex isolvi l-isfidi attwali ta’ investiment u kompetittività tal-UE.

    Il-BEI qed jippjana li jżomm volumi ta’ self sinifikanti matul il-perjodu 2015–2017, inkluża kontribuzzjoni antiċiklika ta’ daqs sinifikanti biex jappoġġa attivitajiet tal-investiment fl-UE.

    Barra mill-UE, il-Bank se jibqa’ impenjat fis-sod biex jappoġġa l-politika tal-UE u jkompli jippromwovi t-tkabbir immexxi mis-settur privat, kemm billi jappoġġa l-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs u l-infrastruttura ekonomika u soċjali tant meħtieġa billi jipprovdi appoġġ ta’ konsulenza u b’rabta mal-assistenza teknika.

    Sħubija Strateġika bejn il-BEI u l-Kummissjoni Ewropea

    Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huwa sħubija strateġika bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI li tintuża mill-Grupp BEI (Il-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment — FEI), sabiex jindirizza l-falliment tas-suq billi jgħin sabiex jitnaqqas ir-riskju inerenti fi proġetti biex jitħeġġeġ aktar investiment.

    Il-BEI sejjer jikkontribwixxi EUR 5 biljun għall-inizjattiva l-ġdida, flimkien ma’ garanzija ta’ EUR 16 biljun mill-baġit tal-UE. Dan se jippermetti li l-FEIS jillibera investiment addizzjonali ta’ mill-inqas EUR 315 biljun matul il-perjodu 2015-2017.

    Valur miżjud għoli tas-self

    Il-BEI isellef lil korpi tas-settur pubbliku u lil kumpaniji privati. Biex jirċievi l-appoġġ tagħna, il-proġett irid iwettaq l-għanijiet tal-UE u jkun sod mil-lat ekonomiku, tekniku, finanzjarju u ambjentali.

    SFOND

    Maħluq fl-1958, il-BEI huwa l-bank tal-UE għal self fit-tul. Fl-1994, ġie stabbilit il-FEI biex jappoġġa l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) b'rata għolja ta' tkabbir u/jew dak attivi f’teknoloġiji ġodda. Il-BEI huwa l-azzjonist maġġoritarju u l-operatur tal-FEI. Fis-sena 2000, inħoloq il-Grupp BEI, li jikkonsisti mill-BEI u l-FEI. Fi ħdan il-Grupp, il-BEI jagħti self tal-bank fuq perjodu medju u twil, filwaqt li l-FEI jispeċjalizza f’operazzjonijiet ta’ kapital ta’ riskju u fl-għoti ta’ garanziji għall-SMEs.

    ATT

    Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment: Pjan tal-Operat 2015-2017, 8 ta’ Mejju 2015

    ATTI RELATATI

    Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

    Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1–38)

    l-aħħar aġġornament 15.10.2015

    Fuq