Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02020A1204(01)-20201204

    Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi

    Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi

     

    SOMMARJU TA’:

    Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom

    Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1832 li tikkonkludi l-ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom

    Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1111 li tiffirma l-ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom

    X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONIJIET?

    • Il-ftehim għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) tal-UE elenkati fl-annessi tiegħu fl-UE u fiċ-Ċina, u li jsaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-IĠ bejn l-UE u ċ-Ċina.
    • Id-Deciżjoni (UE) 2020/1111 tapprova l-iffirmar tal-ftehim mill-UE u d-Deċiżjoni (UE) 2020/1832 tikkonkludi l-ftehim f’isem l-UE.

    PUNTI EWLENIN

    Indikazzjonijiet ġeografiċi

    • IĠ hija sinjal distintiv użat biex jidentifika prodott li l-kwalità, ir-reputazzjoni jew tali karatteristiċi oħra tiegħu huma relatati mal-oriġini ġeografika tiegħu.
    • L-IĠ jiffurmaw parti mill-iskemi tal-kwalità tal-UE stabbiliti fir-Regolamenti (UE) Nru 1151/2012 (ara s-sommarju), Nru 1308/2013 (ara s-sommarju) u Nru 2019/787 (ara s-sommarju).

    Kamp ta’ applikazzjoni

    • Il-ftehim japplika għar-rikonoxximent u għall-protezzjoni tal-IĠ għall-prodotti li joriġinaw fit-territorji tal-2 partijiet u elenkati fl-Annessi III, IV, V u VI tal-ftehim.
    • Iż-2 partijiet jaqblu li jikkunsidraw l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim biex jiġu inklużi IĠ addizzjonali.

    Indikazzjonijiet ġeografiċi stabbiliti

    • Il-ftehim jistabbilixxi l-elementi essenzjali għall-protezzjoni tal-IĠ, inklużi l-proċessi u l-kontrolli amministrattivi, u proċedura ta’ oppożizzjoni għall-protezzjoni ta’ utenti preċedenti tal-ismijiet.
    • L-ispeċifikazzjonijiet huma stabbiliti fl-Anness II.
    • Kull parti taqbel li tipproteġi l-IĠ tal-oħra. L-IĠ rispettivi huma stabbiliti fl-Annessi III, IV, V u VI tal-ftehim.

    Protezzjoni

    L-IĠ elenkati fl-annessi għall-ftehim huma protetti kontra:

    • kwalunkwe formulazzjoni jew preżentazzjoni li tindika jew tissuġġerixxi li l-prodott joriġina xi mkien ieħor mill-post veru tal-oriġini tiegħu;
    • kwalunkwe użu biex jiġi identifikat prodott komparabbli li ma joriġinax fil-post indikat mill-IĠ inkwistjoni, anke jekk tiġi indikata l-oriġini vera tal-merkanzija jew l-isem protett jiġi tradott, traskritt, traslitterat jew akkumpanjat minn espressjonijiet bħal “natura”, “tip”, “stil”, “imitazzjonijiet” jew simili;
    • kwalunkwe użu biex jiġi identifikat prodott komparabbli mhux konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-isem protett.

    Drittijiet

    Isem protett jista’ jintuża fuq kwalunkwe prodott leġittimu li jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-IĠ u mal-liġijiet tal-parti kkonċernata.

    Trademarks

    Iż-żewġ partijiet jaqblu li jannullaw jew jirrifjutaw li jirreġistraw trademark li tikser ir-regoli li jipproteġu l-IĠ, jekk applikazzjoni biex tiġi rreġistrata l-IĠ tkun saret qabel l-applikazzjoni tat-trademark.

    Implimentazzjoni

    Kumitat Konġunt, magħmul minn rappreżentanti miż-żewġ partijiet jissorvelja l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-ftehim.

    Kooperazzjoni

    Il-partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-ħsieb li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-impenji u l-obbligi meħuda fil-ftehim.

    DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

    Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2021.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    DOKUMENTI EWLENIN

    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom (ĠU L 408 I, 4.12.2020, pp. 3-43)

    L-emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1832 tat-23 ta’ Novembru 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom (ĠU L 408I, 4.12.2020, pp. 1-2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1111 tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-koperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom (ĠU L 244, 29.7.2020, p. 8)

    DOKUMENTI RELATATI

    Avviż dwar id-dħul fis-seħħ ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom (ĠU L 45, 9.2.2021, p. 1)

    Ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (ĠU L 130, 17.5.2019, pp. 1-54)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 671-854)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, pp. 1-29)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 05.05.2021

    Fuq