EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0473

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Marzu 2021.
Föreningen Skydda Skogen et vs Länsstyrelsen i Västra Götalands län et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vänersborgs tingsrätt, mark- och miljödomstolen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 12(1) – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Artikolu 5 – Forestrija – Projbizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-konservazzjoni tal-ispeċi protetti – Proġett ta’ qtugħ forestali definittiv – Sit li jospita l-ispeċi protetti.
Kawżi magħquda C-473/19 u C-474/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:166

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 12(1) – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Artikolu 5 – Forestrija – Projbizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-konservazzjoni tal-ispeċi protetti – Proġett ta’ qtugħ forestali definittiv – Sit li jospita l-ispeċi protetti”

Fil-Kawżi magħquda C‑473/19 u C‑474/19,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vänersborgs tingsrätt, mark- och miljödomstolen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vänersborg, il-Qorti għall-Kwistjonijiet Immobiljari u Ambjentali, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑12 u tat‑13 ta’ Ġunju 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Ġunju 2019, fil-proċeduri

Föreningen Skydda Skogen (C‑473/19)

Naturskyddsföreningen i Härryda,

Göteborgs Ornitologiska Förening (C‑474/19)

vs

Länsstyrelsen i Västra Götalands län,

B.A.B. (C‑473/19),

U.T.B. (C‑474/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, A. Kumin, T. von Danwitz u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Föreningen Skydda Skogen, minn E. Götmark,

għan-Naturskyddsföreningen i Härryda, minn J. Hort,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u L. Dvořáková, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson, C. Hermes u E. Ljung Rasmussen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Habitats”), u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Għasafar”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, il-Föreningen Skydda Skogen (l-Assoċjazzjoni “Ipproteġi l-Foresta”), in-Naturskyddsföreningen i Härryda (l-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tan-Natura ta’ Härryda) u l-Göteborgs Ornitologiska Förening (l-Assoċjazzjoni Ornitoloġika ta’ Göteborg) u, min-naħa l-oħra, l-Länsstyrelsen i Västra Götalands län (il-Bord Amministrattiv tad-Dipartiment ta’ Västra Götaland, l-Isvezja), B.A.B. u U.T.B. dwar deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tad-Dipartiment ta’ Västra Götaland li ma jaġixxix kontra dikjarazzjoni ta’ qtugħ fir-rigward ta’ żona forestali li tinsab fil-komun ta’ Härryda (l-Isvezja).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva dwar il-Habitats

3

Il-premessi 3, 4 u 6 tad-Direttiva dwar il-Habitats huma fformulati kif ġej:

“Billi, l-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tippromwovi l-manteniment ta’ biodiversità, billi tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli; billi l-manteniment ta’ dik il-biodiversità f’ċerti każijiet teħtieġ li jsiru, jew saħansitra jiġu mħajra, l-attivitajiet umani;

Billi, fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri, l-habitat naturali qed ikomplu jiddeterjoraw u dan qed ikun ta’ theddid serju għal għadd dejjem akbar ta’ speċi selvaġġi; billi minħabba li l-habitat mhedda u l-ispeċi huma parti mill-wirt naturali tal-Komunità u t-theddid lejhom huwa ta’ natura mingħajr konfini, jeħtieġ li jittieħdu miżuri fuq livell Komunitarju biex jiġu konservati;

[…]

Billi, sabiex ikun żgurat li l-habitat naturali u l-ispeċi li huma ta’ interess Komunitarju jkunu restawrati jew miżmuma sew f’livell favorevoli ta’ konservazzjoni, jeħtieġ li jiġu nominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni sabiex jinħoloq network Ekoloġiku Ewropew koerenti skond skeda speċifikata”.

4

Skont il-punti (i) u (m) tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(i)

l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2;

L-istat ta’ konservazzjoni jitqies ‘favorevoli’ meta:

l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni konċernata jindikaw li qed tieħu ħsieb tagħha nnifsha fit-tul bħala komponent vjabbli ta’ l-habitat naturali tagħha,

u

il-firxa naturali ta’ l-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas m’għandha xejra li titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli,

u

hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed biex iżomm il- popolazzjonijiet tagħha fit-tul;

[…]

(m)

kampjun tfisser kwalunkwe annimal jew pjanta, sew jekk ħaj jew mejjet, mill-ispeċi elenkati fl-Anness IV u fl-Anness V, kwalunkwe parti jew biċċa ġejja minnu, kif ukoll kwalunkwe prodott ieħor li jidher, minn dokument mehmuż magħhom, mill-ippakkjar jew mill-marka jew tikketta, jew minn kwalunkwe ċirkostanza oħra, li huwa partijiet jew biċċiet mill-annimali jew pjanti ta’ dawk l-ispeċi”.

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

6

L-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva jinqara kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a)

l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

(b)

tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

(ċ)

qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

(d)

deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.”

7

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats jiddisponi:

“Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u15 (a) u (b):

(a)

fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-habitat naturali;

(b)

biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

(ċ)

fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku u l-konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ l-akbar importanza għall-ambjent;

(d)

għall-għan tar-riċerka u l-edukazzjoni, biex tiġġedded il-popolazzjoni u biex jiġu introdotti mill-ġdid dawn l-ispeċi u għall-ħidmiet ta’ tgħammir meħtieġa għal dawn l-iskopijiet, inkluża l-propagazzjoni artifiċjali tal-pjanti;

(e)

biex ikun jista’ jsir, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, fuq bażi selettiva u għal ammont limitat, it-teħid jew iż-żamma ta’ ċerti kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness IV f’għadd limitat speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.”

8

Il-paragrafu (a) tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-Habitats isemmi, b’mod partikolari, ir-Rana arvalis, komunement imsejħa ż-żrinġ tal-art moxa, bħala speċi ta’ annimali ta’ interess Komunitarju li għandha tiġi protetta b’mod strett.

Id-Direttiva dwar l-Għasafar

9

Il-premessi 3 sa 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jinqraw kif ġej:

“(3)

Numru kbir ta’ speċi ta’ għasafar selvaġġi naturali li jinsabu fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri qed jonqsu fin-numru, f’ħafna każi b’mod mgħaġġel. Dan it-tnaqqis jirrapreżenta theddid serju għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali, partikolarment minħabba l-bilanċi bijoloġiċi mhedda minn dan.

(4)

L-ispeċi tal-għasafar selvaġġi naturali li jinsabu fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri huma prinċipalment speċi li jemigraw. Speċi bħal dawn jikkostitwixxu patrimonju komuni u l-protezzjoni effettiva tal-għasafar hija problema ambjentali tipikament transkonfinali li ġġib magħha responsabbiltajiet komuni.

(5)

Il-konservazzjoni tal-ispeċi tal-għasafar selvaġġi naturali li jinsabu fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri hija neċessarja biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Komunità rigward it-tmexxija ’l quddiem tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u l-iżvilupp sostenibbli.”

10

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“1.   Din id-Direttiva hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-għasafar, il-bajd, il-bejtiet u l-ambjent naturali tagħhom.”

11

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iżommu jew jadattaw il-popolazzjoni tal-ispeċi kollha msemmija fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali.”

12

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.   Fid-dawl tal-ħtiġiet msemmija fl-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippreżervaw, imantnu jew jistabbilixxu mill-ġdid diversità u żoni ta’ ambjent naturali suffiċjenti għall-ispeċi kollha tal-għasafar msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Il-preżervazzjoni, iż-żamma u l-istabbiliment mill-ġdid tal-bijotopi u l-ambjent naturali għandhom jinkludu primarjament il-miżuri li ġejjin:

(a)

kreazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni;

(b)

żamma u l-iżvilupp bi qbil mal-bżonnijiet ekoloġiċi tal-ambjent naturali ġewwa u barra ż-żoni ta’ protezzjoni;

(c)

l-istabbiliment mill-ġdid tal-bijotopi meqruda;

(d)

kreazzjoni ta’ bijotopi.”

13

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Għasafar:

“1.   L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

[…]

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.

[…]

4.   Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.”

14

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1, li tipprojbixxi partikolarment:

(a)

il-qtil u l-qabda intenzjonata bi kwalunkwe metodu;

(b)

il-qerda, jew il-ħsara intenzjonata lill-bejtiet u l-bajd tagħhom jew it-tneħħija tal-bejtiet tagħhom;

(c)

teħid tal-bajd tagħhom fis-salvaġġ u ż-żamma ta’ dawn il-bajd anke jekk vojta;

(d)

it-tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-għasafar partikolarment waqt il-perjodu tat-tgħammir u tkabbir, sakemm dan it-tfixkil jista jkun sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva;

[…]”

15

L-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet tal-Artikoli 5 sa 8, fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

fl-interess tas-saħħa u s-siġurtà tal-pubbliku;

fl-interess tas-sigurtà tal-ajru;

biex ikunu prevenuti l-ħsarat serji tal-uċuħ, tal-bhejjem, tal-foresti, tas-sajd u tal-ilma;

għall-protezzjoni tal-flora u l-fawna;

(b)

għal għanijiet tar-riċerka u t-tagħlim, tar-ripopolazzjoni, l-introduzzjoni mill-ġdid u għat-tagħmir neċessarju għal dawn l-għanijiet;

(c)

biex jippermettu, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, il-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar.”

16

L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Għasafar huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri protettivi aktar stretti minn dawk li hemm previsti f’din id-Direttiva.”

Id-dritt Svediż

17

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-artskyddsförordningen (2007:845) (id-Digriet dwar il-Protezzjoni tal-Ispeċi (2007:845), iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar il-Protezzjoni tal-Ispeċi”), li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 8 tal-miljöbalken, lag (1998:808) (il-Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi tal-Ambjent (1998:808)) għall-finijiet tat-traspożizzjoni fid-dritt Svediż tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat‑2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98), li l-kliem tiegħu ġew riprodotti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, li ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva 79/409, u tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Habitats, jiddisponi:

“Huma pprojbiti fir-rigward tal-għasafar selvaġġi, kif ukoll speċi ta’ annimali selvaġġi mmarkati bis-sinjal ‘N’ jew ‘n’ fl-Anness 1 ta’ dan id-digriet:

1.

il-qbid jew il-qtil intenzjonat ta’ annimali;

2.

tfixkil intenzjonat ta’ annimali, speċjalment matul il-perijodu ta’ tgħammir, dipendenza, ibernazzjoni u migrazzjoni tagħhom;

3.

il-qerda jew il-ġbir intenzjonat tal-bajd mill-ambjent naturali, u

4.

id-deterjorazzjoni jew id-distruzzjoni tas-siti ta’ tgħammir jew tas-siti ta’ mistrieħ tal-annimali.

Il-projbizzjonijiet japplikaw għall-istadji kollha tal-ħajja tal-annimali.

[…]”

18

B’hekk, il-punti 1 sa 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jittrasponu l-atti intenzjonali pprojbiti fl-Artikolu 5(a) sa (d) tad-Direttiva dwar l-Għasafar u fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Il-punt 4 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-imsemmi digriet jittrasponi, min-naħa tiegħu, l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

19

L-Anness 1 tad-Digriet dwar il-Protezzjoni tal-Ispeċi jinkludi l-lista tal-ispeċi kollha elenkati fl-Annessi I sa III tad-Direttiva dwar l-Għasafar kif ukoll fl-Annessi II, IV u V tad-Direttiva dwar il-Habitats.

20

Mill-Artikolu 30 tal-iskogsvårdslagen (1979:429) (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Foresti (1979:429)) jirriżulta li l-gvern jew l-awtorità amministrattiva nnominata minnu jistgħu joħorġu struzzjonijiet dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ambjent naturali, b’mod partikolari, li huwa meħtieġ fil-kuntest tal-ġestjoni tal-foresti.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

21

Dikjarazzjoni ta’ qtugħ li tikkonċerna żona forestali li tinsab fil-komun ta’ Härryda ġiet ippreżentata lis-Skogsstyrelsen (id-Direttorat Nazzjonali tal-Foresti, l-Isvezja). Din id-dikjarazzjoni tirrigwarda l-qtugħ definittiv, li jfisser it-tneħħija ta’ kważi s-siġar kollha.

22

Id-Direttorat Nazzjonali tal-Foresti ta opinjoni dwar il-miżuri ta’ prekawzjoni rrakkomandati f’dan il-każ partikolari u qies li, sakemm l-opinjoni tiegħu tiġi segwita, l-attività deskritta f’din id-dikjarazzjoni ma tmur kontra ebda waħda mill-projbizzjonijiet previsti mid-Digriet dwar il-Protezzjoni tal-Ispeċi.

23

Kif jirriżulta mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, iż-żona forestali kkonċernata mid-dikjarazzjoni inkwistjoni hija l-habitat naturali ta’ speċi protetti mid-Digriet dwar il-Protezzjoni tal-Ispeċi. Issa, l-attività ta’ sfruttament forestali ppjanata f’din iż-żona ser ikollha l-konsegwenza li xi kampjuni ta’ dawn l-ispeċi protetti ser jiġu mfixkla jew maqtula. Barra minn hekk, il-bajd tal-imsemmija speċi li jinsabu fl-imsemmija żona ser jinqered.

24

Fit‑22 ta’ Diċembru 2016 u fis‑17 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali talbu lill-Bord Amministrattiv tad-Dipartiment ta’ Västra Götaland, responsabbli mill-kontroll tal-protezzjoni tal-ispeċi f’dan id-dipartiment, sabiex jaġixxi kontra d-dikjarazzjoni ta’ qtugħ u l-opinjoni tad-Direttorat Nazzjonali tal-Foresti. Huma jqisu li l-qtugħ ippjanat imur kontra l-projbizzjonijiet previsti mid-Digriet dwar il-Protezzjoni tal-Ispeċi u talbu, b’mod partikolari, li l-imsemmi bord jeżerċita l-funzjoni tiegħu ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni ta’ dan id-digriet.

25

Il-Bord Amministrattiv tad-Dipartiment ta’ Västra Götaland iddeċieda li ma kienx meħtieġ li teżamina n-neċessità ta’ eżenzjoni mill-applikazzjoni tad-Digriet dwar il-Protezzjoni tal-Ispeċi, li jippreżumi li l-attività ppjanata, sakemm tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ prekawzjoni rrakkomandati fl-opinjoni tad-Direttorat Nazzjonali tal-Foresti, kif imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, ma tmur kontra ebda waħda mill-imsemmija projbizzjonijiet. Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali għalhekk ippreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tad-Dipartiment ta’ Västra Götaland li ma jadottax miżuri ta’ kontroll.

26

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, minn naħa, li l-Artikolu 4 tad-Digriet dwar il-Protezzjoni tal-Ispeċi jimplimenta kemm l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar kif ukoll l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Habitats b’tali mod li dan id-digriet, fir-rigward tal-portata tal-projbizzjonijiet, ma jagħmilx distinzjoni bejn l-ispeċi li jaqgħu taħt waħda jew oħra minn dawn id-direttivi u li l-projbizzjoni tad-deterjorazzjoni jew tal-qerda ta’ siti ta’ tgħammir jew ta’ postijiet ta’ mistrieħ prevista mid-Direttiva dwar il-Habitats testendi wkoll, skont id-dritt nazzjonali, għall-għasafar. Fil-fehma tagħha, din it-traspożizzjoni ma tqajjem l-ebda kontroversja peress li d-Direttiva dwar l-Għasafar hija direttiva ta’ armonizzazzjoni minima adottata abbażi tal-Artikolu 175(1) KE.

27

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju żżid li l-kawżi li fir-rigward tagħhom hija għandha tiddeċiedi jikkonċernaw l-impatt tal-attività forestali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fuq ċertu numru ta’ speċi ta’ għasafar li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar, li diversi minnhom huma msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva, kif ukoll fuq l-ispeċi Rana arvalis, komunement imsejħa ż-żrinġ tal-art moxa, imsemmija fil-paragrafu (a) tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-Habitats, li tibbenefika mill-protezzjoni stretta prevista minn din id-direttiva u li tinsab fiż-żona ta’ qtugħ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li dawn l-ispeċi probabbilment jużaw iż-żona kkonċernata bħala siti ta’ tgħammir. Issa, dawn tal-aħħar ser jiġu meqruda jew iddeterjorati permezz tal-qtugħ ippjanat.

28

L-imsemmija qorti għalhekk tqis li l-interpretazzjoni ta’ ċerti kunċetti tad-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Habitats hija neċessarja għaliha sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kwistjonijiet imqajma quddiemha u sabiex tivverifika, f’dan il-kuntest, il-kompatibbiltà tal-ġurisprudenza nazzjonali magħhom li teħtieġ li, meta attività jkollha għan differenti minn dak previst mill-projbizzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija direttivi, din l-attività jkollha toħloq riskju ta’ effett negattiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernati sabiex dawn il-projbizzjonijiet japplikaw għaliha.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vänersborgs tingsrätt, mark- och miljödomstolen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vänersborg, il-Qorti għall-Kwistjonijiet Immobiljari u Ambjentali, l-Isvezja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi f’kull waħda mill-Kawżi C‑473/19 u C‑474/19:

“1)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva [dwar l-Għasafar] għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi prassi nazzjonali li timplika li l-projbizzjoni tkopri biss dawk l-ispeċji li huma elenkati fl-Anness 1 [ta’ din id-direttiva], jew li huma f’xi livell ta’ riskju, jew li jsofru minn tnaqqis fil-popolazzjoni fuq bażi twila ta’ żmien?

2)

It-termini ‘qtil/tfixkil/qerda intenzjonata’ fl-Artikolu 5(a) sa (d) tad-Direttiva [dwar l-Għasafar] u fl-Artikolu 12(a) sa (c) tad-Direttiva [dwar il-Habitats] għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu prassi nazzjonali li fiha, jekk l-għan tal-miżuri jkun manifestament differenti mill-qtil jew mit-tfixkil tal-ispeċi (pereżempju, miżuri ta’ qtugħ tas-siġar għall-injam jew żvilupp tal-art), għandu jkun hemm riskju ta’ effetti negattivi fuq l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkawżati mill-miżuri sabiex jiġu applikati il-projbizzjonijiet?

L-ewwel u t-tieni domanda huma magħmula fil-kuntest, inter alia, fejn:

l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-[Għasafar] huwa intiż għall-protezzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1(1),

l-Artikolu 1(m) tad-Direttiva dwar il-[Habitats] jiddefinixxi ‘kampjun’,

huwa biss fil-kuntest tad-derogi skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-[Habitats] li l-kwistjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċi (id-derogi jeżiġu li ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti oħra u li l-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati jkunu jistgħu jgħixu fi status ta’ konservazzjoni favorevoli mingħajr dannu fil-firxa naturali tagħhom) jew skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-[Għasafar] (id-derogi ma jistgħux ikunu inkompatibbli ma’ din id-direttiva, li fl-Artikolu 2 tagħha tobbliga lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex iżommu l-popolazzjonijiet tal-ispeċi kollha msemmija fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali).

3)

Jekk ir-risposta għal xi parti mit-tieni domanda hija li l-ħsara f’livell li ma huwiex il-livell individwali għandha tiġi evalwata sabiex tkun applikabbli l-projbizzjoni, l-evalwazzjoni għandha għaldaqstant titwettaq fuq xi waħda min dawn l-iskali jew f’xi wieħed minn dawn il-livelli:

a.

ċerta parti mill-popolazzjoni li hija ristretta ġeografikament kif iddefinita taħt (a), pereżempju fi ħdan il-konfini tar-reġjun, tal-Istat Membru jew tal-Unjoni Ewropea;

b.

il-popolazzjoni lokali kkonċernata (bijoloġikament iżolata minn popolazzjonijiet oħra tal-ispeċi);

c.

il-meta-popolazzjoni kkonċernata;

d.

il-popolazzjoni kollha tal-ispeċi fi ħdan it-taqsima reġjonali bijoġeografika rilevanti tal-firxa tal-ispeċi?

4)

Il-frażi ‘deterjorazzjoni jew qerda’ inkonnessjoni mas-siti tat-tgħammir tal-annimali fl-Artikolu 12(d) tad-Direttiva [dwar il-Habitats] għandha tiġi interpretata bħala li teskludi prassi nazzjonali li timplika li, minkejja l-miżuri kawtelatorji, il-funzjonalità ekoloġika kontinwa […] tal-ħabitat tal-ispeċi kkonċernati intilfet, irrispettivament minn jekk dan seħħx bi ħsara, qerda jew deterjorazzjoni, direttament jew indirettament, individwalment jew kollettivament, b’tali mod li l-projbizzjoni tiġi applikata biss jekk teżisti probabbiltà ta’ deterjorazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernati, f’wieħed mil-livelli msemmija fid-domanda 3?

5)

Jekk ir-risposta għar-raba’ domanda hija fin-negattiv, jiġifieri li l-livell ta’ ħsara li ma huwiex wieħed li jwassal sabiex il-ħabitat fiż-żona individwali tiġi evalwata sabiex tiġi applikata il-projbizzjoni, l-evalwazzjoni b’hekk għandha titwettaq fuq xi waħda min dawn l-iskali jew f’xi wieħed minn dawn il-livelli:

a.

ċerta parti mill-popolazzjoni li hija ristretta ġeografikament kif iddefinita taħt (a), pereżempju fi ħdan il-konfini tar-reġjun, tal-Istat Membru jew tal-Unjoni Ewropea;

b.

il-popolazzjoni lokali kkonċernata (bijoloġikament iżolata minn popolazzjonijiet oħra tal-ispeċi);

c.

il-meta-popolazzjoni kkonċernata;

d.

il-popolazzjoni kollha tal-ispeċi fi ħdan it-taqsima reġjonali bijoġeografika rilevanti tal-firxa tal-ispeċi?

Id-domandi 2 u 4 […] jinkludu d-domanda dwar jekk il-protezzjoni stretta fid-[Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Habitats] tieqafx tkun applikabbli għal speċi li fir-rigward tagħhom ikun intlaħaq l-iskop tad-[Direttiva dwar il-Habitats] (status ta’ konservazzjoni favorevoli).”

30

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Lulju 2019, il-Kawżi C‑473/19 u C‑474/19 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali li permezz tagħha l-projbizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jikkonċernaw biss l-ispeċi li huma elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, dawk li huma f’xi livell ta’ riskju jew li jsofru minn tnaqqis fil-popolazzjoni fuq bażi twila ta’ żmien.

32

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Grand hamster), C‑477/19, EU:C:2020:517, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, bla ħsara għall-Artikoli 7 u 9 tagħha, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni tal-ispeċi kollha ta’ għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva li tinkludi b’mod partikolari l-projbizzjonijiet esposti fl-imsemmi Artikolu 5.

34

Issa, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva dwar l-Għasafar tikkonċerna “il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat”.

35

L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jeżiġi għalhekk li l-Istati Membri jadottaw qafas leġiżlattiv eżawrjenti u effettiv, bl-implimentazzjoni, bħalma jipprevedi l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Habitats, ta’ miżuri konkreti u speċifiċi ta’ protezzjoni li għandhom jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza effettiva tal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, li huma essenzjalment maħsuba sabiex jiġu protetti s-siti ta’ tgħammir u l-postijiet ta’ mistrieħ tal-għasafar koperti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 252).

36

Għaldaqstant, mit-termini ċari u inekwivoċi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jirriżulta li l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma hija rriżervata għall-ispeċi elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, jew li huma f’xi livell ta’ riskju jew li jsofru minn tnaqqis fil-popolazzjoni fuq bażi twila ta’ żmien.

37

Għandu jiġi rrilevat, fit-tieni lok, li la l-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar u lanqas l-għan u l-iskop ta’ din id-direttiva ma jippermettu li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jiġi limitat għat-tliet kategoriji ta’ speċi ta’ għasafar imsemmija mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 191(2) TFUE, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha l-għan li tikseb livell għoli ta’ protezzjoni. Barra minn hekk, hija bbażata b’mod partikolari fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva kif ukoll fuq il-prinċipju li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tiġi indirizzata f’ras il-għajn.

39

Kif jirriżulta mill-premessi 3 sa 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, numru kbir ta’ speċi ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri huma suġġetti għal tnaqqis fil-popolazzjoni tagħhom li jikkostitwixxi perikolu serju għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali. Għaldaqstant, il-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi ta’ għasafar, li fil-biċċa l-kbira huma speċi migratorji u li jikkostitwixxu għalhekk patrimonju komuni, hija neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni f’termini ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja.

40

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li d-Direttiva dwar l-Għasafar, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jinkludi l-ispeċi kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalih japplika t-Trattat, tipprevedi, fl-Artikolu 2 tagħha, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex iżommu jew jadattaw il-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi kollha ta’ għasafar f’livell li jikkorrispondi b’mod partikolari għal rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, fid-dawl ta’ rekwiżiti ekonomiċi u rikreazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, Royal Society for the Protection of Birds, C‑44/95, EU:C:1996:297, punt 3).

41

Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jimponi fuq l-Istati Membri obbligi ta’ natura ġenerali, li jikkonsistu f’li tiġi żgurata diversità u spazju suffiċjenti ta’ habitats li jikkonċernaw, bħall-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, l-ispeċi kollha ta’ għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-ispeċi kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalih japplika t-Trattat.

42

Id-determinazzjoni ta’ dan il-kamp ta’ applikazzjoni hija marbuta mal-importanza ta’ protezzjoni eżawrjenti u effettiva tal-għasafar selvaġġi ġewwa l-Unjoni kollha, irrispettivament mill-post ta’ soġġorn jew żona ta’ passaġġ tagħhom u b’hekk indipendentement mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jiddeterminaw il-protezzjoni tal-għasafar selvaġġi skont il-kunċett ta’ patrimonju nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 1988, Il‑Kummissjoni vs Franza, 252/85, EU:C:1988:202, punt 15).

43

L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jinkludi, min-naħa tiegħu, sistema ta’ protezzjoni speċifikament immirati u msaħħa li tinkludi obbligi partikolari fir-rigward b’mod partikolari tal-ispeċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, Royal Society for the Protection of Birds, C‑44/95, EU:C:1996:297, punti 1923), li tikkonsisti fit-teħid ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw il-habitat tagħhom sabiex jiġu żgurati s-sopravvivenza tagħhom u t-tgħammir tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw b’mod partikolari l-iktar territorji adattati fin-numru u fid-daqs bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni tal-ispeċi imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika l-imsemmija direttiva.

44

Mill-banda l-oħra, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, li l-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernati jaqgħu taħt l-Anness I ta’ din id-direttiva, li jkunu f’xi livell ta’ riskju jew li l-popolazzjoni tagħhom tkun qiegħda tonqos fuq bażi twila ta’ żmien.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali li permezz tagħha l-projbizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jikkonċernaw biss l-ispeċi li huma elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, dawk li huma f’xi livell ta’ riskju jew li jsofru minn tnaqqis fil-popolazzjoni fuq bażi twila ta’ żmien.

Fuq it-tieni domanda

46

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-Digriet dwar il-Protezzjoni tal-Ispeċi, fir-rigward tal-portata tal-projbizzjonijiet intenzjonali, ta’ qbid jew ta’ qtil u ta’ tfixkil ta’ speċi ta’ annimali kif ukoll ta’ qerda jew ta’ ġbir tal-bajd, li jinsabu fl-Artikolu 4 tiegħu, ma jagħmilx distinzjoni bejn l-ispeċi li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar il-Habitats u dawk li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, b’mod partikolari, li l-punti 1 sa 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jittrasponu l-atti intenzjonali hekk ipprojbiti fl-Artikolu 5(a) sa (d) tad-Direttiva dwar l-Għasafar u fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar l-Habitats.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ protezzjoni iktar stretti minn dawk stabbiliti minn din id-direttiva (sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura, C‑2/10, EU:C:2011:502, punt 49).

48

Għaldaqstant, u sa fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata li mid-Digriet dwar il-Protezzjoni tal-Ispeċi jirriżulta li l-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats jestendu għall-għasafar, l-eżami tat-tieni domanda għandu jkun limitat għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, jipprekludi prassi nazzjonali li tipprovdi li, meta s-suġġett tal-attività umana, bħal attività ta’ sfruttament forestali jew ta’ żvilupp tal-art, ikun manifestament differenti mill-qtil jew mit-tfixkil ta’ speċi ta’ annimali, il-projbizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni japplikaw biss fil-każ ta’ riskju ta’ effett negattiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija dispożizzjoni ma tibqax tapplika għall-ispeċi li jkunu laħqu stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

50

Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fil-paragrafu (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, fil-firxa naturali tagħhom, filwaqt li jipprojbixxi l-qbid jew il-qtil intenzjonat ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċi, it-tfixkil intenzjonat tagħhom jew il-qerda jew il-ġbir intenzjonat tal-bajd tagħhom.

51

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex il-kundizzjoni dwar in-natura intenzjonali li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva dwar il-Habitats tkun issodisfatta, għandu jiġi stabbilit li l-awtur tal-att ried il-qbid jew il-qtil ta’ kampjun ta’ speċi ta’ annimali protett jew, tal-inqas, aċċetta l-possibbiltà ta’ tali qbid jew qtil (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑221/04, EU:C:2006:329, punt 71). L-istess konstatazzjoni tapplika għall-projbizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 12(1)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva.

52

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala tfixkil intenzjonat, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva dwar il-Habitats, fatti bħaċ-ċirkulazzjoni ta’ roti b’mutur fuq ix-xatt minkejja twissijiet dwar il-preżenza ta’ bejtiet ta’ fkieren tal-baħar protetti u l-preżenza ta’ dgħajjes bil-pedali u dgħajjes żgħar fiż-żona marittima tax-xtut ikkonċernati, u ddeċidiet li Stat Membru jonqos mill-obbligi li huwa għandu skont l-Artikolu 12(1)(b) ta’ din id-direttiva fil-każ fejn ma jiħux il-miżuri konkreti kollha li huma meħtieġa sabiex jiġi evitat it-tfixkil intenzjonat tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata matul il-perijodu ta’ tgħammir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑221/04, EU:C:2006:329, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Għaldaqstant, il-projbizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats jistgħu japplikaw għal attività, bħal attività ta’ sfruttament forestali jew ta’ żvilupp tal-art, li s-suġġett tagħha huwa manifestament differenti mill-qbid jew mill-qtil, mit-tfixkil ta’ speċi ta’ annimali jew mill-qerda jew mit-teħid intenzjonat tal-bajd.

54

Fir-rigward tar-rilevanza tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi ta’ annimali fil-kuntest tal-Artikolu 12(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats, għandu jiġi rrilevat li n-neċessità li jitwettaq eżami tas-sitwazzjoni fuq il-livell tal-membri individwali tal-ispeċi kkonċernata tirriżulta mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, li timponi fuq l-Istati Membri li jipprojbixxu ċerti atti li jaffettwaw “kampjuni” jew “bajd” ta’ speċi ta’ annimali.

55

Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “stat ta’ konservazzjoni ta’ speċi”, li tinsab fl-Artikolu 1(i) ta’ din id-direttiva, tirreferi espressament għall-“abbundanza tal-popolazzjonijiet [ta’ speċi]” u mhux għas-sitwazzjoni partikolari ta’ individwu jew ta’ kampjun tal-imsemmija speċi, b’tali mod li dan l-istat ta’ konservazzjoni huwa ddeterminat jew evalwat b’mod partikolari fir-rigward tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati.

56

Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva dwar il-Habitats li tinkludi l-projbizzjoni tat-tfixkil intenzjonat tal-ispeċi, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ tgħammir, ta’ dipendenza, ta’ ibernazzjoni u ta’ migrazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn din hija intiża sabiex tenfasizza l-importanza ikbar tal-imsemmija projbizzjoni matul il-perijodi li matulhom il-kampjuni jkunu partikolarment vulnerabbli, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-kapaċità jew tas-suċċess tat-tgħammir tagħhom, u li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha għalhekk jista’ partikolarment jaffettwa l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata b’mod negattiv, din id-dispożizzjoni, skont il-formulazzjoni tagħha stess, b’hekk ma tipprekludix li l-attivitajiet li ma jwasslux għal tali riskju jistgħu, skont il-każ, jaqgħu taħtha.

57

Minn dan isegwi li l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li attività partikolari jista’ jkollha effett negattiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata.

58

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-effett ta’ attività fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata huwa, mill-banda l-oħra, rilevanti fil-kuntest tad-derogi adottati skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-Habitats.

59

Fil-fatt, huwa fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn id-derogi li ssir evalwazzjoni kemm tal-effett tal-attività inkwistjoni fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati, kemm tan-neċessità ta’ din l-attività kif ukoll tas-soluzzjonijiet alternattivi sabiex jintlaħaq l-għan invokat insostenn tad-deroga mitluba.

60

Issa, il-fatt li l-applikabbiltà tal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats tkun suġġetta għar-riskju ta’ effett negattiv tal-attività inkwistjoni fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata jista’ jwassal għal evitar tal-eżami previst taħt l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva u jkollu, għalhekk, l-effett li jċaħħad dan l-artikolu, kif ukoll id-dispożizzjonijiet derogatorji u l-kundizzjonijiet restrittivi li jirriżultaw minnu, mill-effett utli tagħhom. Tali interpretazzjoni ma tistax titqies li hija konformi kemm mal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza kif ukoll mal-livell ogħla ta’ protezzjoni tal-kampjuni tal-ispeċi ta’ annimali u tal-bajd imsemmi fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tal-imsemmija direttiva.

61

Għalhekk, kemm il-formulazzjoni kif ukoll il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jeskludu li l-applikabbiltà tal-projbizzjonijiet imsemmija fl-imsemmija dispożizzjoni għal attività, bħal attività ta’ sfruttament forestali jew ta’ żvilupp tal-art, tkun suġġetta għar-riskju ta’ effett negattiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernati, filwaqt li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Habitats.

62

F’dan ir-rigward, mit-tielet premessa tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, peress li l-għan ewlieni tagħha huwa li tippromwovi l-manteniment tal-bijodiversità, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, hija tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ iżvilupp sostenibbli.

63

F’dan il-kuntest, is-sitt premessa tad-Direttiva dwar il-Habitats tippreċiża li, sabiex jiġi żgurat li l-habitats naturali u l-ispeċi li huma ta’ interess Komunitarju jiġu rrestawrati jew miżmuma sew fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, għandhom jiġu nnominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni sabiex jinħoloq network ekoloġiku Ewropew koerenti skont skeda speċifikata.

64

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats, din għandha l-għan li tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, il-miżuri meħuda għal dan l-għan huma intiżi sabiex “iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità”.

65

Għaldaqstant, mill-imsemmija għanijiet jirriżulta wkoll li, sa fejn id-Direttiva dwar il-Habitats tipprevedi wkoll iż-“żamma” ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli, għandu jiġi kkunsidrat li l-ispeċi li laħqu tali stat ta’ konservazzjoni għandhom jiġu protetti kontra kull deterjorazzjoni ta’ dan l-istat.

66

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni li tipprevedi din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-ispeċi li jkunu laħqu stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

67

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) ta’ din id-direttiva, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, b’mod partikolari, jekk l-ispeċi ta’ annimali koperti mill-imsemmija direttiva, kif imsemmija fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, humiex preżenti fiż-żona ta’ qtugħ inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ispeċi Rana arvalis, komunement imsejħa ż-żrinġ tal-art moxa, probabbilment għandha, kif tippreċiża l-qorti tar-rinviju, il-habitat naturali tagħha fiż-żona koperta mid-dikjarazzjoni ta’ qtugħ inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Din l-ispeċi tinsab fost l-ispeċi ta’ annimali protetti mid-Direttiva dwar il-Habitats li huma suġġetti għal protezzjoni stretta skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva.

69

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li, fiż-żona inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandhom il-habitat naturali tagħhom minn tal-inqas l-ispeċi Tetrao urogallus, komunement imsejħa s-serduq selvaġġ, Pernis apivorus, komunement imsejħa l-kuċċarda, u Accipiter gentilis, komunement imsejħa l-isparvier tal-ħamiem, li jinsabu kollha fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Għasafar u li għalhekk jikkostitwixxu speċi ta’ għasafar l-iktar mhedda.

70

Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet li fihom għandu jsir il-qtugħ inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jaqgħux taħt prattiki ta’ ġestjoni forestali preventivi u sostenibbli kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ konservazzjoni li jirriżultaw mid-Direttiva dwar il-Habitats.

71

Din il-qorti tirrileva b’mod partikolari li hija għandha tiddetermina sa fejn il-prekawzjonijiet irrakkomandati mid-Direttorat Nazzjonali tal-Foresti jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskju ta’ dannu fuq livell tali li l-attività inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tibqax taqa’ taħt il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tad-Digriet dwar il-Protezzjoni tal-Ispeċi u jekk humiex meħtieġa miżuri ta’ prekawzjoni addizzjonali sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dawn il-projbizzjonijiet.

72

F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ebda pjan volontarju ta’ forestrija ma ġie evalwat mid-Direttorat Nazzjonali tal-Foresti fil-kuntest tat-trattament tad-dikjarazzjoni ta’ qtugħ inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni nazzjonali ma vverifikatx jekk dan il-qtugħ jistax isir b’osservanza sħiħa tal-projbizzjonijiet previsti mid-Digriet dwar il-Protezzjoni tal-Ispeċi.

73

Barra minn hekk, l-opinjoni tad-Direttorat Nazzjonali tal-Foresti ma hijiex vinkolanti għas-sid tal-art u l-ebda sanzjoni kriminali ma hija prevista fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kunsiderazzjonijiet preskritti minn din l-opinjoni. Skont ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, din l-opinjoni, fi kwalunkwe każ, ma tinkludix informazzjoni dwar jekk l-ispeċi protetti jgħixux fiż-żona milquta mill-qtugħ, minkejja li huma kienu ġibdu l-attenzjoni tal-imsemmi direttorat għall-preżenza tagħhom fl-imsemmija żona. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ qtugħ inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, din ma tindikax il-perijodu tas-sena li matulha ser isir dan il-qtugħ.

74

L-Assoċjazzjoni “Ipproteġi l-Foresta” tippreċiża, barra minn hekk, li jekk iż-żona forestali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tkun is-suġġett ta’ qtugħ skont l-opinjoni mogħtija mid-Direttorat Nazzjonali tal-Foresti, l-ambjent forestali jisparixxi, li jwassal ukoll għall-għibien ta’ parti mill-habitats naturali tal-ispeċi protetti li huma preżenti hemmhekk u b’hekk jipperikola s-sopravvivenza tagħhom fuq bażi twila ta’ żmien.

75

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats jimponi fuq l-Istati Membri mhux biss li jadottaw qafas leġiżlattiv komplet, iżda wkoll li jimplimentaw miżuri konkreti u speċifiċi ta’ protezzjoni. Bl-istess mod, tali sistema ta’ protezzjoni stretta teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva. Din is-sistema ta’ protezzjoni stretta għandha għaldaqstant tippermetti li tiġi evitata b’mod effettiv il-ħsara lill-ispeċi ta’ annimali protetti kif stabbiliti f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Alianța pentru combaterea abuzurilor, C‑88/19, EU:C:2020:458, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

Fil-fatt, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Habitats, huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti jkunu f’pożizzjoni li jantiċipaw l-attivitajiet li ser ikunu ta’ ħsara għall-ispeċi protetti minn din id-direttiva, fejn, f’dan ir-rigward, ftit jimporta jekk is-suġġett tal-attività inkwistjoni jikkonsistix fil-qtil jew fit-tfixkil ta’ dawn l-ispeċi.

77

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-attivitajiet ta’ sfruttament forestali bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali humiex ibbażati fuq approċċ preventiv li jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernati u jekk dawn humiex ippjanati u eżegwiti b’mod li ma jiksirx il-projbizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, rekwiżiti ekonomiċi, soċjali, kulturali, reġjonali u lokali.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, jipprekludi prassi nazzjonali li tipprovdi li, meta s-suġġett tal-attività umana, bħal attività ta’ sfruttament forestali jew ta’ żvilupp tal-art, ikun manifestament differenti mill-qtil jew mit-tfixkil ta’ speċi ta’ annimali, il-projbizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni japplikaw biss fil-każ ta’ riskju ta’ effett negattiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija dispożizzjoni ma tibqax tapplika għall-ispeċi li jkunu laħqu stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

Fuq ir-raba’ domanda

79

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva dwar il-Habitats għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali li tipprovdi li, fl-ipoteżi fejn, minkejja l-prekawzjonijiet meħuda, il-funzjonalità ekoloġika kontinwa tal-habitat naturali tal-ispeċi kkonċernata f’żona partikolari ntilfet minħabba ħsara, qerda jew deterjorazzjoni, irrispettivament minn jekk dan seħħx direttament jew indirettament, bħala effett tal-attività inkwistjoni kkunsidrata waħedha jew b’mod kumulattiv, il-projbizzjoni prevista f’din il-projbizzjoni tiġi applikata biss jekk teżisti probabbiltà ta’ deterjorazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata.

80

Din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa doppja esposta mill-imsemmija qorti, li hija ser ikollha tikkonferma, minn naħa, li l-ispeċi ta’ għasafar protetti u ż-żrinġ tal-art moxa jużaw iż-żona ddikjarata bħala siti ta’ tgħammir li ser jinqerdu jew jiġu ddeterjorati mill-qtugħ inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u, min-naħa l-oħra, li l-funzjonalità ekoloġika kontinwa tal-habitat naturali tal-ispeċi kkonċernati ser tintilef, bħala konsegwenza ta’ dan il-qtugħ.

81

Sabiex tingħata risposta għall-imsemmija domanda, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva dwar il-Habitats, il-protezzjoni stretta prevista f’din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipprojbixxi d-“deterjorazzjoni jew [il-]qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ”.

82

Huwa fir-rigward ta’ din is-sistema ta’ protezzjoni stretta li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-atti msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni ma humiex biss l-atti intenzjonali, iżda wkoll dawk li ma humiex intenzjonali. Billi ma llimitax il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva dwar il-Habitats għal atti intenzjonali, kuntrarjament għal dak li huwa previst għall-atti msemmija fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni wera r-rieda tiegħu li jagħti lis-siti ta’ tgħammir jew lill-postijiet ta’ mistrieħ protezzjoni ikbar kontra l-atti li jikkawżaw id-deterjorazzjoni jew il-qerda tagħhom (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Grand hamster), C‑477/19, EU:C:2020:517, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-protezzjoni stretta prevista fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva dwar il-Habitats tapplika indipendentement min-numru ta’ kampjuni tal-ispeċi kkonċernata preżenti fiż-żona kkonċernata (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 237).

84

Għaldaqstant, għandu jitqies li, peress li l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 12(1)(d) ta’ din id-direttiva ma hijiex suġġetta għan-numru ta’ kampjuni tal-ispeċi kkonċernata, hija ma tistax tiddependi, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 53 u 55 tal-konklużjonijiet tagħha, fuq ir-riskju ta’ effett negattiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ din l-ispeċi.

85

Għandu jingħad ukoll li l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 58 sa 77 ta’ din is-sentenza japplikaw b’analoġija fir-rigward tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

86

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 12(d) tad-Direttiva dwar il-Habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali li tipprovdi li, fl-ipoteżi fejn, minkejja l-prekawzjonijiet meħuda, il-funzjonalità ekoloġika kontinwa tal-habitat naturali tal-ispeċi kkonċernata f’żona partikolari ntilfet minħabba ħsara, qerda jew deterjorazzjoni, irrispettivament minn jekk dan seħħx direttament jew indirettament, bħala effett tal-attività inkwistjoni kkunsidrata waħedha jew b’mod kumulattiv, il-projbizzjoni prevista f’din il-projbizzjoni tiġi applikata biss jekk teżisti probabbiltà ta’ deterjorazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata.

Fuq it-tielet u l-ħames domanda

87

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għat-tieni u għar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għall-ħames domanda.

Fuq l-ispejjeż

88

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali li permezz tagħha l-projbizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jikkonċernaw biss l-ispeċi li huma elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, dawk li huma f’xi livell ta’ riskju jew li jsofru minn tnaqqis fil-popolazzjoni fuq bażi twila ta’ żmien.

 

2)

L-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, jipprekludi prassi nazzjonali li tipprovdi li, meta s-suġġett tal-attività umana, bħal attività ta’ sfruttament forestali jew ta’ żvilupp tal-art, ikun manifestament differenti mill-qtil jew mit-tfixkil ta’ speċi ta’ annimali, il-projbizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni japplikaw biss fil-każ ta’ riskju ta’ effett negattiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija dispożizzjoni ma tibqax tapplika għall-ispeċi li jkunu laħqu stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

 

3)

L-Artikolu 12(d) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali li tipprovdi li, fl-ipoteżi fejn, minkejja l-prekawzjonijiet meħuda, il-funzjonalità ekoloġika kontinwa tal-habitat naturali tal-ispeċi kkonċernata f’żona partikolari ntilfet minħabba ħsara, qerda jew deterjorazzjoni, irrispettivament minn jekk dan seħħx direttament jew indirettament, bħala effett tal-attività inkwistjoni kkunsidrata waħedha jew b’mod kumulattiv, il-projbizzjoni prevista f’din il-projbizzjoni tiġi applikata biss jekk teżisti probabbiltà ta’ deterjorazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

Top