This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CC0155
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 1 October 2020.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fl-1 ta’ Ottubru 2020.
Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC) u Consorzio Ge.Se.Av. S. c. arl vs De Vellis Servizi Globali Srl.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 2(1)(4) – Awtorità kontraenti – Korpi rregolati mid-dritt pubbliku – Kunċett – Federazzjoni sportiva nazzjonali – Issodisfar ta’ ħtiġijiet ta’ interess ġenerali – Sorveljanza tat-tmexxija tal-federazzjoni minn korp irregolat mid-dritt pubbliku.
Kawżi magħquda C-155/19 u C-156/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fl-1 ta’ Ottubru 2020.
Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC) u Consorzio Ge.Se.Av. S. c. arl vs De Vellis Servizi Globali Srl.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 2(1)(4) – Awtorità kontraenti – Korpi rregolati mid-dritt pubbliku – Kunċett – Federazzjoni sportiva nazzjonali – Issodisfar ta’ ħtiġijiet ta’ interess ġenerali – Sorveljanza tat-tmexxija tal-federazzjoni minn korp irregolat mid-dritt pubbliku.
Kawżi magħquda C-155/19 u C-156/19.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:775
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fl‑1 ta’ Ottubru 2020 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑155/19 u C‑156/19
Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC),
Consorzio Ge.Se.Av. S. c. arl
vs
De Vellis Servizi Globali Srl,
bl-intervent ta’:
Consorzio Ge.Se.Av. S. c. arl,
Comitato Olimpico Nazionale Italiano (CONI),
Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))
“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi għal provvisti, xogħlijiet jew servizzi — Direttiva 2014/24/UE — Awtorità kontraenti — Organu rregolat mid-dritt pubbliku — Kunċett — Federazzjoni nazzjonali tal-futbol — Issodisfar ta’ ħtiġijiet ta’ interess ġenerali — Sorveljanza tat-tmexxija tal-federazzjoni minn organu rregolat mid-dritt pubbliku”
1. |
Fis-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019 ( 2 ), il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat jekk kumitat olimpiku nazzjonali (dak Taljan) jeżerċitax “kontroll pubbliku” fuq żewġ federazzjonijiet sportivi ta’ pajjiżu ( 3 )“għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom kemm fis-settur tal-gvern ġenerali kif ukoll fis-settur tan-NPISH [istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ għas-servizz tad-djar]”, konformi mar-regoli tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet ( 4 ). |
2. |
Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) issa jressaq żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’kontenut identiku u li jaffettwaw din l-istess problema, mhux min-naħa tal-kontabbiltà iżda min-naħa tal-kuntratti pubbliċi. Fit-tilwim a quibus għandu jiġi deċiż jekk il-Federazione Italiano Giuoco Calcio (il-Federazzjoni Taljana tal-futbol; iktar ’il quddiem, il-“FIGC”) inħolqitx speċifikament sabiex jiġu ssodisfatti ħtiġijiet ta’ interess ġenerali u, jekk dan huwa minnu, jekk il-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Taljan (iktar ’il quddiem, iċ-“CONI”) jikkontrollax it-tmexxija tagħha. |
3. |
Is-soluzzjoni għal dawn id-dubji tista’ tiddependi fuq jekk kuntratt konkluż mill-FIGC, li fuqu huwa bbażat t-tilwim, għandux ikun suġġett għall-proċeduri rregolati fid-Direttiva 2014/24/UE ( 5 ) u fir-regoli nazzjonali li jinkorporawha fid-dritt nazzjonali. Dan iseħħ biss jekk il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali (iktar ’il quddiem, il-“FDN”), meta jagħtu kuntratt għall-akkwist ta’ xogħlijiet, ta’ provvisti u ta’ servizzi fuq ċertu limitu, ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala awtoritajiet kontraenti, peress li huma organi rregolati mid-dritt pubbliku fis-sens tad-Direttiva 2014/24. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva 2014/24
4. |
L-Artikolu 2 jipprovdi: “1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
|
B. Id-dritt Taljan
1. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50, tat‑18 ta’ April 2016 (“Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi”)
5. |
L-Artikolu 3(1)(d) jirriproduċi b’mod sostanzjali d-definizzjoni ta’ “korp irregolat mil-liġi pubblika” tal-Artikolu 2(1)(4) tad-Direttiva 2014/24. |
2. Il-Liġi Nru 220, tad‑19 ta’ Awwissu 2003 ( 6 )
6. |
L-Artikolu 1 jipprovdi: “1. Ir-Repubblika tirrikonoxxi u tiffavorixxi l-awtonomija tad-dritt sportiv nazzjonali, bħala espressjoni tad-dritt internazzjonali tal-isport li jaqa’ taħt il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. 2. Ir-relazzjonijiet bejn id-dritt sportiv u d-dritt tar-Repubblika huma rregolati fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ awtonomija, ħlief fil-każijiet rilevanti għall-ordinament ġuridiku tar-Repubblika ta’ sitwazzjonijiet suġġettivi marbuta mad-dritt sportiv”. |
3. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 242, tat‑23 ta’ Lulju 1999, dwar organizzazzjoni mill-ġdid taċ-CONI ( 7 )
7. |
L-Artikolu 1 jipprovdi: “[iċ-CONI] għandu personalità ġuridika ta’ dritt pubbliku […] u jinsab taħt it-tutela tal-Ministeru għall-Patrimonju u l-Attivitajiet Kulturali”. |
8. |
L-Artikolu 2 jistipula: “1. Il-CONI […] huwa inkarigat mill-organizzazzjoni u t-tisħiħ tal-isport nazzjonali, u, b’mod partikolari, mill-preparazzjoni tal-atleti u tal-provvista tal-mezzi xierqa għal-Logħob Olimpiku u għall-avvenimenti sportivi nazzjonali jew internazzjonali l-oħra kollha intiżi għall-preparazzjoni Olimpika. Fil-qafas tas-sistema sportiva, huwa jieħu ħsieb ukoll [...] l-adozzjoni tal-miżuri għall-prevenzjoni u s-soppressjoni tal-użu ta’ sustanzi li jibdlu l-prestazzjoni fiżika naturali tal-atleti fl-attivitajiet sportivi, kif ukoll il-promozzjoni tat-tixrid massimu tal-prattika sportiva [...] fil-limiti tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 616, tal‑24 ta’ Lulju 1977. […]”. |
9. |
Skont l-Artikolu 4(2) tiegħu: “Ir-rappreżentanti tal-FDN, iddefiniti fil-kuntest tal-isport Olimpiku, għandhom jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-voti fi ħdan il-CONI”. |
10. |
L-Artikolu 5 jipprovdi: “1. F’konformità mad-deċiżjonijiet u mad-direttivi tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, il-Kunsill Nazzjonali jaġixxi favur it-tixrid tal-ispirtu Olimpiku u jirregola l-attività sportiva nazzjonali billi jarmonizza l-azzjonijiet li jinsabu f’idejn l-FDN u d-dixxiplini sportivi assoċjati minn din il-perspettiva. […] 2. L-għan tal-Kunsill Nazzjonali huwa:
[…]
[…]
[…]”. |
11. |
Skont l-Artikolu 15: “1. [Il-FDN] […] jeżerċitaw l-attività sportiva tagħhom b’mod konformi mad-deċiżjonijiet u d-direttivi tal-[Kumitat Olimpiku Internazzjonali], tal-Federazzjonijiet internazzjonali u tal-CONI, anki fid-dawl tan-natura pubblika ta’ ċerti kategoriji ta’ attivitajiet imsemmija fl-istatuti tal-CONI. F’dawn għandhom jipparteċipaw kumpanniji u assoċjazzjonijiet sportivi u, fil-każijiet previsti mill-istatuti tal-[FDN] biss […] fir-rigward ta’ din l-attività partikolari, anki affiljati individwali. 2. [Il-FDN] […] għandu jkollhom in-natura ta’ assoċjazzjoni li għandha personalità ġuridika rregolata mid-dritt privat. Huma ma għandux ikollhom skop ta’ lukru u għandhom ikunu suġġetti, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espressi ta’ dan id-digriet, għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili u għal dawk adottati għall-applikazzjoni tiegħu. 3. Il-bilanċi tal-[FDN] […] għandhom jiġu approvati kull sena mill-korp ta’ amministrazzjoni federali u huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali tal-CONI. F’każ ta’ opinjoni negattiva tal-awdituri tal-Federazzjoni […] jew fil-każ ta’ assenza ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni Nazzjonali tal-CONI, l-assemblea tal-kumpanniji u tal-assoċjazzjonijiet għandha tissejjaħ sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-bilanċ. 4. L-assemblea li għandha teleġġi l-korpi ta’ tmexxija għandha tipproċedi bl-approvazzjoni tal-programmi baġitarji ta’ gwida tal-korp ta’ amministrazzjoni li għandhom ikunu suġġetti għall-kontroll tal-assemblea fl-aħħar ta’ kull perijodu ta’ erba’ snin jew tal-mandat li għalihom ġew approvati. 5. [Il-FDN] […] għandhom ikunu rrikonoxxuti, għal finijiet sportivi, mill-Kunsill Nazzjonali. 6. Ir-rikonoxximent tal-personalità ġuridika rregolata mid-dritt privat lill-[FDN] il-ġodda […] għandu jingħata b’mod konformi mad-decreto del Presidente della Repubblica 10 febraio 2000, n. 361 [(id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 361, tal‑10 ta’ Frar 2000)], wara r-rikonoxximent minn qabel, għall-finijiet sportivi, mill-Kunsill Nazzjonali. […]”. |
4. L-Istatut taċ-CONI ( 8 )
12. |
L-Artikolu 1 (“Definizzjonijiet”) jindika: “1. Il-CONI huwa l-Konfederazzjoni tal-FDN u tad-dixxiplini sportivi assoċjati. 2. Il-CONI […] huwa l-awtorità għad-dixxiplina, ir-regolazzjoni u t-tmexxija tal-attivitajiet sportivi, meqjusa bħala element essenzjali tat-taħriġ fiżiku u morali tal-individwu u parti integrali tal-edukazzjoni u tal-kultura nazzjonali […]”. |
13. |
L-Artikolu 6 (“Kunsill Nazzjonali”) jindika dan li ġej: “1. Il-Kunsill Nazzjonali, li huwa l-korp suprem ta’ rappreżentanza tal-isport Taljan, għandu jopera permezz tat-tixrid tal-idea Olimpika, jiżgura l-attività neċessarja għall-preparazzjoni Olimpika, jirregola u jikkoordina l-attività sportiva nazzjonali u jarmonizza l-azzjoni tal-[FDN] u tad-dixxiplini sportivi assoċjati. […] 4. Il-Kunsill Nazzjonali: […]
[…]
[…]
[…]”. |
14. |
L-Artikolu 7(5) (“Kummissjoni Nazzjonali”) jipprovdi li: “Il-Kummissjoni Nazzjonali:
[…]
[…]
[…]”. |
15. |
L-Artikolu 20(4) (“Dritt tal-[FDN]”) jipprovdi li: “[Il-FDN] għandhom jeżerċitaw l-attività sportiva u l-attivitajiet korrispondenti ta’ promozzjoni b’mod konformi mad-deċiżjonijiet u mad-direttivi tal-[Kumitat Olimpiku Internazzjonali] u tal-CONI, fir-rigward ukoll tad-dimensjoni pubblika ta’ ċerti aspetti ta’ din l-attività. Fil-kuntest tad-dritt sportiv, awtonomija teknika, organizzattiva u ta’ ġestjoni hija rrikonoxxuta lill-[FDN] taħt il-kontroll tal-CONI”. |
16. |
F’konformità mal-Artikolu 21(3) (“Rekwiżiti għar-rikonoxximent tal-[FDN]”): “Jekk [FDN] irrikonoxxuta ma tikkonformax mar-rekwiżiti tal-punt preċedenti, il-Kunsill Nazzjonali tal-CONI għandu jiddeċiedi li jirrevoka r-rikonoxximent li kien ingħata”. |
17. |
L-Artikolu 23 (“Direttivi u kontrolli fuq l-[FDN]”) jipprovdi li: “1. F’konformità mad-Digriet Leġiżlattiv Nru 242, tat‑23 ta’ Lulju 1999, bl-emendi u ż-żidiet sussegwenti tiegħu, flimkien ma’ dawk li n-natura pubblika tagħhom hija prevista b’mod espliċitu mil-liġi, huma biss meqjusa bħala pubbliċi l-attivitajiet tal-[FDN] relatati mal-ammissjoni u l-affiljazzjoni tal-kumpanniji u tal-assoċjazzjonijiet sportivi, kif ukoll tal-affiljati individwali, mar-revoka permezz ta’ kwalunkwe titolu u mal-emenda tad-deċiżjonijiet ta’ ammissjoni jew ta’ affiljazzjoni, mal-kontroll relatat man-natura regolari tal-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet u tal-kampjonati sportivi professjonali, mal-użu ta’ sussidji pubbliċi, u mal-prevenzjoni u s-sanzjonar tad-doping, kif ukoll l-attivitajiet relatati mal-preparazzjoni Olimpika u ta’ livell għoli, mat-taħriġ tat-tekniċi, u mal-użu u l-ġestjoni tal-faċilitajiet sportivi pubbliċi. 1-bis. Fl-eżerċizzju tal-attivitajiet pubbliċi msemmija fil-paragrafu 1, l-[FDN] jaġġustaw ruħhom għad-direttivi u l-kontrolli tal-CONI u joperaw skont il-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza. In-natura pubblika tal-attività ma tibdilx is-sistema ordinarja tad-dritt privat li huma suġġetti għaliha l-atti individwali u s-sitwazzjonijiet ġuridiċi suġġettivi marbuta tagħhom. 1(b) . Il-Kummissjoni Nazzjonali għandha tistabbilixxi l-kriterji u l-proċeduri sabiex tiżgura li d-deċiżjonijiet federali jkunu aġġustati għall-programmi tal-CONI f’dak li jirrigwarda l-kompetittività tat-timijiet nazzjonali, is-salvagwardja tal-patrimonju sportiv nazzjonali u l-identità speċifika tiegħu, u l-ħtieġa li tiġi żgurata t-tmexxija interna effiċjenti. 2. Il-Kummissjoni Nazzjonali, abbażi tal-kriterji u tal-proċeduri stabbiliti mill-Kunsill Nazzjonali, tapprova l-baġits tal-[FDN] u tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji favurihom, billi eventwalment tiddetermina d-destinazzjoni speċifika tagħhom, b’attenzjoni speċjali għall-promozzjoni tal-isport taż-żgħażagħ, il-preparazzjoni tal-Olimpjadi u l-attività ta’ livell għoli. 3. Il-Kummissjoni Nazzjonali tissorvelja l-funzjonament xieraq tal-[FDN]. F’każ ta’ irregolaritajiet serji aċċertati fil-ġestjoni jew ta’ ksur serju tar-regolamenti sportivi mill-korpi federali, jew fil-każ fejn ma jiġix iggarantit il-bidu u l-iżvolġiment regolari tal-kompetizzjonijiet sportivi, jew inkella fil-każ li tiġi kkonstatata l-impossibbiltà tal-funzjonament tagħhom, hija għandha tipproponi l-ħatra ta’ kummissarju lill-Kunsill Nazzjonali”. |
II. Il-fatti u d-domanda preliminari
18. |
Il-FIGC invokat proċedura nnegozjata sabiex għal perijodu ta’ tliet snin tagħti s-servizzi ta’ trasport tal-materjal meħtieġ għall-monitoraġġ taċ-ċaqliq tat-timijiet nazzjonali u għall-maħżen federali f’Ruma ( 9 ). Stiednet lil De Vellis Servizi Globali, s.r.l. (iktar ’il quddiem, “De Vellis”) u lil Consorzio Ge.Se.Av S.c.arl (iktar ’il quddiem, il-“Consorzio”) sabiex jipparteċipaw. Dan tal-aħħar kien finalment magħżul bħala l-offerent rebbieħ. |
19. |
De Vellis ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), fejn ikkontestat il-mod li bih saret l-istedina għall-offerti, minħabba li nkisru r-regoli ta’ reklamar previsti fil-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi. |
20. |
Il-Qorti Ġenerali (sentenza Nru 4101/2018) laqgħet ir-rikors u ħassret l-għoti favur il-Consorzio. B’mod partikolari, iddeskriviet lil FIGC bħala organu rregolat mid-dritt pubbliku, ċaħdet in-nuqqas ta’ kompetizzjoni u ħassret l-atti tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti għar-raġunijiet imressqa minn De Vellis. |
21. |
Il-FIGC u l-Consorzio appellaw minn din is-sentenza. Huma jiċħdu l-fatt li l-FIGC hija organu rregolat mid-dritt pubbliku u, konsegwentement, il-ġurisdizzjoni tal-qorti amminisrattiva sabiex tisma’ t-tilwima. |
22. |
Skont il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), qabel ma jiġi deċiż jekk il-FIGC kinitx obbligata tapplika r-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u liema hija l-ġurisdizzjoni kompetenti, għandu jiġi ċċarat jekk hija tistax tiġi kklassifikata bħala organu rregolat mid-dritt pubbliku skont l-Artikolu 3(1)(d) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, li jittrasponi l-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24. |
23. |
F’dan il-kuntest, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
24. |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari ġew irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Frar 2019. |
25. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-FIGC, miċ-CONI, minn De Vellis, mill-Konsorzju, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni. |
26. |
Fis-seduta tal‑1 ta’ Lulju 2020, fejn ipparteċipaw fiha permezz ta’ vidjokonferenza l-FIGC, iċ-CONI u l-Gvern Taljan, u fejn kienet preżenti fiżikament il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja stednithom jieħdu deċiżjoni, fost punti oħra, dwar l-inċidenza f’dan il-każ tas-sentenza FIG u FISE. |
IV. L-Evalwazzjoni
A. Rimarka preliminari
27. |
Fil-panorama Ewropew ikkumparat, il-proċeduri tar-relazzjoni bejn il-FDN u l-awtoritajiet pubbliċi huma differenti ħafna. Bis-simplifikazzjoni tad-deskrizzjoni tagħhom, xi Stati Membri għażlu soluzzjonijiet “liberali” li jagħtu lill-FDN l-ikbar awtonomija ( 10 ); oħrajn, għażlu formuli iktar “stretti” fejn is-sorveljanza pubblika tista’ ssir iktar intensa ( 11 ); u oħrajn ikkombinaw iż-żewġ mudelli. |
28. |
Fid-dritt pubbliku, is-sistema frekwentement tafda lil ċerti entitajiet privati, li huma stabbiliti għat-twettiq ta’ objettivi li huma komuni għall-membri tagħhom, bl-issodisfar ta’ finijiet pubbliċi, inkluż bid-delega ta’ funzjonijiet li tipikament ikunu amministrattivi ( 12 ). |
29. |
Fl-Italja, il-FDN jirriflettu din l-iskema: fuq il-bażi strettament assoċjattiva ffurmata mill-klabbs, bħala assoċjazzjonijiet sportivi tal-ewwel grad, il-FDN huma kkostitwiti bħala assoċjazzjonijiet privati tat-tieni grad ( 13 ), li lilhom, l-awtoritajiet tal-gvern jafdaw ċerti funzjonijiet pubbliċi. |
30. |
F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, purament mill-perspettiva loġika, għandha tkun marbuta mas-sitwazzjoni u mal-partikolaritajiet tad-dritt sportiv fis-seħħ fl-Italja. Skont dan id-dritt għandha tiddetermina:
|
31. |
Kif enfasizzat is-sentenza FIG u FISE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax ssolvi direttament dawn il-kwistjonijiet mhux magħrufa, li s-soluzzjoni tagħhom taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li hija l-unika waħda li hija kapaċi tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha stess ( 14 ). Ir-riflessjonijiet sussegwenti għaldaqstant jillimitaw ruħhom sabiex jipprovdilha xi indikazzjonijiet għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24. |
B. L-ewwel domanda preliminari
32. |
Id-Direttiva 2014/24 tassumi viżjoni wiesgħa ħafna tal-kunċett ta’ awtorità kontraenti ( 15 ), li hija estiża, lil hinn mill-Istat u mill-entitajiet territorjali, għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku, jekk ikunu ssodisfatti t-tliet rekwiżiti tal-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tagħha. |
33. |
Meta jiġi mwieżen jekk organu, b’mod partikolari, jissodisfax dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti tal-Ġustizzja tevita approċċi formali u taċċetta “interpretazzjoni funzjonali”, billi tpoġġi s-sistema legali tagħha fl-isfond ( 16 ). |
34. |
L-ewwel wieħed minn dawn ir-rekwiżiti huwa li l-organu jkun inħoloq speċifikament sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ interess ġenerali li ma humiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali. L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini ( 17 ). |
35. |
Għalkemm l-analiżi tal-aspetti formali dwar il-ħolqien tal-entità ma hijiex essenzjali, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk, għall-FDN Taljani, ir-rikonoxximent miċ-CONI ( 18 ) jippreżentax natura sostanzjali jew jekk hijiex sempliċi proċedura fil-proċess ta’ akkwist tal-personalità ġuridika. Ser nirreferi għal dan iktar ’il quddiem. |
36. |
Mill-perspettiva sostantiva, li hija l-iktar waħda rilevanti, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) għandu jagħti attenzjoni preferenzjali għall-kontenut tal-funzjonijiet pubbliċi assunti mill-FIGC. Minn hemmhekk jista’ jiġi ddeterminat jekk hija nħolqitx speċifikament sabiex tissodisfa ħtiġijiet ta’ interess ġenerali (li ma humiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali) jekk jekk, de facto, tissodisfahomx oġġettivament ( 19 ). |
37. |
Nirrepeti li din il-klassifikazzjoni ma hijiex prekluża mill-fatt li l-ħtiġijiet ta’ interess ġenerali jiġu ssodisfatti minn entità li hija formalment privata, b’mod partikolari jekk hija parti minn sistema organizzattiva li l-istruttura u l-konfigurazzjoni tagħha hija ta’ oriġini legali u ta’ natura amministrattiva ( 20 ). |
38. |
Għaldaqstant, mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999 (Artikolu 15(1)) il-qorti tar-rinviju ddeduċiet li l-FDN Taljani kienu fdati bl-iżvolġiment tal-funzjonijiet ta’ “natura pubblika” ( 21 ). |
39. |
Din il-konklużjoni tintlaħaq billi jiġi eżaminat l-Artikolu 23 tal-Istatut taċ-CONI, li skontu, l-attivitajiet tal-FDN relatati ma’: i) l-ammissjoni u l-affiljazzjoni tal-kumpanniji u tal-assoċjazzjonijiet sportivi; ii) ir-revoka u l-emenda tad-deċiżjonijiet ta’ ammissjoni jew ta’ affiljazzjoni; iii) il-kontroll tan-natura regolari tal-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet u tal-kampjonati sportivi professjonali; iv) l-użu ta’ sussidji pubbliċi; v) il-prevenzjoni u s-sanzjonar tad-doping; vi) l-attivitajiet relatati mal-preparazzjoni Olimpika u ta’ livell għoli; vii) it-taħriġ tat-tekniċi; u viii) l-użu u l-ġestjoni tal-faċilitajiet sportivi pubbliċi, huma dawk li għandhom “dimensjoni pubblika”. |
40. |
Il-FIGC, min-naħa tagħha, tirrikonoxxi li tingħata, “permezz ta’ delega mill-CONI […], ċerti setgħat iddefiniti minn qabel, ikkaratterizzati mill-għan pubbliku tagħhom”, għalkemm, fil-fehma tagħha, “in-natura pubblika tal-[entità] li tiddelega ma tistax tiġi estiża għall-[entità] li tirċievi d-delega, billi tiġi marbuta iktar lil hinn mil-limiti ddeterminati minn qabel fid-delega” ( 22 ). |
41. |
Wara li jinnota li kull FDN hija kompetenti għal dixxiplina sportiva waħda biss u għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet relatati ma’ dik id-dixxiplina, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jikkonferma li, skont is-sistema legali tal-isport fl-Italja, “l-għanijiet ta’ interess pubbliku jitwettqu minn suġġetti formalment privati, għalkemm inkwadrati f’sistema organizzattiva li għandha struttura u konfigurazzjoni legali (u mhux espressjoni tal-awtonomija privata) u ta’ dritt amministrattiv” ( 23 ). |
42. |
Din l-evalwazzjoni hija koerenti ma’ dik imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja meta analizzat ir-relazzjonijiet bejn il-FDN u ċ-CONI. Fis-sentenza FIG u FISE għamlet allużjoni għall-“prattika tal-isport fid-dimensjoni pubblika tagħha, jiġifieri, […] f’kuntest ifformalizzat, uffiċjali jew rappreżentattiv […]”. Spjegat ukoll li din id-dimensjoni pubblika tal-attività tal-FDN kienet enfasizzata “fl-organizzazzjoni regolari ta’ kompetizzjonijiet, il-preparazzjoni Olimpika u l-attività sportiva ta’ livell għoli” ( 24 ). |
43. |
Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jenfasizza, essenzjalment, li l-isport, fl-Italja, għandu l-klassifikazzjoni ta’ “attività ta’ interess pubbliku ġenerali u għal din ir-raġuni huwa organizzat, promoss, inċentivat u ffinanzjat mill-Istat ” ( 25 ). |
44. |
Huwa ta’ importanza partikolari l-fatt li l-qorti tar-rinviju tinterpreta r-regoli li jirregolaw il-FDN fis-sens li l-missjonijiet ta’ dimensjoni pubblika tagħhom jidhru li “jeżawrixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tan-natura operattiva tal-federazzjonijiet u [huma] r-raġunijiet preċiżi għall-ħolqien tagħhom. Kwalunkwe attività oħra, inkluż is-servizz ta’ trasport għat-timijiet nazzjonali tal-futbol li fuqhom hija bbażata t-tilwima, għandha relazzjoni ta’ strumentalità fir-rigward tal-missjonijiet ta’ “dimensjoni pubblika” ddefiniti fl-istatuti tal-CONI” ( 26 ). |
45. |
Jekk din hija l-interpretazzjoni tagħha tad-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tista’ tiddeduċi li l-FDN, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ interess ġenerali fil-qasam sportiv, jissodisfaw l-ewwel rekwiżit tal-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24. |
46. |
Dawn il-ħtiġijiet ta’ interess ġenerali ma humiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali u l-issodisfar tagħhom mill-FDN jitwettaq taħt sistema ta’ monopolju ( 27 ), wara li jirċievu d-delega tal-funzjonijiet pubbliċi miċ-CONI. Fir-rigward tal-kwistjoni preżenti, huwa irrilevanti li l-FDN iwettqu wkoll attivitajiet strumentali ta’ natura oħra, ta’ natura eknomika, kif ser inkompli nispjega. |
47. |
Bl-istabbiliment tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-dubji tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ftit li xejn jikkonċernaw il-fatt li l-FIGC ingħatat funzjonijiet ta’ interess ġenerali ta’ natura mhux industrijali jew kummerċjali (li, nirrepeti, tirrikonoxxi b’mod espliċitu), iżda jikkonċernaw iktar il-grad ta’ konnessjoni tal-attività kuntrattwali tagħhom ma’ dawn il-funzjonijiet pubbliċi. |
48. |
L-inċertezza tal-qorti tar-rinviju titqanqal minħabba li, skont l-Artikolu 23(1)(a) tal-Istatut taċ-CONI, in-natura pubblika tal-attività tal-FDN ma tibdilx is-sistema ordinarja tad-dritt privat li għalih huma suġġetti l-atti individwali tagħhom u s-sitwazzjonijiet ġuridiċi suġġettivi vinkolati. |
49. |
Madankollu ma nemminx li din l-informazzjoni regolatorja tal-aħħar hija deċiżiva. Għall-Qorti tal-Ġustizzja “ma tagħmilx differenza jekk entità tistax twettaq attivitajiet oħra barra t-twettiq tal-funzjoni tal-issodisfar tal-ħtiġijiet ta’ interess ġenerali. Il-fatt li l-issodisfar tal-ħtiġijiet ta’ interess ġenerali jikkostitwixxi biss parti li hija relattivament ftit importanti tal-attivitajiet effettivament imwettqa minn din l-entità lanqas ma huwa rilevanti peress li hija tkompli tindirizza l-ħtiġijiet li hija speċifikament obbligata li tissodisfa” ( 28 ). |
50. |
Il-Gvern Taljan ( 29 ), bħall-FIGC u ċ-CONI ( 30 ), jappoġġja d-differenzjar tal-attivitajiet privati tal-FDN, ta’ natura purament ekonomika, minn dawk li għandhom għan ta’ interess ġenerali. |
51. |
Din id-distinzjoni, madankollu, ma jidhirlix li hija valida sabiex jiġi ddeterminat jekk il-FDN, fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom, jindirizzawx ħtiġijiet ta’ interess ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward iddikjarat li “[id-dispożizzjoni ekwivalenti għall-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24] ma jagħmlu [ma tagħmilx] distinzjoni bejn kuntratti pubbliċi mogħtija minn awtorità kontraenti sabiex twettaq il-missjoni tagħha biex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali u dawk li ma għandhom ebda konnessjoni ma’ din il-missjoni” ( 31 ). |
52. |
It-teżi tal-Gvern Taljan, tal-FIGC u taċ-CONI diġà kienet ġiet ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn din tal-aħħar ċaħditha fis-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et ( 32 ). Minflok, għażlet dik magħrufa bħala it-“teorija tal-kontaġju”, li skontha jirriżulta li “ma tagħmel l-ebda differenza li, barra li tissodisfa [l-funzjonijiet ta’ interess ġenerali], din l-entità tista’ twettaq attivitajiet oħra […]”, b’mod li r-“rekwiżit meħtieġ fid-[dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 2(1)(4)(a) tad-Direttiva 2014/24] ma jimplikax li din hija inkarigata biss bl-issodisfar ta’ dawn il-ħtiġijiet” ( 33 ). |
53. |
Din il-pożizzjoni hija kkorroborata wkoll mis-sentenzi BFI Holding ( 34 ), Korhonen et ( 35 ) u Adolf Truley ( 36 ), sakemm ġiet ikkonfermata definittivament fis-sentenza Ing. Aigner ( 37 ). F’din tal-aħħar, fid-dawl tad-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar l-applikazzjoni tad-duttrina tas-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et ( 38 ), meta fl-attivitajiet ta’ natura pubblika u privata tal-istess entità kien hemm distinzjoni ċara ( 39 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, “minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali, ta’ trasparenza u ta’ prevedibbiltà li jirregolaw l-implementazzjoni tal-proċeduri tal-kuntratti pubbliċi kollha, għandha tiġi segwita l-ġurisprudenza [esposta fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq] tal-Qorti tal-Ġustizzja” ( 40 ). |
54. |
Fi kwalunkwe każ, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) sostna li l-kuntratt suġġett għat-tilwima (trasport għat-tim Taljan tal-futbol) kien strumentali għat-twettiq tal-funzjonijiet pubbliċi tal-FIGC, li fosthom jispikkaw dawk relatati mat-timijiet nazzjonali ta’ dan l-isport. |
55. |
Lanqas ma huwa deċiżiv, f’dak li huwa rilevanti bħalissa, il-fatt li l-FDN iwettqu, jew le, attivitajiet kummerċjali u għandhom, jew ma għandhomx, skop ta’ lukru ( 41 ). Il-linja ġurisprudenzjali li għadni kif esponejt twassal għal din is-soluzzjoni. |
56. |
Finalment, il-fatt li l-FIGC hija finanzjarjament awtosuffiċjenti bl-ebda mod ma jippreveniha milli twettaq funzjonijiet ta’ interess ġenerali permezz ta’ delega mill-awtoritajiet pubbliċi. L-awtosuffiċjenza ekonomika tiddistingwi lill-FIGC minn FDN Taljani oħra li s-sussistenza tagħhom tiddependi fil-parti l-kbira fuq fondi pubbliċi. Madankollu nirrepeti li din l-informazzjoni hija irrilevanti għall-għoti ta’ funzjonijiet ta’ interess ġenerali ( 42 ). |
57. |
Essenzjalment, sakemm l-analiżi tad-dritt intern tagħha ma jwassalx għal deduzzjoni mod ieħor, l-interpretazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 jippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-FIGC tissodisfa l-ewwel rekwiżit [punt a)] mit-tliet rekwiżiti miġbura f’din id-dispożizzjoni. |
C. It-tieni domanda preliminari
58. |
It-tielet wieħed (punt c) mir-rekwiżiti tal-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, min-naħa l-oħra, huwa maqsum fi tliet kundizzjonijiet ( 43 ). Huwa suffiċjenti li jkun hemm konformità ma’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet sabiex dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt. |
59. |
Minn dawn il-kundizzjonijiet, hawnhekk qiegħed jiġi diskuss biss dwar jekk it-tmexxija tal-FIGC “hijiex suġġetta għas-sorveljanza” ( 44 ) mill-Istat jew minn organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk it-tfassil tad-dritt Taljan fuq ir-relazzjonijiet bejn il-FIGC u ċ-CONI jippermettix li jiġi vverifikat li dan tal-aħħar jeżerċita “influwenza dominanti” fuq it-tmexxija tagħha. |
60. |
Huwa paċifiku li ċ-CONI huwa organu rregolat mid-dritt pubbliku. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999 (Artikolu 1) jagħtih b’mod espliċitu l-kwalità ta’ organu li għandu “personalità ġuridika ta’ dritt pubbliku”, taħt it-tutela tal-Ministeru għall-Patrimonju u l-Attivitajiet Kulturali. Is-sentenza FIG u FISE waslet biex tikklassifikah bħala “amministrazzjoni pubblika” ( 45 ). |
61. |
Fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn iċ-CONI u l-FDN, fis-sentenza FIG u FISE ( 46 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ġabrithom f’sommarju billi elenkat sensiela ta’ kompetenzi tal-ewwel wieħed, li minnhom setgħet tiġi inferita l-portata tas-sorveljanza tiegħu fuq il-FDN. |
62. |
Din il-lista inkludiet is-setgħat li ġejjin taċ-CONI:
|
63. |
Bħalma diġà esponejt, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk, abbażi ta’ dawn ir-relazzjonijiet bejn il-FDN u ċ-CONI, dan tal-aħħar għandux “influwenza dominanti” fuq il-FDN. Iċ-ċirkustanza li l-presidenti u r-rappreżentanti tal-FDN ikollhom parteċipazzjoni kkwalifikata fil-korpi prinċipali taċ-CONI hija enfasizzata bħala ostakolu possibbli għal din l-influwenza. |
64. |
L-ewwel nett, ser nindirizza dak li jikkonċerna s-sorveljanza taċ-CONI fuq il-FDN u, iktar tard, il-kompożizzjoni tal-istess CONI. |
1. Is-sorveljanza taċ-CONI fuq il-FDN
65. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkaratterizza l-“kontroll tal-ġestjoni” bħala dak li jwassal għal “dipendenza fuq l-organu inkwistjoni fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi, li hija ekwivalenti għal dik li teżisti meta jiġi ssodisfatt wieħed mill-kriterji alternattivi l-oħrajn […] filwaqt li b’hekk tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ dan l-organu fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi” ( 47 ). |
66. |
L-analiżi tal-indikaturi differenti ta’ kontroll għandha tkun suġġetta għal “evalwazzjoni globali”, peress li “għalkemm indikatur uniku jista’ jkun suffiċjenti, f’ċerti każijiet, sabiex jistabbilixxi kontroll, fil-parti l-kbira tal-każijiet ikun sett ta’ indikaturi li jiżvela l-eżistenza ta’ dan il-kontroll” ( 48 ). |
67. |
Fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fost oħrajn, dawn l-elementi li jiżvelaw il-kontroll fuq l-entitajiet li x’aktarx jiġu kklassifikati bħala organi rregolati mid-dritt pubbliku:
|
68. |
Fis-sentenza FIG u FISE, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li ħadet nota tas-setgħat kollha li għandu ċ-CONI fir-rigward tal-FDN, ordnat lill-imħallef nazzjonali jevalwa jekk l-ewwel wieħed kienx f’pożizzjoni li “jeżerċita influwenza reali u sostanzjali fuq il-politika ġenerali jew il-programm” tal-FDN, minkejja l-“awtonomija teknika, organizzattiva u ta’ ġestjoni” li dawn tal-aħħar igawdu ( 53 ). |
69. |
Abbażi ta’ dan l-istess kriterju, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) għandu jevalwa d-diversi elementi inkwistjoni f’dan il-każ, fatt li ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilu xi linji gwida dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/24. |
70. |
Ser nissistematizzahom f’erba’ epigrafi. |
a) Is-setgħat relatati mal-ħolqien tal-FDN
71. |
Fost il-funzjonijiet taċ-CONI hemm dik tar-rikonoxximent tal-FDN għal finijiet sportivi ( 54 ). Il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk dan ir-rikonoxximent huwiex ta’ natura purament formali jew jekk, bħalma jidher, jaffettwax il-mertu peress li huwa marbut mal-eżami tal-istatuti tal-FDN. |
72. |
Iċ-CONI, sabiex japprova l-istatuti tal-FDN ( 55 ), għandu jevalwa l-konformità tagħhom mal-liġi, mal-Istatut tal-istess CONI u mal-prinċipji fundamentali stabbiliti minnu stess ( 56 ). Huwa jista’ jiċħad din l-approvazzjoni, f’liema każ għandu jgħaddi l-istatuti ppreżentati lill-FDN korrispondenti fejn għandu jindikalha l-kriterji li għandha tosserva sabiex jiġu inkorporati l-emendi korrispondenti ( 57 ). Dawn l-indikazzjonijiet huma obbligatorji ( 58 ). |
73. |
Għall-qorti tar-rinviju, “ir-rikonoxximent [tal-FDN] b’finijiet sportivi jista’ jiġi mqabbel mal-ħolqien, previst fil-qafas tar-rekwiżit teleoloġiku, tal-organu rregolat mid-dritt pubbliku” ( 59 ), li huwa koerenti mal-affermazzjonijiet tiegħu li l-funzjonijiet pubbliċi mogħtija lill-FDN jikkostitwixxu r-“raġuni tal-ħolqien tagħhom” ( 60 ). |
74. |
Jekk il-funzjonijiet pubbliċi allokati lill-FDN jiġġustifikaw li, sabiex ikunu rrikonoxxuti bħala tali, iċ-CONI jintervjeni b’mod deċiżiv, dan l-intervent jirrifletti diġà l-influwenza ta’ dan l-organu rregolat mid-dritt pubbliku fl-ewwel fażi tal-eżistenza tagħhom. |
b) Is-setgħat relatati mal-attività tal-FDN
75. |
Il-FDN għandhom iwettqu l-attività sportiva f’armonija mad-deċiżjonijiet u mad-direttivi taċ-CONI ( 61 ). Anki jekk jingħataw awtonomija teknika, organizzattiva u ta’ tmexxija, din jeżerċitawha taħt is-sorveljanza taċ-CONI ( 62 ). Fit-twettiq tal-attivitajiet pubbliċi tagħhom, il-FDN għandhom jaġġustaw ruħhom għad-direttivi u għall-kontrolli taċ-CONI ( 63 ). |
76. |
Uħud mill-partijiet fit-tilwima jargumentaw li dawn id-dispożizzjonijiet regolatorji ma jistabbilixxux mekkaniżmi ta’ kontroll, iżda ta’ kollaborazzjoni reċiproka. Iżidu li, minħabba n-natura ġenerali u astratta tagħhom, id-direttivi jaġixxu bħala “soft law” u ma humiex xierqa sabiex tiġi ddeterminata l-politika ta’ tmexxija jew l-istrateġija tal-FDN ( 64 ). |
77. |
Għal darba oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat taċ-CONI fir-rigward tal-FDN. F’dan ir-rigward, fost affarijiet oħra, hija għandha tiddetermina jekk toħroġx istruzzjonijiet vinkolanti għal dawn tal-aħħar, li jistgħu jiġu imposti b’mod koersiv. |
78. |
Fid-digriet tar-rinviju, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jagħżel li jirrikonoxxi kontroll imsaħħaħ taċ-CONI fuq l-attivitajiet kollha tal-FDN, u mhux biss fuq dawk li huma ta’ natura pubblika. Huwa jiddikjara li l-FDN “jidhru li ma għandhomx id-disponibblità libera tal-għan imfittex minn entità kollettiva”, peress li għandhom “natura, fil-fatt, istituzzjonali u eterodeterminata bil-liġi jew b’atti tal-awtorità […], mhux biss fir-rigward tal-aspetti strutturali essenzjali tagħhom, iżda wkoll fir-rigward tal-oqsma prinċipali ta’ azzjoni u l-modalitajiet fejn din l-azzjoni għandha tiġi implimentata, bl-eliminazzjoni jew it-tnaqqis konsegwenti tal-ispazji u tal-libertà organizzattiva li huma tipiċi tal-awtonomija privata” ( 65 ). |
79. |
Jekk dan huwa minnu, l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi (b’mod partikolari, taċ-CONI) fir-rigward il-FDN jidher li ma jeżawrixxix ruħu fl-approvazzjoni ta’ standards legali jew regolatorji li għandhom jiġu ssodisfatti mill-FDN ( 66 ), billi ċ-CONI jista’ jindika l-linji ewlenin tal-attività tal-FDN permezz ta’ direttivi jew tipi oħra ta’ atti. F’dan is-sens, il-Kummissjoni tenfasizza li ċ-CONI jista’, pereżempju, jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-FIGC dwar l-għażla tal-offerent rebbieħ tal-kuntratti pubbliċi ( 67 ). |
80. |
Mit-tabella ta’ responsabbiltajiet mogħtija liċ-CONI tispikka l-possibbiltà li l-FDN jitqiegħdu taħt it-tutela tiegħu meta: a) iwettqu irregolaritajiet serji ta’ tmexxija jew ksur serju tad-dritt tal-isport; b) tiġi stabbilita l-impossibbiltà tal-funzjonament tal-organi governattivi; u c) ir-regolarità tal-bidu jew l-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet sportivi ma jkunux iggarantiti. F’dawn il-każijiet, tista’ sseħħ il-ħatra ta’ kummissarju ( 68 ). |
81. |
Dawn is-setgħat huma konsistenti mal-mandat ġenerali li ċ-CONI jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-FDN, u jista’ wkoll jirrevoka r-rikonoxximent tagħhom ( 69 ). |
82. |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għamilt riferiment għaliha iktar ’il fuq, tikkunsidra l-wiri tal-kontroll tas-setgħat pubbliċi li jistgħu jordnaw ix-xoljiment ta’ entità, jaħtru likwidatur jew japprovaw is-sospensjoni tal-amministraturi, f’każijiet ta’ irregolaritajiet serji ( 70 ). |
83. |
Bħalma tindika l-Kummissjoni ( 71 ), huwa biss kontroll permanenti u sistematiku tal-attività tal-FDN li jippermetti li irregolarità serja tiġi distinta minn oħra ta’ inqas importanza: iċ-CONI huwa liberu li jiddeċiedi jekk, fl-ewwel każ, għandux jintervjeni u jqegħidx lill-FDN taħt it-tutela tiegħu. |
84. |
Din l-istess rabta ta’ sorveljanza permanenti tinsab f’armonija mal-funzjoni, li hija wkoll allokata liċ-CONI, li jissostitwixxi ruħu għall-FDN meta l-kontrolli li jużaw fuq il-kumpanniji sportivi jirriżultaw mhux xierqa sabiex jiżguraw l-iżvolġiment regolari tal-kampjonati ( 72 ). |
85. |
Miżura ta’ sostituzzjoni ta’ dan it-tip taffettwa l-qofol tal-attività federali peress li l-FIGC hija preċiżament responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni tal-futbol. Bħalma tenfasizza l-Kummissjoni ( 73 ), sabiex jiġi stabbilit li l-kontrolli ma humiex xierqa, iċ-CONI għandu jgawdi minn pożizzjoni li tippermettilu jivverifika b’mod permanenti jekk il-FDN jirrispettawx ir-rekwiżiti imposti fuq il-kumpanniji sportivi għall-iżvolġiment regolari tal-kampjonati. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jikkonformaw mal-kriterji u mal-kundizzjonijiet ta’ kontroll iddefiniti miċ-CONI. |
86. |
Minn dawn l-elementi ta’ evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju ser tkun tista’ tikseb il-konklużjonijiet tagħha stess dwar il-portata tas-sorveljanza li ċ-CONI jeżerċita fuq il-FDN. |
87. |
F’dan l-istess kuntest, hija għandha tevalwa jekk is-sorveljanza ġenerali tal-attivitajiet tal-FDN miċ-CONI hijiex estiża għall-mod li bih dawn ifasslu l-politika tal-kuntratti pubbliċi jew, għall-inqas, il-prekawzjonijiet li għandu jistabbilixxi sabiex l-awtonomija organizzattiva tal-FDN tikkonforma, f’dan il-qasam, ma’ regoli ta’ pubbliċità, ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ rispett lejn il-kompetizzjoni bħal dawk previsti fid-Direttiva 2014/24. F’dan is-sens, iċ-CONI jista’ jeżerċita influwenza fil-politika kuntrattwali tal-FDN. |
88. |
Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li l-irregolaritajiet suġġetti għas-sorveljanza taċ-CONI jistgħu jseħħu f’sistema ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-FDN li ma hijiex relatata mar-regoli ta’ pubbliċità u ta’ trasparenza, li mbagħad jirriżultaw f’żieda fir-riskji ta’ korruzzjoni ( 74 ). Il-prevenzjoni, u mhux biss ir-reazzjoni, fid-dawl ta’ dawn l-irregolaritajiet, tidher li tagħmel parti mis-setgħat ta’ sorveljanza taċ-CONI. |
c) Is-setgħat relatati mal-baġits u mal-kontijiet tal-FDN
89. |
Iċ-CONI għandu wkoll is-setgħa li japprova l-baġit tal-FDN ( 75 ). Għall-kuntrarju ta’ dak li jseħħ bl-approvazzjoni tal-istatuti tal-FDN, li fir-rigward tagħhom, il-kriterju taċ-CONI huwa impost fit-termini diġà analizzati, in-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-baġits ippreżentati ma jurix l-istess effetti ( 76 ). |
90. |
Għal darba oħra, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) għandu jevalwa jekk, anki meta jiċħad il-baġit tal-FDN mingħajr ma jkun jista’ jissostitwixxih ( 77 ), iċ-CONI jeżerċitax ċertu kontroll fuq il-FDN, bħalma ssostni l-Kummissjoni ( 78 ). Peress li l-approvazzjoni tal-baġits hija bbażata fuq il-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti miċ-CONI ( 79 ), huwa jista’ jwettaq rwol rilevanti fil-konfigurazzjoni tiegħu. |
91. |
Fl-evalwazzjoni tal-istrumenti disponibbli taċ-CONI għall-kontroll tal-attività ekonomika tal-FDN, ma għandux jintesa l-fatt li finalment, iċ-CONI jista’ jaħtar awdituri sabiex jaġixxu fi ħdan il-FDN ( 80 ). |
92. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-awdituri ma jitqisux li huma ‘uffiċjali’ u ma humiex għaldaqstant f’pożizzjoni li jiddeterminaw il-‘politika ġenerali u l-programm’ ta’ entità” ( 81 ). Madankollu, jistgħu jiġu kkonfigurati bħala strument addizzjonali ta’ sorveljanza permanenti fuq l-attività finanzjarja tal-FDN. |
93. |
Skont l-Istatuti tal-FIGC, l-intervent tal-awdituri maħtura miċ-CONI huwa ħafna iktar importanti milli jista’ jidher mal-ewwel daqqa t’għajn. Dawn l-awdituri għandhom il-maġġoranza (tnejn minn tlieta) tal-Kulleġġ tal-Awdituri tal-FIGC ( 82 ) u għandhom id-dritt li jassistu għal-laqgħat kollha tal-korpi federali. |
94. |
Skont il-portata tar-responsabbiltà tagħhom, preżenza permanenti tal-awdituri taċ-CONI fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-FIGC ( 83 ) tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza Adolf Truley dwar is-sorveljanza finanzjarja tal-entitajiet mill-awtoritajiet pubbliċi ( 84 ). |
d) Is-setgħat relatati mar-revoka tar-rikonoxximent tal-FDN
95. |
Jekk waħda mill-FDN ma tikkonformax ruħha mal-obbligi li għalihom ġie suġġett ir-rikonoxximent tagħhom, iċ-CONI jista’ jirrevokah ( 85 ). Flimkien mal-intervent jew it-tqegħid taħt tutela, dan jinvolvi l-iktar miżura b’saħħitha li tinstab fil-leġiżlazzjoni Taljana sabiex tagħti liċ-CONI setgħat ta’ sorveljanza effettivi. |
96. |
Il-fatt li r-revoka ma tiġix adottata ħlief f’sitwazzjonijiet partikolarment serji bl-ebda mod ma taffettwa l-kundizzjoni tagħha bħala mekkaniżmu ta’ sorveljanza taċ-CONI fuq il-FDN. Din tkun setgħa li tista’ tiġi assimilata ma’ dawk li ġew eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza ( 86 ), li permezz tagħhom, l-awtorità pubblika kienet awtorizzata li tordna x-xoljiment ta’ entità, il-ħatra ta’ likwidatur u ta’ amministratur provviżorju. |
97. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-eżerċizzju tas-setgħat li jagħtu dawn id-dispożizzjonijiet [lill-awtorità] kompetenti, [anki jekk] kien effettivament eċċezzjonali, madankollu jimplika kontroll permanenti li fih innifsu jippermetti biss li jiġu skoperti n-nuqqasijiet serji jew l-omissjonijiet tal-korpi ta’ tmexxija” ( 87 ). |
98. |
Fl-aħħar nett, fil-każ tal-FIGC, ix-xoljiment tagħha, anki jekk ikun volontarju, ma jinvolvix distribuzzjoni tal-patrimonju tagħha li jiġi ddepożitat għand iċ-CONI ( 88 ). Fil-fehma tiegħi, din iċ-ċirkustanza tikkorrobora l-fatt li l-aspett pubbliku tal-attività tal-FIGC, suġġetta għas-sorveljanza taċ-CONI, jaffettwa s-sistema legali kollha tagħha ( 89 ). |
2. Il-kontroll taċ-CONI fuq il-FDN jew tal-FDN fuq iċ-CONI?
99. |
Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-fatt li dawk li jiddefendu l-awtonomija sħiħa tal-FDN fil-konfront taċ-CONI jargumentaw li, fir-realtà, huma l-FDN li jikkontrollaw liċ-CONI nnifsu minħabba l-intervent tagħhom fil-korpi supremi tiegħu ( 90 ). |
100. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indirizzat l-istess argument fis-sentenza FIG u FISE, fejn enfasizzat “li din iċ-ċirkustanza hija rilevanti biss jekk jista’ jiġi stabbilit li kull waħda mill-federazzjonijiet, meħuda b’mod iżolat, hija f’pożizzjoni li teżerċita influwenza sinjifikattiva fuq il-kontroll pubbliku eżerċitat miċ-CONI fir-rigward tagħha sabiex tinnewtralizza dan il-kontroll” ( 91 ). |
101. |
Għalkemm minn perspettiva oħra, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ukoll jiċħad dan it-tip ta’ approċċ. Fil-fehma tiegħu, li naqbel magħha:
|
102. |
L-istandard ta’ referenza sabiex jiġi ddeterminat min jikkontrolla lil min tista’ tkun biss l-istruttura legali tar-relazzjonijiet bejn iċ-CONI u l-FDN. Jekk minkejja l-fatt li l-liġi tattribwixxi liċ-CONI s-setgħa ta’ sorveljanza fuq il-FDN, ir-relazzjoni tinqaleb de facto, minħabba li l-membri taċ-CONI li jkunu ġejjin mill-FDN ma “jiseparawx ruħhom mill-oriġini tagħhom”, minkejja li dawn jeżerċitaw funzjonijiet pubbliċi, insibu ruħna quddiem anomalija ( 93 ) li għandha tiġi kkoreġuta. |
103. |
Konsegwentement, meta tiddeċiedi dwar jekk il-FIGC hijiex organu rregolat mid-dritt pubbliku fis-sens tad-Direttiva 2014/24, il-qorti tar-rinviju għandha tobdi l-kunċett legali tar-relazzjonijiet bejn iċ-CONI u l-FDN, bl-eċċezzjoni tad-disfunzjonamenti li jistgħu jeżistu fil-prattika. |
V. Konklużjoni
104. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Sentenza FIG u FISE (C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705; iktar ’il quddiem, is-“sentenza FIG u FISE”). Għalkemm tagħmel riferiment għas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali fl-Unjoni Ewropea, l-argumenti tagħha jistgħu jirriżultaw utli għal din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, peress li wieħed mill-fatturi rilevanti fil-qasam tal-kuntratti tal-organi rregolati mid-dritt pubbliku huwa wkoll dak li jikkontrolla t-tmexxija tagħhom. Madankollu, għandu jiġi mwissi li l-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix dan il-kontroll ivarjaw b’mod sinjifikattiv f’dan il-qasam fir-rigward tal-kontabbiltà.
( 3 ) F’dan il-każ, il-Federazione Italiana Golf u l-Federazione Sport Equestri.
( 4 ) Sentenza FIG u FISE, punt 31.
( 5 ) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, bir-rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).
( 6 ) Decreto legge 19 agosto 2003, n. 220 (GURI Nru 192, tal‑20 ta’ Awwissu 2003) (ivvalidat, wara l-emenda tiegħu, permezz tal-Artikolu 1 tal-legge 17 ottobre 2003, n. 280 (Liġi Nru 280, tas‑17 ta’ Ottubru 2003; GURI Nru 243, tat‑18 ta’ Ottubru 2003).
( 7 ) Decreto legislativo 23 luglio 1999, n. 242, riordino del Comitato olimpico nazionale italiano – CONI (GURI Nru 176, tad-29 ta’ Lulju 1999; iktar ’il quddiem, id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999”).
( 8 ) Adottat mill-ftehim tal-Kunsill Nazzjonali taċ-CONI, l-aħħar verżjoni emendata tat‑2 ta’ Ottubru 2019, approvata mid-Digriet tal‑10 ta’ Jannar 2020 tal-President tal-Kunsill tal-Ministri.
( 9 ) L-ammont tal-kuntratt kien ta’ EUR 1000000, mingħajr VAT.
( 10 ) L-awtorità pubblika, ġeneralment tieħu ħsieb biss l-aspetti relatati mal-għoti tas-sussidji.
( 11 ) F’dawn tal-aħħar, il-FDN normalment huma entitajiet irregolati mid-dritt privat li s-sistema ġuridika, sa ċertu punt tattribwixxilhom funzjonijiet pubbliċi.
( 12 ) Billi juża entitajiet assoċjattivi privati għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet pubbliċi, l-Istat jevita l-ħtieġa li joħloq strutturi pubbliċi. Is-sjieda tal-funzjoni hija tal-Istat li jiddelega, li jżomm kompetenza ta’ kontroll u ta’ sorveljanza sabiex jiżgura li l-funzjoni ddelegata tkun eżerċitata mingħajr ma jkun hemm devjazzjoni mill-finijiet stabbiliti mill-ordinament ġuridiku.
( 13 ) L-Artikolu 1(2) tal-Istatuti tal-FIGC (https://www.figc.it/it/federazione/norme/statuto-della-figc/) jiddefinixxiha bħala “assoċjazzjoni ta’ kumpanniji u ta’ assocjazzjonijiet sportivi [..] li l-għan tagħhom huwa l-prattika tal-logħba tal-futbol fl-Italja u tal-entitajiet l-oħra affiljati magħha li jeżerċitaw attivitajiet strumentali għall-ksib ta’ dan l-għan”.
( 14 ) Dan huwa mistqarr repetutament fil-punti sussegwenti tas-sentenza FIG u FISE.
( 15 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Asmel (C‑3/19, EU:C:2020:423), punt 54: “[…] l-Artikolu 1(9) ta’ din id-direttiva [2004/18] jiddefinixxi l-kunċett ta’ ‘awtorità kontraenti’ f’sens wiesa’ u funzjonali, sabiex jiġu ggarantiti l-għanijiet tal-imsemmija direttiva li teskludi kemm ir-riskju li tingħata preferenza lill-offerenti jew kandidati nazzjonali meta jingħata xi kuntratt mill-awtoritajiet kontraenti kif ukoll il-possibbiltà li xi organu ffinanzjat jew ikkontrollat mill-Istat, mill-entitajiet territorjali jew minn organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku jippermetti li jkun iggwidat minn kunsiderazzjonijiet oħra għajr dawk ta’ natura ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, LitSpecMet, C‑567/15, EU:C:2017:736, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata)”.
( 16 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 1998, BFI Holding (C‑360/96, EU:C:1998:525), punt 62; u tal‑15 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑214/00, EU:C:2003:276), punt 56: “l-effett utli [tad-direttiva] ma jkunx ippreservat b’mod sħiħ jekk tkun tista’ tiġi eskluża l-applikazzjoni [tagħha] […] għal entità li tissodisfa t-tliet rekwiżiti [meħtieġa sabiex titqies bħala organu rregolat mid-dritt pubbliku] minħabba s-sempliċi fatt li, skont id-dritt nazzjonali li tkun suġġetta għalih, il-forma u s-sistema legali tagħha jikkorrispondu għal dritt privat”.
( 17 ) Ma jkun hemm l-ebda bżonn li jiġi analizzat it-tieni rekwiżit (il-personalità ġuridika), peress li ħadd ma jikkontesta l-fatt li l-FIGC tissodisfah. Il-FDN Taljani għandhom in-“natura ta’ assoċjazzjonijiet li għandhom personalità ġuridika rregolata mid-dritt privat” (punt 3.3 tad-digrieti tar-rinviju).
( 18 ) L-eżistenza ta’ FDN tidher li tiddependi mhux biss fuq ir-rieda tal-assoċjazzjonijiet tal-ewwel grad li jintegrawha (il-klabbs), iżda wkoll fuq ir-rikonoxximent uffiċjali miċ-CONI, li mingħajru ma jiksbux il-personalità ġuridika.
( 19 ) “Entità li ma nħolqitx sabiex tissodisfa speċifikament il-ħtiġijiet ta’ interess ġenerali li ma humiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali, iżda li sussegwentement impenjat ruħha sabiex tissodisfa dawn il-ħtiġijiet, tissodisfa r-rekwiżit meħtieġ […], bil-kundizzjoni li jista’ jiġi vverifikat b’mod oġġettiv li tissodisfa dawn il-ħtiġijiet” (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C‑470/99, EU:C:2002:746), dispożittiv, punt 1).
( 20 ) Fis-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑84/03, EU:C:2005:14), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-Renju ta’ Spanja kiser id-direttivi dwar l-akkwist pubbliku, speċifikament minħabba li kien jeskludi lill-entitajiet irregolati mid-dritt privat (jiġifieri, il-kumpanniji ta’ forma kummerċjali suġġetti għad-dritt privat fl-attivitajiet tagħhom) mill-klassifikazzjoni ta’ organi rregolati mid-dritt pubbliku, fis-sens ta’ dawk id-direttivi.
( 21 ) Punt 3.5 tad-digrieti tar-rinviju.
( 22 ) Punt 23 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 23 ) Punt 3.3 tad-digrieti tar-rinviju. Il-korsiv jinsab fl-oriġinali.
( 24 ) Sentenza FIG u FISE, punt 99.
( 25 ) Punt 3.2 tad-digrieti tar-rinviju, b’ċitazzjoni mill-ġurisprudenza nazzjonali (Cons. Stato V, tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Nru 3065).
( 26 ) Punt 5.3.2 tad-digrieti tar-rinviju. Il-korsiv u l-virgoletti jinsab fl-oriġinali.
( 27 ) Fis-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et (C‑18/01, EU:C:2003:300), punt 51, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-ħtiġijiet ta’ natura industrijali jew kummerċjali ġeneralment jiġu ssodisfatti minn organi li joperaw f’kundizzjonijiet normali tas-suq, għandhom skop ta’ qligħ u jġarrbu t-telf mill-eżerċizzju tal-attività tagħhom, punti li ma humiex issodisfatti fil-FDN Taljani.
( 28 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 1998, BFI Holding (C‑360/96, EU:C:1998:525), punt 55; u tal‑5 ta’ Ottubru 2017, LitSpecMet (C‑567/15, EU:C:2017:736), punti 40 u 41.
( 29 ) Punti 15 u 16 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Insostenn tiegħu, huwa jiċċita s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376), li, madankollu ma tikkonċernax lill-FDN, iżda kumpannija privata li fil-Greċja kienet torganizza t-tlielaq tal-karozzi, u li l-kundizzjoni tagħha ta’ impriża, għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, intefgħet f’dubju. Huwa jinvoka wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2001, Agorà u Excelsior (C‑223/99, EU:C:2001:259), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet (punt 39) li l-Ente Autonomo Fiera Internazionale di Milano kienet tissodisfa ħtiġijiet ta’ interess ġenerali, iżda ta’ natura industrijali jew kummerċjali, meta torganizza fieri, esibizzjonijiet u inizjattivi oħra simili, u għaldaqstant ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala organu suġġett għar-regoli tal-kuntratti pubbliċi.
( 30 ) Il-FIGC tikkonferma (punt 27 tal-osservazzjonijiet tagħha) li xejn ma jiġġustifika li hija tiġi suġġetta għal sistema tad-dritt pubbliku meta tfittex, bħal f’dan il-każ, interessi ta’ natura kummerċjali li ma jikkoinċidux ma’ dawk taċ-CONI. Dan tal-aħħar jargumenta (punt 42 tal-osservazzjonijiet tiegħu) li ma hemm l-ebda raġuni għaliex il-FIGC għandha tiġi sottomessa għar-regoli tad-dritt pubbliku fil-qafas tal-attività kuntrattwali privata tagħha.
( 31 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑271/08, EU:C:2010:426), punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 32 ) Kawża C‑44/96, EU:C:1998:4.
( 33 ) Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et (C‑44/96, EU:C:1998:4), punti 25 u 26.
( 34 ) Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 1998 (C‑360/96, EU:C:1998:525), punti 55 u 56.
( 35 ) Sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2003 (C‑18/01, EU:C:2003:300), punti 57 u 58.
( 36 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2003 (C‑373/00, EU:C:2003:110; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Adolf Truley”), punt 56.
( 37 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2008 (C‑393/06, EU:C:2008:213).
( 38 ) Kawża C‑44/96, EU:C:1998:4.
( 39 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Ing. Aigner (C‑393/06, EU:C:2008:213), punt 49: “il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kuntratti kollha mogħtija minn entità li għandha l-kwalità ta’ korp irregolat bil-liġi pubblika, fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew tad-Direttiva 2004/18, għandhomx ikunu suġġetti għar-regoli previsti minn waħda jew oħra minn dawn iż-żewġ direttivi, meta, permezz ta’ miżuri effikaċi, huwa possibbli li jkun hemm separazzjoni netta bejn l-attivitajiet li dan il-korp jeżerċita sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu li jaqdi l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali u l-attivitajiet li jeżerċita taħt kundizzjonijiet kompetittivi”.
( 40 ) Ibidem, punt 54. Fil-punt 53, b’ċitazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo, ġie ddikjarat li “huwa aċċettat li jkun hemm dubji serji dwar jekk fil-verità huwiex possibbli li jkun hemm separazzjoni bejn id-diversi attivitajiet ta’ entità li tifforma persuna ġuridika waħda li għandha sistema unika patrimonjali u ta’ proprjetà u fejn id-deċiżjonijiet fir-rigward tad-tmexxija u amministrazzjoni jittieħdu b’mod unitarju, u dan mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni numru ta’ ostakoli oħra ta’ natura prattika bħal kontroll, ex ante u ex post, tas-separazzjoni assoluta bejn l-oqsma differenti ta’ attività ta’ l-entità kkonċernata u ta’ l-appartenenza ta’ l-attività in kwistjoni għal qasam jew ieħor”.
( 41 ) Skont l-Artikolu 15(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999, il-FDN “ma għandux ikollhom skopijiet ta’ lukru”. Il-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda teskludi b’mod impliċitu n-natura kummerċjali tal-attivitajiet tal-FIGC li, madankollu, xi partijiet qegħdin jinvokaw (billi jsemmu l-kapaċità tagħhom ta’ awtofinanzjament).
( 42 ) Jekk il-FIGC kienet iffinanzjata prinċipalment mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku, hija tkun sempliċement tissodisfa t-tielet rekwiżit tal-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24. Fir-rigward tal-karatteristiċi tal-finanzjament pubbliku rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge (C‑380/98, EU:C:2000:529). Is-sentenza FIG u FISE (punti 95 sa 107) tirrikonoxxi li, f’ċerti ċirkustanzi, it-tariffi mħallsa mill-affiljati ta’ FDN Taljana jistgħu jiġu kklassifikati bħala kontribuzzjonijiet pubbliċi u, eventwalment, jiżvelaw l-eżistenza ta’ kontroll pubbliku eżerċitat miċ-CONI. Fis-seduta, il-Kummissjoni ssuġġerixxiet li l-qorti tar-rinviju (li d-digrieti tar-rinviju tagħha ma jikkonċernawx dan il-każ) tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza FIG u FISE sabiex tevalwa l-grad ta’ finanzjament pubbliku tal-FIGC.
( 43 ) Dawn huma: i) li l-organu jkun iffinanzjat prinċipalment mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku; ii) jew li t-tmexxija tiegħu tkun suġġetta għas-sorveljanza tal-imsemmija awtoritajiet jew organi; iii) jew li jkollu korp ta’ amministrazzjoni, tmexxija jew sorveljanza li fih, iktar minn nofs il-membri jkunu maħtura mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku.
( 44 ) Ser nuża t-termini “sorveljanza” u “kontroll” mingħajr distinzjoni, li huma dawk użati fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, il-verżjoni Ingliża (supervision), dik Spanjola (supervisión) u dik Ġermaniża (Aufsicht) jagħżlu l-ewwel terminu, filwaqt li l-verżjoni Franċiża (contrôle) u dik Portugiża (controlo) jagħżlu t-tieni wieħed. Il-verżjoni Taljana tuża t-terminu vigilanza.
( 45 ) Sentenza FIG u FISE, punti 77 u 85, kif ukoll il-punt 2 tad-dispożittiv.
( 46 ) Punt 81.
( 47 ) Sentenza Adolf Truley, punti 69 u 70: “[…] Hija eskluża l-possibbiltà li jiġi kkunsidrat jekk ir-rekwiżit ta’ kontroll tal-ġestjoni huwiex issodisfatt jekk ikun hemm sempliċi kontroll a posteriori peress li, skont id-definizzjoni, tali kontroll ma jippermettix li l-awtoritajiet pubbliċi jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-organu inkwistjoni dwar il-kuntratti pubbliċi”.
( 48 ) Sentenza FIG u FISE, punt 87.
( 49 ) Sentenza tal‑1 ta’ Frar 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑237/99, EU:C:2001:70), punt 54.
( 50 ) Ibidem, punt 58.
( 51 ) Ibidem, punt 58. Fl-istess sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑353/96, EU:C:1998:611), punt 38, dwar is-“setgħa tal-Ministru li joħroġ istruzzjonijiet lis-Servizz tal-Foresti, b’mod partikolari sabiex jobbligah jirrispetta l-linji prinċipali tal-politika tal-istat dwar l-attivitajiet fil-foresti jew sabiex jipprepara ċerti servizzi jew faċilitajiet, kif ukoll is-setgħat mogħtija lil dan il-Ministru u lill-Ministru għall-Finanzi fi kwistjonijiet finanzjarji, jagħtu lill-Istat il-possibbiltà li jikkontrolla l-attività ekonomika tas-Servizz tal-Foresti”. F’termini identiċi, il-punt 33 tas-sentenza tal-istess data, Connemara Machine Turf (C‑306/97, EU:C:1998:623).
( 52 ) Sentenza Adolf Truley, punt 73. L-istess ma jseħħx jekk l-awtorità sempliċiment tivverifika li l-baġit tal-organu huwa bbilanċjat (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, IVD (C‑526/11, EU:C:2013:543), punt 29).
( 53 ) Sentenza FIG u FISE, punt 82.
( 54 ) Ittra c tal-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 15(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999.
( 55 ) Huwa l-Kunsill Nazzjonali taċ-CONI li għandu jiddefinixxi l-prinċipji li magħhom għandhom jiġu allinjati l-istatuti tal-FDN għar-rikonoxximent tagħhom (Artikolu 5(2)(b) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 292/1999).
( 56 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(5) tal-Istatut taċ-CONI.
( 57 ) It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(5) tal-Istatut taċ-CONI.
( 58 ) Jekk il-FDN ma temendax l-istatuti tagħha fis-sens indikat, iċ-CONI jista’ jaħtar kummissarju ad hoc u, f’każijiet iktar serji, u wara li jinnotifikaha, jirrevoka r-rikonoxximent (il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22(5) tal-Istatut taċ-CONI).
( 59 ) Punt 5.3.3 tad-digrieti tar-rinviju.
( 60 ) Punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 61 ) Artikolu 15(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999 u l-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(4) tal-Istatut taċ-CONI.
( 62 ) L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 20(4) tal-Istatut taċ-CONI.
( 63 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1)(a) tal-Istatut taċ-CONI. Skont kif indika l-Gvern Taljan fis-seduta, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 15 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999. Il-qorti tar-rinviju hija responsabbli mill-interpretazzjoni, konġunta jew magħquda, tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999 u tal-Istatut taċ-CONI sabiex tiċċara l-konfini tad-“deċiżjonijiet”, tad-“direttivi” u tal-“kontrolli” taċ-CONI li magħhom għandhom jikkonformaw ruħhom il-FDN.
( 64 ) Osservazzjonijiet tal-FIGC u taċ-CONI (punti 37 u 29, rispettivament).
( 65 ) Punt 5.3.6 tad-digriet tar-rinviju.
( 66 ) Skont is-sentenza FIG u FISE (punt 48), intervent regolatorju “ikun pjuttost intrużiv sabiex jiddetermina, de facto, il-politika ġenerali jew il-programm ta’ [entità] jista’ jikkostitwixxi ħjiel ta’ kontroll”.
( 67 ) Punt 76 tal-osservazzjonijiet tagħha.
( 68 ) Artikolu 5(2)(e ter) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tal-Istatut taċ-CONI.
( 69 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu23(3), u l-Artikolu 21(3) tal-Istatuti taċ-CONI.
( 70 ) Sentenza tal‑1 ta’ Frar 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑237/99, EU:C:2001:70), punti 54 u 55.
( 71 ) Punt 72 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 72 ) L-Artikolu 5(2)(e-bis) tad-Digriet Leġiżlattiv 242/1999.
( 73 ) Punt 68 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 74 ) Ara r-rapport tal-I Task force tal-International Partnership against Corruption in Sport (IPACS), Reducing the risk of corruption in procurement relating to sporting events and infrastructure, fuq http://www.oecd.org/corruption/multi-stakeholder-sports-integrity-taskforces-established.htm.
( 75 ) Artikolu 15(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 242/1999 kif ukoll l-Artikolu 21(4) u l-Artikolu 23(2) tal-Istatut taċ-CONI.
( 76 ) Uħud mill-partijiet fit-tilwima jnaqqsu mill-importanza tal-azzjoni taċ-CONI fil-qasam tal-kontijiet tal-FDN, billi jikklassifikawha bħala pjuttost testimonjali minħabba li hija l-assemblea li tieħu d-deċiżjoni finali.
( 77 ) In-nuqqas ta’ approvazzjoni taċ-CONI jimplika li l-kompetenza sabiex din isseħħ tiġi ttrasferita lill-assemblea, li hija magħmula mir-rappreżentanti tal-kumpanniji sportivi (Artikolu 20(1) tal-Istatuti tal-FIGC).
( 78 ) Punt 70 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 79 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tal-Istatut taċ-CONI.
( 80 ) L-Artikolu 7(5)(h1) tal-Istatut taċ-CONI.
( 81 ) Sentenza FIG u FISE, punt 80.
( 82 ) Artikolu 31(1) tal-Istatuti tal-FIGC.
( 83 ) L-Artikolu 31(4) tal-Istatuti tal-FIGC: il-Kulleġġ tal-Awdituri jeżerċita l-kontroll tal-kontabbiltà tal-FIGC u tal-korpi tagħha. Il-membri tal-kulleġġ għandhom ikunu mistiedna għal-laqgħat kollha tal-korpi federali.
( 84 ) Ara l-punt 68 u n-nota 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 85 ) L-Artikolu 21(3) tal-Istatut taċ-CONI.
( 86 ) Sentenza tal‑1 ta’ Frar 2001, (C‑237/99, EU:C:2001:70).
( 87 ) Ibidem, punti 54 u 56. Mingħajr ma dan ġie enfasizzat fl-oriġinali.
( 88 ) Artikolu 38(1) tal-Istatuti tal-FIGC.
( 89 ) Għall-kuntrarju, ix-xoljiment ikun irregolat mir-regoli ordinarji tal-kumpanniji u l-bilanċ pożittiv tal-kont ta’ likwidazzjoni jiġi ddistribwit bejn is-soċji. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ, u l-patrimonju residwali huwa ankrat fl-għan pubbliku mfittex, permezz tal-attribuzzjoni tiegħu għall-awtorità pubblika ta’ sorveljanza.
( 90 ) Osservazzjonijiet tal-FIGC (punti 43 sa 45), taċ-CONI (punti 32 sa 34) u tal-Gvern Taljan (punt 26), li jenfasizzaw il-“parteċipazzjoni tal-maġġoranza [tar-rappreżentanti tal-FDN] fil-korpi prinċipali tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-CONI”.
( 91 ) Sentenza FIG u FISE, punt 89.
( 92 ) Ir-raba’ inċiż tal-punt 5.6 tad-digrieti tar-rinviju.
( 93 ) Fil-letteratura ġuridika u ekonomika dwar il-prestazzjoni tal-aġenziji u tal-organi pubbliċi ġie analizzat fil-fond (mix-xogħol ta’ Stigler, G., The Theory of Economic Regulation, Bell Journal of Economics, 1971, Vol. 2, I, pp. 3 sa 21) il-fenomenu magħruf bħala “qbid tar-regolatur” mill-operaturi kkonċernati.