EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0824

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/824 tal-4 ta' Ġunju 2018 li ttemm il-proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ferrosiliċju li joriġina fl-Eġittu u l-Ukrajna

C/2018/3306

ĠU L 139, 5.6.2018, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/824/oj

5.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/25


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/824

tal-4 ta' Ġunju 2018

li ttemm il-proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ferrosiliċju li joriġina fl-Eġittu u l-Ukrajna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,

Billi:

A.   BIDU

(1)

Fit-2 ta' Awwissu 2017, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ferrosiliċju li joriġina fl-Eġittu u l-Ukrajna u ppubblikat notifika ta' bidu f'Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

L-investigazzjoni bdiet wara lment minn Euroalliages (“l-ilmentatur”) f'isem erba' produtturi tal-Unjoni, jiġifieri Ferropem, Ferroatlántica SL, OFZ u Huta Laziska SA, li jirrappreżentaw aktar minn 90 % tat-total tal-produzzjoni ta' ferrosiliċju tal-Unjoni. L-ilment kellu evidenza prima facie ta' dumping dannuż li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu.

(3)

Il-Kummissjoni infurmat lill-ilmentatur, lill-produtturi esporaturi magħrufa fl-Eġittu u fl-Ukrajna, lill-importaturi u utenti magħrufa u lil kwalunkwe parti oħra li kienet magħrufa li kienet ikkonċernata, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-Eġittu u l-Ukrajna dwar il-bidu tal-investigazzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jispjegaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika ta' bidu.

(4)

Saru żjarat ta' verifika bejn Diċembru 2017 u Frar 2018 fil-binjiet tal-erba' produtturi tal-Unjoni, il-produtturi esportaturi li kkooperaw fl-Eġittu u l-Ukrajna, rispettivament, u importatur relatat li kkoopera fl-Unjoni.

B.   IRTIRAR TAL-ILMENT U TMIEM TAL-PROĊEDIMENT

(5)

Permezz ta' email tas-27 ta' Frar 2018, l-ilmentatur informa lill-Kummissjoni li huwa rtira l-ilment tiegħu.

(6)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċedimenti jistgħu jintemmu meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm dan it-tmiem ma jkunx imur kontra l-interess tal-Unjoni.

(7)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kunsiderazzjoni li turi li dan it-tmiem imur kontra l-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-investigazzjoni preżenti jinħtieġ li tintemm.

(8)

Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b'dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. Madankollu, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment li jiġġustifika li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

(9)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċediment antidumping rigward importazzjonijiet fl-Unjoni tal-ferrosiliċju, liga tal-metall li skont il-piż għandha mill-anqas 20 % u massimu ta' 96 % ta' siliċju u mill-anqas 4 % ta' ħadid, li toriġina mill-Eġittu u l-Ukrajna, jinħtieġ li jinġieb fi tmiemu mingħajr l-impożizzjoni ta' miżuri.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment antidumping rigward importazzjonijiet tal-ferrosiliċju, liga tal-metall li skont il-piż għandha mill-anqas 20 % u massimu ta' 96 % ta' siliċju u mill-anqas 4 % ta' ħadid, li toriġina mill-Eġittu u l-Ukrajna, li attwalment taqa' taħt il-kodiċijiet NM 7202 21 00, 7202 29 10 u 7202 29 90, jinġieb fi tmiemu permezz ta' dan.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU C 251, 2.8.2017, p. 5.


Top