EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0428

Kawża T-428/08: Rikors ippreżentat fit- 30 ta' Settembru 2008 — STEF vs Il-Kummissjoni

ĠU C 313, 6.12.2008, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 313/44


Rikors ippreżentat fit-30 ta' Settembru 2008 — STEF vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-428/08)

(2008/C 313/81)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Samband tónskálda og eigenda flutningsréttar (STEF) (Rejkjavik, l-Islanda) (rappreżentant: H. Melkorka Óttarsdóttir, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta' Lulju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 — CISAC); u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed titlob l-annullament parzjali skont l-Artikolu 230 KE tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3435 finali, tas-16 ta' Lulju 2008 (Każ COMP/C2/38.698 — CISAC) dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE. B'mod iktar preċiż, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata fejn ġie kkonstatat li d-definizzjonijiet territorjali tal-ftehim ta' rappreżentanza reċiproka mogħtija minn collecting society ta' awtur lil collecting society ta' awtur ieħor, jikkostitwixxu prattika miftehma bi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 ŻEE.

Ir-rikorrenti ressqet erba' motivi insostenn tat-talbiet tagħha.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 81 KE billi ddeċidiet li d-definizzjoni territorjali parallela inkluża fil-ftehim ta' rappreżentanza reċiproka konklużi bejn ir-rikorrenti u l-membri l-oħra tas-CISAC hija r-riżultat ta' prattika miftehma. Hija tgħid li l-provi ppreżentati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni mhumiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-aġir parallel mhuwiex ir-riżultat ta' kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni iżda li jikkostitwixxi tali prattika miftehma. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-inklużjoni ta' klawżola ta' definizzjoni fil-ftehim reċiproċi kollha tagħha hija neċessarja għall-protezzjoni effettiva u suffiċjenti tal-interess tal-awturi rrappreżentati mir-rikorrenti u tal-membri l-oħra tas-CISAC.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tgħid li, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, id-definizzjoni territorjali mill-collecting societies tas-CISAC permezz tal-ftehim ta' rappreżentanza reċiproka tagħhom ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE peress li l-għan li toħloq u tħares il-kompetizzjoni bejn il-collecting societies tal-awturi huwa inkonsistenti man-natura fundamentali tal-collecting society, li hija li tħares id-drittijiet tal-membri tagħha u li topera esklużivament għall-membri tagħha.

Fit-tielet lok, sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk id-definizzjoni territorjali tikkostitwixxi prattika miftehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE huma sodisfatti. Hija tgħid li l-prattika kkontestata ttejjeb id-distribuzzjoni tal-mużika, tippermetti li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji korrispondenti, ma timponix fuq l-impriżi restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli sabiex jinkiseb għan partikolari u lanqas tagħtihom il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali tal-prodotti. Għaldaqstant, din il-prattika għandha titqies bħala neċessarja u proporzjonata, fis-sens tal-Artikolu 81(3) KE, fir-rigward tal-għan leġittimu li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-membri tal-collecting societies u tal-awturi.

Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tapplika l-Artikolu 151(4) KE fid-deċiżjoni tagħha li jipprovdi li l-Komunità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti kulturali fl-azzjonijiet tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, partikolarment sabiex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha.


Top