Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Azzjoni internazzjonali għall-għajnuna lil pajjiżi fqar b’ħafna dejn

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(1999) 518 final) dwar il-parteċipazzjoni tal-UE fl-inizjattiva ta’ ħelsien mid-dejn għal pajjiżi fqar b’ħafna dejn

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

Hija tiddeskrivi l-Inizjattiva għad-Dejn ta’ Pajjiżi Fqar b’Ħafna Dejn (HIPC) li tnediet mill-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u kredituri oħrajn multilaterali, bilaterali u kummerċjali, li għandha l-appoġġ qawwi tal-Unjoni Ewropea (UE)).

PUNTI EWLENIN

  • L-iskop tal-inizjattiva HIPC huwa li tipprovdi approċċ komprensiv għat-tnaqqis tad-dejn.
  • L-inizjattiva tintroduċi sistema li taħtha l-pajjiżi aktar foqra jistgħu japplikaw għat-tnaqqis tad-dejn. Hija mfassla sabiex tgħin lil dawk il-pajjiżi li ma jistgħux jilħqu piż ta’ dejn sostenibbli permezz ta’ mekkaniżmi tradizzjonali ta’ skedar mill-ġdid u tnaqqis ta’ dejn biss.
  • Il-pajjiżi li qed ifittxu tnaqqis tad-dejn taħt l-iskema jissottomettu ruħhom għal proċess ta’żewġ stadji:
  • Biex jikkwalifikaw għall-ewwel Stadju ta’ ħelsien mid-dejn, il-pajjiżi jridu:
    • jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-banek multilaterali* u jilħqu ftehim dwar arretrati possibbli;
    • jadottaw programmi ta’ aġġustament u riforma appoġġati mill-FMI u l-Bank Dinji u jistabbilixxu rekord ippruvat fl-implimentazzjoni tagħhom; u
    • jadottaw strateġija għat-tnaqqis tal-faqar.
  • Ladarba dan ikun inkiseb, id-dejn li jifdal jiġi analizzat biex jiġi ddeterminat jekk l-impenji tad-dejn estern ta’ pajjiż humiex sostenibbli u jekk huwiex eliġibbli għall-għajnuna taħt l-inizjattiva HIPC. Dan huwa magħruf bħala l-“punt tad-deċiżjoni”.
  • Matul din l-ewwel fażi, il-pajjiżi applikanti jkomplu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw mill-ħelsien mid-dejn “tradizzjonali”, maqbul fil-Klabb ta’ Pariġi*.
  • Sabiex jintlaħaq il-“punt ta’ tlestija” taħt it-tieni Stadju, u jibbenefika mill-għajnuna sħiħa, il-pajjiż irid:
    • jistabbilixxi rekord ulterjuri ta’ prestazzjoni tajba;
    • jimplimenta riformi ta’ politika strutturali ewlenin miftiehma;
    • iżomm l-istabbiltà finanzjarja; u
    • jadotta u jimplimenta strateġija għat-tnaqqis tal-faqar preskritta għal mill-inqas sena.
  • Ma hemmx skeda fissa għat-tlestija taż-żewġ stadji.
  • Fl-2005, l-inizjattiva HIPC kienet issupplimentata mill-Inizjattiva Multilaterali tas-Serħan mid-Dejn (MDRI). Din tipprovdi għal ħelsien ta’ 100 % fuq dejn eliġibbli mill-FMI, il-Bank Dinji, u l-Fond Afrikan tal-Iżvilupp (AfDF), għall-pajjiżi li jlestu l-proċess tal-Inizjattiva HIPC. Fl-2007, il-Bank Inter-Amerikan tal-Iżvilupp (IaDB) approva wkoll ħelsien mid-dejn addizzjonali għall-HIPCs fl-Emisfera tal-Punent.
  • Sa Ottubru 2016, il-pakketti ta’ tnaqqis tad-dejn taħt l-inizjattiva HIPC kienu ġew approvati f’36 pajjiż, 30 minnhom fl-Afrika, b’USD 76 biljun allokati bħala ħelsien mid-dejn. tliet pajjiżi addizzjonali huma eliġibbli għall-assistenza tal-Inizjattiva HIPC attwalment.

SFOND

* TERMINI EWLENIN

Banek multilaterali: banek bħall-Bank Dinji u l-FMI u istituzzjonijiet finanzjarji reġjonali bħall-Bank Afrikan tal-Iżvilupp.

Il-Klabb ta’ Pariġi: grupp informali ta’ pajjiżi kredituri li jipprovdu ħelsien mid-dejn lil pajjiżi li qed jiżviluppaw

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar parteċipazzjoni Komunitarja fl-inizjattiva ta’ ħelsien mid-dejn għal pajjiżi foqra b’ħafna dejn (HIPC) (traduzzjoni mhux uffiċjali) (COM(1999) 518 final, 26.10.1999)

l-aħħar aġġornament 07.12.2016

Top