EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Miżuri kontra s-sussidji

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) 2016/1037 jistabbilixxi r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux tal-UE u l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri kumpensatorji.

Dan ġie emendat tliet darbiet: permezz tar-Regolament (UE) 2017/2321, tar-Regolament (UE) 2018/825 u tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1173.

PUNTI EWLENIN

Regolament (UE) 2016/1037

Dazju kumpensatorju huwa applikat biex jagħmel tajjeb għall-effetti dannużi tal-importazzjonijiet sussidjati ta’ prodott fuq il-produtturi tal-UE tal-istess suq tal-prodotti u biex terġa’ tinkiseb kompetizzjoni ġusta. Id-dazju jitħallas mill-importatur u jinġabar mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tal-UE kkonċernat.

Għandhom jiġu ssodisfati erba’ kundizzjonijiet qabel ma jkunu jistgħu jiġu imposti miżuri kontra s-sussidji fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott:

  • l-importazzjonijiet jibbenefikaw minn sussidju speċifiku;
  • għandu jkun hemm dannu materjali* lill-industrija tal-UE li tipproduċi l-prodott simili*;
  • għandu jkun hemm rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu materjali; u
  • l-miżura kontra s-sussidji ma għandhiex tmur kontra l-interess tal-UE — il-miżuri ma għandhomx jikkawżaw aktar dannu lill-ekonomija globali tagħha mill-eżenzjoni li tingħata lill-industrija li qed tbati mill-importazzjonijiet.

Ilment inizjali

  • Ilment kontra s-sussidji jitressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea minn jew f’isem il-produtturi tal-UE tal-prodott ikkonċernat jew direttament jew permezz tal-awtoritajiet ta’ pajjiż tal-UE. Partijiet oħra, bħat-trade unions, jistgħu jressqu wkoll ilmenti flimkien mal-industrija tal-UE u jsiru partijiet interessati fil-proċedimenti. F’ċirkostanzi speċjali, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ ukoll investigazzjoni dwar is-sussidji fuq inizjattiva tagħha stess.
  • Kull ilment għandu jinkludi evidenza ta’ sussidju, dannu u rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet allegatament sussidjati u l-ħsara allegata.
  • Biex titħares id-data kummerċjali kunfidenzjali, jeħtieġ li jiġu ppreżentati żewġ verżjonijiet ta’ lment: verżjoni kunfidenzjali u verżjoni mhux kunfidenzjali. L-ewwel waħda se tkun disponibbli biss għall-persunal tal-Kummissjoni li jaħdem direttament fuq il-każ. Il-verżjoni mhux kunfidenzjali se tkun aċċessibbli mill-partijiet interessati kollha ladarba tinfetaħ l-investigazzjoni, fuq talba.
  • Il-Kummissjoni għandha teżamina l-preċiżjoni u l-adegwatezza tal-evidenza pprovduta fl-ilment biex tiddetermina jekk hemmx bażi suffiċjenti biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ investigazzjoni. Din għandha ssir fi żmien 45 jum mill-preżentazzjoni tal-ilment.
  • Qabel ma tinbeda investigazzjoni kontra s-sussidji, il-Kummissjoni hija meħtieġa li toffri konsultazzjonijiet lill-gvern tal-pajjiż tal-esportazzjoni.

Investigazzjoni kontra s-sussidji

  • Ladarba l-Kummissjoni tiddeċiedi li tniedi investigazzjoni, hija għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija tikkuntattja lill-manifatturi magħrufa kollha u lill-partijiet interessati l-oħra kollha u titlobhom jimlew il-kwestjonarji sa skadenza stretta.
  • Fejn hemm ħafna partijiet potenzjalment interessati, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li twettaq l-investigazzjoni tagħha fuq bażi ta’ kampjun ta’ operaturi (produtturi esportaturi, manifatturi tal-UE, importaturi, utenti).
  • Fejn, abbażi tal-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tqis li sar sussidjar li jikkawża dannu, jistgħu jiġu imposti miżuri kontra s-sussidji fuq l-importazzjonijiet fl-UE tal-prodott ikkonċernat. Dawn il-miżuri ġeneralment jieħdu l-forma ta’:
    • dazju ad valorem — perċentwal tal-valur tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat;
    • dazji speċifiċi — valur fiss għal ċertu ammont ta’ merkanzija, pereżempju €100 għal kull tunnellata ta’ prodott; jew
    • impenn fuq il-prezz — impenn minn esportatur li jirrispetta l-prezzijiet minimi tal-importazzjoni.
  • L-awtoritajiet tal-pajjiż tal-esportazzjoni jistgħu jimpenjaw ruħhom ukoll li jeliminaw is-sussidju jew jieħdu miżuri li jikkonċernaw l-effetti tas-sussidju.
  • Il-miżuri provviżorji, jekk ikun hemm, għandhom jiġu imposti mhux aktar tard minn 9 xhur wara li tkun bdiet l-investigazzjoni u għandhom jibqgħu fis-seħħ għal massimu ta’ 4 xhur. Dan jista’ jkun segwit mill-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi, li jibqgħu fis-seħħ għal 5 snin.
  • Id-dazji jitħallsu mill-importatur fl-UE u jinġabru mill-awtoritajiet doganali nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE kkonċernati.
  • Il-miżuri fis-seħħ jistgħu jiġu riveduti (rieżami interim) taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rieżami ġeneralment ikun limitat għal element wieħed jew għal diversi elementi tal-miżuri inizjali, eż. il-livell ta’ sussidjar u/jew dannu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, jew il-forma tal-miżuri.
  • Wara 5 snin, il-miżuri jiskadu sakemm rieżami ta’ skadenza jikkonkludi li, kieku l-miżuri kellhom jiskadu, is-sussidjar u d-dannu materjali probabbilment kienu jkomplu jew jerġgħu jseħħu.
  • L-importaturi jistgħu jitolbu rifużjoni sħiħa jew parzjali tad-dazji mħallsa jekk ikunu jistgħu juru li l-marġini ta’ sussidju, li abbażi tiegħu tħallsu d-dazji, kien eliminat jew imnaqqas.
  • Ir-regoli tal-UE kontra s-sussidji huma bbażati fuq l-istandards globali stabbiliti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2017/2321

Billi l-esperjenza wriet li xi sussidji jinstabu biss matul l-investigazzjoni rilevanti, ir-Regolament emendatorju (UE) 2017/2321 żied subparagrafu li jirrikjedi lill-Kummissjoni, f’dawk is-sitwazzjonijiet, toffri konsultazzjonijiet addizzjonali dwar dawn is-sussidji lill-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni kkonċernat fir-rigward ta’ dawn is-sussidji identifikati matul l-investigazzjoni.

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2018/825

Fost affarijiet oħra, ir-Regolament jagħmel dan li ġej:

  • Dan jissimplifika l-proċess ta’ investigazzjoni u jagħmilha aktar faċli għan-negozji ż-żgħar biex jipparteċipaw fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ (inkluż il-ħolqien ta’ helpdesk ta’ difiża tal-kummerċ għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME)).
  • Dan jemenda kif ir-regola magħrufa bħala r-“regola tad-dazju inferjuri” tiġi applikata f’każijiet ta’ kontra s-sussidji. L-UE kienet diġà imponiet miżuri f’livell aktar baxx mill-firxa sħiħa tas-sussidjar, fejn livell aktar baxx (il-“marġni ta’ ħsara”) kien biżżejjed biex jitneħħa d-dannu mġarrab mill-industrija tal-UE. Skont ir-regoli l-ġodda, il-miżuri kontra s-sussidji jistgħu jikkumpensaw bis-sħiħ għas-sussidji li jirċievi esportatur, sakemm dan ikun fl-interess tal-UE kollha kemm hi biex jagħmel dan.
  • Dan jintroduċi regoli ġodda dwar il-kalkolu tal-“prezz li ma jagħmilx dannu” (il-prezz li l-industrija hija mistennija li tkun talbet taħt ċirkostanzi normali). Il-kalkolu issa jista’ jqis l-ispiża tal-investimenti meħtieġa, pereżempju fl-infrastruttura jew ir-riċerka u l-iżvilupp, iżda wkoll l-ispejjeż futuri relatati mal-istandards soċjali u ambjentali, pereżempju skont is-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Il-prezz li ma jagħmilx dannu issa jassumi profitt minimu ta’ 6 % li se jiġi inkluż fil-kalkolu, b’marġni ta’ profitt ogħla possibbli fuq bażi ta’ każ b’każ.
  • Dan introduċa perjodu ta’ żvelar minn qabel, li matulu l-partijiet interessati rċevew informazzjoni dwar l-impożizzjoni, jew le, ta’ miżuri provviżorji 3 ġimgħat bil-quddiem. Fir-rieżami li sar skont ir-Regolament emendatorju (UE) 2018/825, il-Kummissjoni kkonkludiet li, b’mod ġenerali, l-ebda dannu addizzjonali lill-industrija tal-UE ma kien ikkawżat mill-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ żvelar minn qabel Għalhekk, din adottat att delegat li jemenda t-tul tal-perjodu ta’ żvelar minn qabel għal 4 ġimgħat (ir-Regolament Delegat (UE) 2020/1173).

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (UE) 2016/1037 ilu japplika mill-20 ta’ Lulju 2016. Dan ikkodifika u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 u l-bosta emendi sussegwenti tiegħu.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2017/2321 ilu japplika mill-20 ta’ Diċembru 2017.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2018/825 ilu japplika mit-8 ta’ Ġunju 2018.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/1173 ilu japplika mill-11 ta’ Awwissu 2020.

SFOND

  • Sussidju huwa kontribuzzjoni finanzjarja, bħal għotja jew self, li normalment jitħallsu mill-gvern ta’ pajjiż mhux tal-UE. Dan jagħti benefiċċju lil negozju jew industrija li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn l-UE, u b’hekk ikun ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq tal-UE. Biex tilqa’ għal din id-distorsjoni u biex iddaħħal mill-ġdid il-kompetizzjoni ġusta, l-UE tista’ timponi dazju kontra s-sussidji fuq importazzjonijiet ta’ din ix-xorta.
  • Ir-regoli tal-UE ta’ kontra s-sussidji huma bbażati fuq l-istandards globali stabbiliti mid-WTO.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Dannu materjali: dannu sostanzjali lill-industrija tal-UE, eż. telf ta’ sehem mis-suq, livelli tal-prezzijiet imnaqqsin u/jew profittabbiltà mnaqqsa.
Prodott simili: prodott li huwa identiku jew li jixbah mill-qrib lill-prodott importat taħt kunsiderazzjoni.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) (ĠU L 176, 30.6.2016, pp. 55-91)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2016/1037 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 16.10.2020

Top