Awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti tal-UE u mhux tal-UE
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Regolament (KE) Nru 1006/2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-UE barra mill-ilmijiet tal-UE u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi mhux tal-UE għall-ilmijiet tal-UE
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
-
Dan jintroduċi sistema ġenerali tal-UE għall-awtorizzazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd kollha tal-bastimenti tas-sajd tal-UE barra mill-ilmijiet tal-UE, u jiżgura li r-regoli għall-aċċess tal-bastimenti mhux tal-UE fl-ilmijiet tal-UE huma konsistenti mar-regoli applikabbli għall-bastimenti tas-sajd tal-UE.
-
L-iskop tar-regolament huwa li jissodisfa l-obbligi internazzjonali li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali u multilaterali dwar is-sajd adottati fil-qafas tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs).
-
Huwa jsaħħaħ ukoll l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (PKS) fir-rigward tas-sajd sostenibbli, il-kontroll u r-regoli tal-UE dwar l-indirizzar ta’ sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat (IUU).
PUNTI EWLENIN
Bastimenti tas-sajd tal-UE barra mill-ilmijiet tal-UE
Proċedura
-
L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea b’mod elettroniku mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE fejn ikun irreġistrat il-bastiment tas-sajd.
-
Dawn iridu jintbagħtu mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol qabel l-iskadenza stipulata fil-ftehim ikkonċernat jew b’konformità mar-regola pprovduta fil-ftehim mal-pajjiż mhux tal-UE.
-
Il-Kumissjoni tivverifika li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet huma eliġibbli, u tiżgura li tali applikazzjonijiet jintbagħtu lill-pajjiż mhux tal-UE kkonċernat.
-
Il-Kummissjoni tinforma lill-awtoritajiet tal-pajjiż tal-UE rilevanti jekk il-pajjiż mhux tal-UE kkonċernat ikunx iddeċieda li jagħti l-awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastiment partikolari. Il-pajjiż tal-UE mbagħad jinforma lis-sid tal-bastiment tas-sajd.
Sospensjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd
-
Jekk pajjiż mhux tal-UE jiddeċiedi li jissospendi jew jirtira awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiż tal-UE, il-Kummissjoni trid tinforma lill-pajjiż tal-UE immedjatament.
-
Il-pajjiż tal-UE mbagħad irid jew jissospendi l-awtorizzazzjoni tas-sajd mogħtija temporanjament jew jirtiraha b’mod permanenti.
Sistema ta’ informazzjoni tal-UE għall-awtorizzazzjoni tas-sajd
-
Sistema ta' informazzjoni tal-UE sigura u elettronika fiha l-informazzjoni relatata mal-awtorizzazzjonijiet maħruġa.
-
Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-informazzjoni li tkun tinsab fiha tkun aġġornata f’kull ħin.
Bastimenti tas-sajd ta’ pajjiż mhux tal-UE fl-ilmijiet tal-UE
Proċedura
-
L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu lill-Kummissjoni b’mod elettroniku mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż mhux tal-UE fejn ikun irreġistrat il-bastiment tas-sajd.
-
Il-Kummissjoni tivverifika li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet huma eliġibbli. Imbagħad hija tevalwa l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-pajjiż mhux tal-UE u toħroġ permess fuq il-bażi tal-miżuri adottati mill-Kunsill u tar-regoli li jinsabu fil-ftehim ikkonċernat.
-
Il-Kummissjoni tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż mhux tal-UE u lil dawk tal-pajjiżi dwar l-awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa.
Nuqqas ta’ konformità mar-regoli
-
Jekk pajjiż tal-UE jirreġistra ksur b’rabta ma’ bastiment tas-sajd ta’ pajjiż mhux tal-UE fl-ilmijiet tal-UE taħt il-ftehim ikkonċernat, għandu jinforma lill-Kummissjoni immedjatament. F’dan il-każ, l-ebda awtorizzazzjoni tas-sajd oħra ma tinħareġ għall-bastimenti tas-sajd minn dak il-pajjiż mhux tal-UE għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar.
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Dan ilu japplika mit-18 ta’ Novembru 2008.
DOKUMENT EWLIENI
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, pp. 33-44)
l-aħħar aġġornament 05.10.2016
Top