Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Għajnuna legali f’materji ċivili u kummerċjali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2002/8/KE — aċċess imtejjeb għall-ġustizzja f’tilwimiet transkonfinali permezz tal-istabbiliment ta’ regoli komuni minimi konnessi mal-għajnuna legali

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Hija għandha l-għan li:

  • ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f’każijiet ċivili transkonfinali;
  • tistabbilixxi regoli komuni tal-UE dwar l-għajnuna legali;
  • tiżgura li l-persuni li ma jaffordjawx l-għajnuna legali jkollhom aċċess għaliha;
  • tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fuq l-għajnuna legali bejn il-pajjiżi tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Din id-Direttiva tkopri l-materji ċivili kollha, inkluż:

  • in-negozju,
  • l-impjieg,
  • il-protezzjoni tal-konsumaturi.

Hija tagħti lill-persuni li ma jistgħux jaffordjaw rappreżentazzjoni legali d-dritt għall-għajnuna legali. Din hija għaċ-ċittadini tal-UE u ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE li jgħixu fl-UE.

L-għajnuna legali tista’ tinkludi:

  • pariri legali,
  • assistenza legali u rappreżentanza fil-qorti,
  • eżenzjoni mill-ispejjeż tal-qorti,
  • eżenzjoni minn ċerti ħlasijiet f’każijiet internazzjonali (eż. interpretazzjoni, traduzzjoni, vjaġġar).

Barra minn hekk, id-direttiva tintroduċi regoli dwar l- ipproċessar tal-applikazzjonijiet.

  • L-awtoritajiet nazzjonali għandhom:
    • jiżguraw li l-applikanti jifhmu kif l-applikazzjonijiet huma pproċessati;
    • jispjegaw għaliex jirrifjutaw applikazzjoni;
    • jippermettu lill-applikanti jappellaw kontra r-rifjut.
  • Biex iħaffu l-applikazzjonijiet, il-pajjiżi tal-UE għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea b’lista ta’:
    • awtoritajiet li jistgħu jibagħtu u jirċievu applikazzjonijiet
    • lingwi li bihom jaċċettaw l-applikazzjonijiet.

Formoli standard ta’ applikazzjoni

  • Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/844/KE tistabbilixxi formola standard għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali.
  • Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/630/KE tistabbilixxi l-formola standard biex jintbagħtu applikazzjonijiet għall-għajnuna legali bejn il-pajjiżi tal-UE.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li ċ-ċirkoli pubbliċi u professjonali jkunu infurmati permezz tan-Network Ġudizzjarju Ewropew.

Jekk ikunu jixtiequ, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħmlu arranġamenti aktar ġenerużi għall-applikanti għal għajnuna legali.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-31 ta’ Jannar 2003. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-30 ta’ Novembru 2004. Id-Direttiva ma tapplikax fid-Danimarka.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f’tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma’ għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (ĠU L 26, 31.1.2003, pp. 41-47)

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2003/8/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/844/KE tad-9 ta’ Novembru 2004 li tistabbilixxi formola ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna legali taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE sabiex ittejjeb l-aċċess għall-ġustizja f’tilwim bejn fruntiera u oħra billi tistabbilixxi regoli komuni minimi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-għajnuna legali f’tilwim bħal dawn (ĠU L 365, 10.12.2004, pp. 27-34)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/630/KE tas-26 ta’ Awissu 2005 li tistabbilixxi formola għat-trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna legali taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE (ĠU L 225, 31.8.2005, pp. 23-27)

l-aħħar aġġornament 12.12.2016

Top