Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunta

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni kwadra tal-Kunsill 2002/465/ĠAI dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI KWADRA?

Din tistabbilixxi r-regoli għall-istabbiliment u l-funzjonament ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunta (SIK). Il-ħsieb huwa li ċerti tipi ta’ kriminalità fl-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jiġu investigati b’mod aktar effettiv minn SIKs stabbiliti għal perjodu fiss wara ftehim bejn il-pajjiżi tal-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Id-Deċiżjoni Kwadra kienet tweġiba għal laqgħa bejn il-pajjiżi tal-UE fl-1999 li sejħet biex jitwaqqfu skwadri bħal dawn mingħajr dewmien sabiex jiġġieldu t-traffikar ta’ droga u ta’ bnedmin, kif ukoll it-terroriżmu.
  • Il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali li ġiet adottata f’Mejju 2000, tipprovdi għat-twaqqif tas-SIKs. Madankollu, minħabba r-rata baxxa ta’ rattifikazzjoni, din id-Deċiżjoni Kwadra ġiet adottata, bl-implimentazzjoni kellha titlesta sal-1 ta’ Jannar 2003. Ladarba il-konvenzjoni tkun iddaħħlet fis-seħħ fil-pajjiżi kollha tal-UE, id-Deċiżjoni Kwadra se tieqaf milli jkollha effett.
  • Fejn investigazzjoni kriminali fl-UE tkun teħtieġ azzjoni kkoordinata u maqbula, tal-inqas żewġ pajjiżi tal-UE jistgħu jistabbilixxu SIK. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE relevanti jidħlu fi ftehim biex jiddeterminaw il-proċeduri li għandha ssegwi l-iskwadra. L-iskwadra konġunta trid titwaqqaf għal:
    • skop speċifiku; u
    • perjodu limitat (li jista’ jiġġedded bi ftehim tal-partijiet kollha involuti).
  • Il-pajjiżi tal-UE li jistabbilixxu l-iskwadra, jiddeċiedu dwar il-kompożizzjoni u l-iskop tagħha u kemm iddum. L-iskwadra titmexxa minn persuna minn wieħed mill-pajjiżi tal-UE li tkun qed issir l-investigazzjoni fih. Dawn jistgħu jippermettu wkoll rappreżentanti tal-Europol, tal-Eurojust, tal-OLAF u rappreżentanti ta’ pajjiżi mhux tal-UE biex jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-iskwadra. Il-membri kollha tal-iskwadra jeħtiġilhom iwettqu d-doveri tagħhom skont il-liġijiet tal-pajjiż li jkunu qed joperaw fih.
  • Diment li tkun teżisti bażi legali, bħal ftehim internazzjonali jew leġiżlazzjoni nazzjonali, is-SIKs jistgħu jitwaqqfu wkoll bi u bejn pajjiżi barra mill-UE.
  • Fl-1 ta' Diċembru 2014, ir-Renju Unit innotifika lill- Kummissjoni Ewropea li huwa xtaq jipparteċipa fid-Deċiżjoni Kwadru. Dan ġie kkonfermat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/858/UE. Fil-11 ta’ Marzu 2016, l-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni li hi kienet inkorporat id-Deċiżjoni Kwadra fil-liġi nazzjonali tagħha. Dan ifisser li issa l-pajjiżi tal-UE kollha kellhom bażi legali tal-UE li fuqha setgħu jwaqqfu skwadri ta’ investigazzjoni konġunta.

META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI KWADRA?

Din ilha tapplika mill-20 ta’ Ġunju 2002. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali tagħhom sal-1 ta’ Jannar 2003.

SFOND

  • F’Lulju 2005, twaqqaf in-netwerk ta’ esperti nazzjonali dwar skwadri ta’ investigazzjoni konġunta (in-netwerk tas-SIKs, network of national experts on joint investigation teams, JITs network ) sabiex jiġi implimentat il-“Programm Hague” u l-impenn tiegħu li kull pajjiż tal-UE jenħtieġ li jiddeżinja espert nazzjonali “bil-ħsieb li jinkoraġġixi l-użu tas-SIKs u l-iskambju ta’ esperjenza dwar l-aħjar prattika” (id-Dokument tal-Kunsill 11037/05).
  • Sa mill-2005, in-netwerk tas-SIKs iltaqa’ darba fis-sena u sa minn nofs Jannar tal-2011, in-netwerk tas-SIKs kellu segretarjat — ospitat mill-Eurojust — li jippromwovi l-attivitajiet tan-netwerk tas-SIKs u jappoġġja l-esperti nazzjonali fil-ħidma tagħhom. B’dan l-għan, mill-2012, is-segretarjat tan-netwerk tas-SIKs appoġġja l-iżvilupp ta’ formola mfassla biex tgħin lill-prattikanti fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-SIKs, inkluż ir-riżultati miksuba, il-kwistjonijiet legali u d-diffikultajiet prattiċi li jiltaqgħu magħhom. L-ewwel verżjoni tal-formola tal-evalwazjoni tas-SIK ġiet żviluppata u saret disponibbli għall-prattikanti tas-SIK f’April 2014.
  • L-għadd ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunta mwaqqfa kull sena li dejjem qed jiżdied b’mod stabbli juri li dawn huma l-għodod ewlenin li permezz tagħhom jistgħu jiġu kkoordinati l-investigazzjonijiet u li dawn iżidu l-fiduċja reċiproka fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-UE u l-awtoritajiet ġudizzjarji.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni Kwadra tal-Kunsill 2002/465/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti (ĠU L 162, 20.6.2002, pp. 1-3)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/858/UE tal-1 ta' Diċembru 2014 dwar in-notifika mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jixtieq jieħu sehem f'atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u li mhumiex parti mill- acquis ta' Schengen (ĠU L 345, 1.12.2014, pp. 6–9)

l-aħħar aġġornament 12.01.2017

Top