Vyberte si experimentálne prvky, ktoré chcete vyskúšať

Tento dokument je výňatok z webového sídla EUR-Lex

Informazzjoni ambjentali — parteċipazzjoni pubblika u aċċess għall-ġustizzja (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea (UE) jimplimentaw l-obbligi li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus (ara s-sommarju). Il-konvenzjoni tagħti d-dritt lill-pubbliku:

  • biex jaċċessa informazzjoni ambjentali;
  • biex jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet;
  • aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

PUNTI EWLENIN

Aċċess għall-informazzjoni ambjentali

Istituzzjonijiet u korpi tal-UE għandhom:

  • jiggarantixxu aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali miżmuma minnhom, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fir-regolament;
  • jiżguraw li l-informazzjoni ambjentali tkun magħmula disponibbli u mxerrda lill-pubbliku b’mod progressiv;
  • jorganizzaw l-informazzjoni f’bażi ta’ data li l-pubbliku jista’ jaċċessa faċilment;
  • jaġġornaw l-informazzjoni kif xieraq u jiżguraw li hija preċiża u komparattiva;
  • iwieġbu għal kull talba għall-informazzjoni ambjentali fi żmien 15-il jum tax-xogħol.

Bażi ta’ data jew reġistri ambjentali għandu jkun fihom:

  • testi ta’ trattati, konvenzjonijiet jew ftehimiet, politiki, pjanijiet u programmi internazzjonali;
  • rapporti ta’ progress dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn ta’ hawn fuq;
  • passi meħuda fil-proċedimenti għall-ksur tal-liġi tal-UE;
  • rapporti dwar l-istat tal-ambjent,;
  • data ta’ monitoraġġ ta’ attivitajiet li jistgħu jaffettwaw l-ambjent;
  • awtorizzazzjonijiet mogħtija li jistgħu jaffettwaw l-ambjent;
  • studju tal-impatt u valutazzjonijiet tar-riskju ambjentali.

Talbiet għall-informazzjoni jistgħu jiġu rrifjutati biss f’ċirkostanzi speċifiċi, bħal proċeduri legali li jkunu għadhom għaddejjin jew li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent, pereżempju, billi jiżżvelaw siti ta’ tgħammir ta’ speċi rari.

Il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali

Istituzzjonijiet u korpi tal-UE għandhom jipprovdu opportunitajiet bikrin u effettivi biex il-pubbliku jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet rigward pjanijiet jew programmi ambjentali. Meta l-Kummissjoni Ewropea tipprepara pjan jew programm li se jiġi sottomess lil korpi oħra tal-UE għal deċiżjoni, għandha tipprovdi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-istadju preparatorju.

L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE għandhom jidentifikaw il-pubbliku li x’aktarx se jkun affettwat minn pjan jew programm u jiżguraw li jkun informat dwar:

  • I-abbozz ta’ proposta;
  • informazzjoni ambjentali rilevanti;
  • arranġamenti prattiċi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku, inkluż:
    • fejn tista’ tinstab informazzjoni ulterjuri,
    • lil min kummenti, opinjonijiet jew mistoqsijiet jistgħu jiġu sottomessi,
    • perjodi ta’ żmien raġonevoli li jippermettu lill-pubbliku jipprepara u jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

Terminu stabbilit ta’ mill-inqas tmien ġimgħat huwa stabbilit biex jirċievi kummenti, b’mill-inqas erba’ ġimgħat avviż ta’ kwalunkwe laqgħat jew seduti.

L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE għandhom jieħdu kont tar-riżultat tal-parteċipazzjoni pubblika u jinfurmaw lill-pubbliku ta’ kull deċiżjoni u fuq liema bażi saru, inkluż informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni pubblika.

Reviżjoni interna u aċċess għall-ġustizzja

Membri tal-pubbliku, taħt ċerti kundizzjonijiet, huma intitolati biex jagħmlu talba għal reviżjoni interna lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-UE li adotta att amministrattiv, jew li fil-każ ta’ omissjoni, kellu jadotta tali att, fuq il-bażi li tali att jew omissjoni tikser il-liġi ambjentali.

Organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) tista’ tagħmel talba, jekk:

  • tkun persuna indipendenti u legali u mhux ta’ profitt skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali ta’ Stat Membrutal-UE;
  • għandha l-għan ewlieni ddikjarat li tippromwovi l-protezzjoni ambjentali fil-kuntest tal-liġi ambjentali;
  • ilha teżisti għal aktar minn sentejn;
  • is-suġġett ikkonċernat huwa kopert mill-objettivi u l-attivitajiet tiegħu.

Talba għal reviżjoni interna tista’ wkoll issir minn membri oħra tal-pubbliku, jekk jistgħu:

  • juru li d-drittijiet tagħhom huma direttament affettwati mill-ksur allegat tal-liġi ambjentali tal-UE meta mqabbla mal-pubbliku inġenerali; jew
  • juru biżżejjed interess pubbliku, appoġġat minn mill-inqas 4,000 membru tal-pubbliku minn mill-inqas ħames Stati Membri, b’mill-inqas 250 membru tal-pubbliku ġejjin minn kull Stat Membru.

It-talbiet għandhom jiġu sottomessi minn NGO ambjentali li tissodisfa l-kriterji deskritti hawn fuq jew avukat awtorizzat li jipprattika fi Stat Membru.

Tali talbiet għandhom isiru fi żmien tmien ġimgħat minn meta l-att amministrattiv jiġi adottat, notifikat jew ippubblikat, liema minnhom tkun l-aħħar.

L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE għandhom jippubblikaw it-talbiet kollha għal reviżjoni interna malajr kemm jista’ jkun wara li jirċevuha, kif ukoll id-deċiżjonijiet finali fuq dawk it-talbiet kemm jista’ jkun possibli wara li jkunu adottati.

L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE għandhom jaġixxu fi żmien l-iskadenza ta’ 22 ġimgħa tal-iskadenza tas-sottomissjoni ta’ tmien ġimgħat. Fejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE ma jirnexxilhomx jaġixxu fuq talba ta’ reviżjoni interna, jew meta talba tiġi rrifjutata, l-NGO jew membri oħra tal-pubbliku jistgħu jibdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mit-28 ta’ Ġunju 2007. Ċerti regoli emendati, prinċipalment relatati mal-aċċess għall-ġustizzja, ilhom japplikaw mit-28 ta’ Ottubru 2021. Ir-regoli li jippermettu aċċess għal membri oħrajn tal-pubbliku — minbarra l-NGOs ambjentali — japplikaw mid-29 ta’ April 2023.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, pp. 13–19).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/748 tal-11 ta’ April 2023 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-talbiet għar-rieżami intern tal-atti amministrattivi jew tal-ommissjonijiet (ĠU L 99, 12.4.2023, pp. 23–27).

Id-Direttiva 2003/35/KE tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja(ĠU L 156, 25.6.2003, pp. 17–25).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, pp. 26–32).

l-aħħar aġġornament 22.06.2023

Začiatok