L-Impriża Konġunta tal-UE għall-Enerġija mill-Fużjoni (F4E)
SOMMARJU TA’:
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tagħtiha vantaġġi
X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?
- Id-Deċiżjoni 2007/198/Euratom tistabbilixxi l-Fużjoni għall-Enerġija (F4E), impriża konġunta tal-Unjoni Ewropea (UE) li hija responsabbli, b’mod partikolari, għall-kontribuzzjoni tal-UE għall-proġett ITER, esperiment internazzjonali fuq skala kbira stabbilita biex turi l-vijabilità tal-enerġija tal-fużjoni bħala sors ġdid tal-enerġija.
- Fl-2021, id-Deċiżjoni li temenda (Euratom) 2021/281 iggarantixxiet il-kontribuzzjoni tal-iffinanzjar Ewropew tal-proġett ITER matul il-qafas finanzjarju pluriennali tal-2021–2027.
PUNTI EWLENIN
Għanijiet
Dawn huma:
Minbarra l-attivitajiet l-oħrajn tagħha, il-kompiti ewlenin tal-F4E huma:
- li tipprovdi l-materjal, ir-riżorsi finanzjarji u umani lill-Organizzazzjoni ITER;
- li tikkoordina attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp xjentifiku u teknoloġiku u ta’ żvilupp fil-qasam tal-fużjoni;
- li taġixxi bħala interfaċċa mal-organizzazzjoni ITER.
Baġit
Il-kontribuzzjoni tal-Euratom għall-F4E għall-perjodu bejn l-2021–2027 hija stabbilita għal EUR 5,614-il miljun.
Struttura
F4E għandha personalità ġuridika u għandha l-istruttura li ġejja.
- Bord ta’ tmexxija, magħmul minn rappreżentanti tal-membri tal-F4E. Dan huwa megħjun minn:
- Direttur, li huwa responsabbli biex jirrappreżenta lill-F4E u l-operat ta’ kuljum tal-organizzazzjoni, inkluż l-iffirmar ta’ kuntratti.
Responsabbiltà u ġurisdizzjoni
- Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-F4E hija rregolata mill-kuntratt inkwistjoni u l-liġi applikabbli għalih.
- Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE għandha ġuriżdizzjoni f’azzjonijiet u f’appelli kontra l-F4E.
Valutazzjoni u komunikazzjoni
- Id-Deċiżjoni li Temenda (Euratom) 2021/281 teħtieġ valutazzjonijiet regolari u f’waqthom tal-implimentazzjoni tagħha biex jiddaħħlu fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Ladarba tkun disponibbli biżżejjed informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-perjodu 2021–2027, il-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq valutazzjoni interim sal-2024 l-aktar tard u tittrażmetti l-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni.
- Riċevituri tal-finanzjament tal-Komunità huma meħtieġa jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata li hija koerenti, effettiva u proporzjonata lil udjenzi multipli, inkluż lill-midja u lill-pubbliku.
- Il-Kummissjoni se timplimenta wkoll azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati ma’ din id-deċiżjoni, inkluż ir-riżultati miksuba.
MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?
Ilha tapplika mid-19 ta’ April 2007.
SFOND
- Ir-riċerka Ewropea dwar l-enerġija tal-fużjoni ilha għaddejja 40 sena. Il-proġett Konġunt Ewropew Torus, stabbilit fl-1978, ikkontribwixxa għal riċerka avvanzata fil-qasam tal-enerġija mill-fużjoni. Minn nofs it-tmeninijiet, l-iżvilupp tal-proġett tal-ITER irrappreżenta stadju ġdid fil-qasam tal-fużjoni, b’dejjem aktar sħab internazzjonali li jingħaqdu mal-proġett minn żmien għal żmien. Ix-xogħol tad-disinn kunċettwali beda fl-1988, u d-disinn finali għall-faċilità tal-ITER ġie approvat fl-2001. L-għażla tal-post ħadet ħafna żmien. Il-kostruzzjoni tal-kumpless tal-ITER, f’Cadarache fin-nofsinhar ta’ Franza, qiegħda titlesta bħalissa u l-assemblaġġ tat-tokamak* beda fl-2020.
- Għal iktar informazzjoni, ara:
TERMINI PRINĊIPALI
Tokamak. Tagħmir fil-forma ta’ doughnut, li jissejjaħ ukoll torus, għall-produzzjoni tal-fużjoni nukleari li jinvolvi l-ħażna u t-tisħin ta’ plażma tal-gass permezz ta’ kurrent elettriku u kamp manjetiku.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tagħtiha vantaġġi (ĠUL 90, 30.3.2007, pp. 58–72).
Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2007/198/Euratom ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.
l-aħħar aġġornament 16.12.2021
Top